Jista' l-Ministru jgħid x'permessi tat l-Awtorita` ta' l-Ippjanar biex jinbena taraġ tal-injam fuq ir-ramel tal-Golden Bay ?
Min applika għal tali permess u meta ħarġu l-permessi meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Wara li l-MEPA kienet ghamlet azzjoni diretta fuq it-tarag illegali li kien sar snin ilu saru laqghat preliminari bejn il-perit tal-izviluppatur u l-Awtorita` fejn gie diskuss il-metodu accettabli ghall-Awtorita` ta` kif ghandu jsir tarag temporanju, sakemm tinstab soluzzjoni permanenti ghal rilokazzjoni ta` struttura li tinstab fl-istess bajja. Minkejja li kien indikat lilu il-process biex japplika, l-izviluppatur ghazel li jaghmel ix-xoghlijiet minghajr permess tal-MEPA. Kien ghalhekk li nharget Enforcement Notice u sadanittant saret applikazzjoni sanatorja PA 4066/02.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil-Junior College jekk ingħatatx promozzjoni ta' senior lecturer? Jista' jgħid fuq liema bażi ngħatat din il-promozzjoni? Jista' jgħid xi kwalifiki għandha fis-suġġett li tgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata għadha ma ngħatatx il-promozzjoni ta' Senior Lecturer mill-Kunsill ta' l-Universita`, għalkemm it-talba tagħha qed tkun kunsidrata.
Informat ukoll li l-persuna msemmija għandha Dottorato di Ricerca (PhD) mill-Universita di Bologna fl-1996 fejn is-supervisor tagħha kien il-Professur Umberto Eco.
Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm isselfet flus il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u b'liema kundizzjonijiet :
1) mill-HSBC
2) mill-BOV
3) mil-Lombard Bank
4) mill-APS Bank
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa l-Fondazzjoni għall-iSkejjel t'Għada għadha ma sselfet l-ebda somma mill-banek.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-EFL Monitoring Board li joħroġ il-permessi meħtieġa għall-iskola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin f'St George's Bay Hotel Complex li applikat l-ewwel darba fit-18 ta' Mejju 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li peress li din l-applikazzjoni hija marbuta ma' numru ta' fatturi li jridu jiġu diskussi u deċiżi minn diversi awtoritajiet oħra, l-EFL Monitoring Board mhux f'pożizzjoni li jagħmel rakkomandazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddew studenti fl-eżami SEC (sessjoni Mejju 2002) fis-suġġetti kollha
1) mill-iskejjel sekondarji bniet tal-gvern
2) mill-junior lyceum bniet
3) mill-iskejjel tal-knisja bniet
4) mill-iskejjel privati bniet
a) f'Malta
b) f'Għawdex
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddew studenti fl-eżami tas-SEC fis-suġġetti kollha fis-sessjoni ta' Mejju 2002:
1) mill-iskejjel sekondarji subien tal-gvern
2) mill-junior lyceum subien
3) mill-iskejjel tal-knisja subien
4) mill-iskejjel privati subien
a) f'Malta
b) f'Għawdex
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li d-Direttorat għat-Toroq jiddeċiedi dwar Triq it-Tiben b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 34657?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 34657.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li d-Direttorat għat-Toroq jiddeċiedi dwar Triq in-Nissieġ, Naxxar b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 34682?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 34682.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlassijiet u allowances tal-principals u d-deputy principals tal-Istituti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? Jista' jagħti d-dettalji każ b'każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi x'nifhem li l-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru qed tirreferi għad-Diretturi u Deputy Directors ta' l-Istituti tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Infurmat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tad-diretturi ta' l-MCAST huma ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. Id-diretturi huma intitolati għall-btajjel pubbliċi, festi nazzjonali u għall-leave ta' 35 ġurnata fis-sena. Id-diretturi jirċievu l-ħlasijiet u l-allowances skond l-iskala 4 taċ-Ċivil.
Informat ukoll li l-kundizzjonijiet tad-deputy directors ta' l-MCAST huma ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. Huma ntitolati għall-btajjel pubbliċi u festi nazzjonali u għal 40 ġurnata leave (35 minnhom skond il-kalendarju tal-Kulleġġ u l-5 l-oħra optional leave). Id-deputy directors jirċievu l-ħlasijiet u l-allowances skond l-iskala 5 taċ-Ċivil.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw permessi tat-tħaffir bore-holes, il-lukanda Riviera fil-qiegħ tal-wied tal-Marfa? Xi spezzjonijiet saru biex jiġi verifikat kemm fil-fatt tħaffru bore-holes minn din il-lukanda u x'effett ħallew fuq l-ispejjer tal-bdiewa tal-Wied?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tal-Maltija għar-Riżorsi ma tat l-ebda permess biex jitħaffru boreholes mil-lukanda Riviera. Minn spezzjonijiet li saru jirriżulta li tħaffru erba' boreholes. L-ippumpjar minn dawn il-boreholes ikollu effett ta' 'drawdown' fuq l-aquifer u għalhekk boreholes fil-qrib jistgħu jonqsilhom l-ilma.
