Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-curriculum vitae dettaljati tal-kap eżekuttiv u tal-kontrollur finanzjarju rispettivament tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada kif ukoll kopji tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom it-tnejn li għandhom ma' l-istess fondazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Kuntratt ta' impieg li l-Kap Eżekuttiv u l-Kontrollur Finanzjarju għandhom ma' l-FTS.
Peress li kull CV ikun fih dettalji personali ma għandux jitqies korrett li dawn isiru pubbliċi.
Jista' il-Ministru jagħti lista dettaljata ta' l-infiq li sar biex ġiet imtejba l-entratura/foyer tal-bini amministrattiv tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, billi f'kull każ jagħti l-ammont minfuq, lil min sar kull pagament bil-valur tiegħu u kull pagament kif jirriżulta mis-sejħiet għall-offerti jew kwotazzjonijiet li ġew ippubblikati? Jekk fin-negattivjista' il-Ministru jgħid għaliex tali sejħiet għall-kwotazzjonijiet u offerti ma ġewx ippubblikati?
Response (GALEA, LOUIS)
In-nefqa totali biex ġiet imtejba l-entratura / foyer tal-bini amministrattiv tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kien Lm15,000. L-entratura tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġiet refurbished u twessgħet biex toffri spazji u titpoġġa għamara biex jingħata servizz lill-mijiet ta' klijenti li kuljum jiġu fl-uffiċċji tal-Ministeru ta' l-Edukazjoni. Illum dan is-servizz qed jingħata u jiġi konċentrat kemm jista' jkun permezz ta' l-uffiċċji tal-Customer Care f'din l-entratura li għadnhom l-iskop li jkunu one-stop-shop biex il-klijenti jingħataw is-servizz u l-attenzjoni meħtieġa mingħajr ma jkollhom għalfejn li jduru diversi uffiċjali jew uffiċċji. Dan is-servizz effettiv fl-istess ħin qed inaqqas mill-pressjoni minn fuq l-uffiċjali konċernati.
Għadd kbir ta' persuni kuljum jiġu f'dawn l-uffiċċji biex jiġbru jew jimlew applikazzjonijiet (ġieli jkun hemm okkażjonijiet meta mijiet ta' applikazzjonijiet iridu jinġabru fi żmien qasir), biex jagħmlu rapporti, jew jitolbu informazzjoni, biex jitolbu għajnuna jew parir jew jiddiskutu problemi. S'issa dan is-servizz kien effettiv ħafna kif jixhdu l-persuni li javvinċinawh kuljum. Il-Customer Care se jiftaħ akatr is-servizzi tiegħu biex eventwalment jagħti servizz lid-Dipartimenti kollha li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru.
Għalhekk kellu jsir tibdil sostanzjali strutturali biex jinħolqu l-ispazji meħtieġa u tqegħdet l-għamara meħtieġa biex il-persuni-klijenti jħossuhom milqugħa u servuti kif jixraq u skond l-obbligi li l-Office of Review daħal għalihom uffiċċjalment fil-Quality Service Charter. Għandu jiġi apprezzat li l-proġett kollu twettaq f'għaxar t'ijiem u b'hekk il-pubbliku kien disturbat mill-anqas.
Wieħed irid josserva li materjal diviżorju ta' aluminium u għamara li tneħħew mill-post qed jintużaw f'postijiet oħrajn.
Tajjeb wieħed ifakkar li l-ispazji li nħolqu u l-ambjent il-ġdid, flimkien mas-sala Ġużeppi Despott, qed jintużaw dejjem aktar minn għadd ta' għaqdiet volontarji filgħaxija, matul il-ġimgħa kif ukoll fi tmiem il-ġimgħa.
Dettali oħra mitluba fil-Mistoqsija jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal lill-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada li ma tippubblikax sejħiet għall-offerti għall-istallazzjoni ta' lift fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard u għat-tqegħid ta' membrane fil-liċeo tal-bniet f'Pembroke u minflok ħajret li jinħarġu hand quotations kontra kull klawsola li l-istess fondazzjoni għandha tħares fl-akkwist u l-orovvista ta' materjali kif elenkat fl-istatut tagħha u kif ordnata mill-ministeru tal-finanzi fejn hu mistqarr espliċitament li kull transazzjoni ta' xiri u provvista ta' materjali, servizzi eċċ, għandha ssir skond l-avviż legali 70 ta' l-1996? Fiż-żewġ każi għaldaqstant jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-offerti kollha miġbura minn din il-fondazzjoni, kopja tat-technical adjudication reports u kopja tal-letters of acceptance li ġew maħruġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-fatt ġiet pubblikata tender għal-lift fl-iskola Primarja ta' Ħ'Attard. It-tender ħarġet fl-2001 (tender nru. CT124).