Ma' dan, wieħed irid iżid l-effett tan-nuqqas ta' xita tul dawn l-aħħar snin, kif ukoll ippumpjar qawwi minn bdiewa oħrajn. Jirriżulta li ħafna bdiewa irreklamaw art li qabel kienet xagħri u ma tissaqqiex, mingħajr ma taw każ il-limitazzjonijiet ta' l-aquifer u problemi ta' tisqija. Medded kbar ta' art ġew maqlubin f'saqwi li jitlob volum ta' ilma ħafna iktar minn qabel. Dawn ir-raġunijiet flimkien taw lok għal din is-sitwazzjoni li ma tistax tkun attribwita għal raġuni waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi mument fejn il-Korporazzjoni tal-Freeport ikkunsidrat li tixtri ishma fil-kumpanija li tmexxi l-port ta' Venezja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif diġa' intqal fl-istqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-karatteristiċi tal-Port ta' Venezja mhumiex relevanti għall-operazzjoni tal-Port Ħieles u għaldaqstant ma kienx jagħmel sens li l-Port Ħieles jikkunsidra investiment fil-Port ta' Venezja.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu wara li tas-Sirens kisru l-liġi u għalqu l-aċċess għall-pubbliku li kien hemm mal-Kosta tal-bajja fejn għandhom il-pixxina tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Il-każ qed jiġi nvestigat anke fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fil-kuntratt taċ-ċens ta' l-art kif għaddiet b'riżoluzzjoni parlamentari.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex talba għall-bini ta' tlett sulari fi Triq Ġnien Ingraw Mellieħa, liema talba iġġib in-numru PA 3490/98, ġiet rifjutata meta ftit distanza maġemb u quddiem din l-applikazzjoni hemm ħames każijiet fejn l-iżvilupp ġie aċċettat li jsir bi tlitt sulari u aktar?
Response (BORG, TONIO)
Ir-raġuni kienet ġiet spjegata fid-deċiżjoni, liema deċiżjoni ġiet konfermata mill-Bord tal-Appell fit-2 ta` Marzu 2001.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 34547, jista' jgħid jekk il-permessi meħtieġa mill-ministru tal-finanzi ingħatawx biex il-Kalaxlokk tagħmel ix-xogħlijiet fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba hija fl-affermattiv.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li l-container port terminal ta' Venezia għandu business plan biex fis-snin li ġejjin ikabbar id-dimensjoni internazzjonali tiegħu, iqisx li hemm kunflitt ta' nteress tas-Sur Marin Hili li l-kumpannija tiegħu Mariner SPA għandha 50% tat-tmexxija tal-port ta' Venezia waqt li hu jmexxi l-Freeport ta' Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma jirriżultalix li hemm konflitt ta' interess għaliex iż-żewġ portijiet mhumiex kompetituri.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar dawk l-istudenti li minn form 1 tas-sekondarji ġenerali għamlu l-eżamijiet għad-dħul fil-form II tal-junior lyceum, u studenti simili li mis-sekondarja għamlu l-eżamijiet għad-dħul fi klassi superjuri tal-junior lyceum? Kif se jiġu assessjati dawn l-istudenti dwar l-eżamijiet li għamlu? X'se jsir minnhom għas-sena li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżamijiet għad-dħul mit-Tieni sal-Ħames Sena tal-Junior Lyceum saru f'Ġunju li għadda u l-istudenti li qagħdu għalihom se jiġu assessjati fuq ir-riżultati ta' dawn l-istess eżamijiet. Bħalissa dawn ir-riżultati qed jiġu proċessati.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Enemalta biex tneħħi l-cable tad-dawl li hemm fuq l-opramorta tad-dar Val Vista, Triq il-Ġiżimin, Swieqi li jipprovdi d-dawl għat-triq ta' taħthom? Jaf li l-cable in kwistjoni huwa ta' periklu għal min jgħix fid-dar u qed joħloq ħsarat strutturali fuq il-bini tad-dar? Kif inhu mgħoddi l-cable huwa l-mod kif isiru l-affarijiet serji?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant fil-fatt ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta. Sin min-naħa tagħha ser tagħmel l-ispezzjoni li soltu ssir f'każijiet bħal dan u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati bħala support workers għal adult training centres din is-sena? Kemm applikaw għal dawn il-postijiet? Xi kwalifiki kellhom dawk li applikaw? Jista' jqiegħed it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew impjegati sitt (6) full-time u żewġ (2) part-time Support Workers fiċ-Ċentri għat-Taħriġ għall-Adulti. In-numru totali ta' dawk li applikaw kien ta' 72. Il-kandidati ried ikollhom ċertifikati f'livell ordinarju fil-lingwa Ngliża u Maltija jew mill-anqas sentejn esperjenza full-time jew l-ekwivalenti tagħhom f'xogħol fil-qasam tad-diżabilita'.