Informat ukoll li fir-rigward tat-tqegħid ta' membrane fl-iskola Junior Lyceum Sir Adrian Dingli f'Pembroke, dan ix-xogħol sar minn kumpanija parastatali Kalaxlokk Co. Ltd. Din il-kumpanija parastatali qed taħdem ix-xogħol ta' Sir Adrian Dingli bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
B'riferenza għall-mistoqsija 35311, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew aċċettati studenti wara t-tieni sejħa għall-applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tieni sejħa għall-applikazzjoni fetħet fl-1 ta' Ottubru, l-Erbgħa 2 ta' Ottubru u l-Ħamis 3 ta' Ottubru 2002 f'Malta u l-Ġimgħa 4 ta' Ottubru f'Għawdex, mit-8.30 ta' filgħodu san-12.30 ta' wara nofs in-nhar.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35312, jista' jgħid kemm kien hemm studenti Għawdxin 1) bniet 2) subien li temmew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom is-sena skolastika li għaddiet:
a)
junior lyceum
b) area secondary
c) tal-knisja
d) privat u
e) tas-snajja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti bniet u subien Għawdxin li temmew l-edukazzjoni sekondarja tagħhom is-sena skolastika li għaddiet huwa kif se nsemmi:
Subien Bniet
Junior Lyceum 81 186
Sekondarja 77 55
Tal-Knijsa 53 -
Privat - -
Tas-Snajja' 28 19
Total 239 260
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew s'issa reklutati għalliema fl-iskejjel primarji a) f'Malta b) f'Għawdex; fl-iskejjel sekondarji a) f'Malta b) f'Għawdex; u fl-istituzzjonijiet post-sekondarji a) f'Malta b) f'Għawdex? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni kollha reklutati u għal-liema suġġett ġew reklutati, skola bi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema li ġew reklutati fl-iskejjel sal-Ġimgħa 27 ta' Settembru 2002, huwa kif se nsemmi:
Skejjel Skejjel Istituzzjonijiet
Primarji Sekondarji Post-Sekondarji
Malta 80 81 1
Għawdex 0 3 0
Total 80 84 1
Jista' il-Ministru jgħid jistax jiġi kkunsidrat li l-każi ta' ċitazzjonijiet dwar assentejiżmu fl-iskejjel jinstemgħu fi tribunal wieħed f'lokalita' milħuqa minn kulħadd minnflok f'lokalitajiet imxerdin li qed joħolqu problemi lil dawk li jridu jkunu f'postijiet differenti fl-istess ħin (uffiċjali edukattivi, social workers eċċ) u li każi sensittivi dwar problemi familjari jinstemgħu f'ambjent miftuħ b'taħlita' ta' nies jistennew għall-każi ta' kontravenzjoni tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi diġa beda l-proċess biex tkun irranġata s-sistema dwar il-każi ta` ċitazzjonijiet dwar assentejiżmu fl-iskejjel u dawn jibdew jinstemgħu f`Tribunal wieħed.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 35416, kif jispjega li s-Sur Michael Laus jitħalla jieħu sehem f'direzzjoni ta' kunċerti fl-istess waqt li jkun involut fin-negozjati dwarhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35561.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu jaħdem il-lift fl-iskola Fra Diego Bonanno tal-Marsa? X'qed iżommu milli jaħdem? Meta se jibda jaħdem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lift imsemmi għandu bżonn xi tiswijiet, liema tiswijiet ġew awtorizzati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Hu mistenni li jkun operabbli fil-jiem li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema oqsma u korsijiet hemm nuqqas ta' għalliema fl-istituti tal-MCAST, istitut b'istitut, suġġett b'suġġett? X'qed isir biex jimtlew dawn il-vakanzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Kommunikazzjoni f'Malta kif ukoll fiċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex u fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ hemm nuqqas ta' għalliema fis-suġġetti tal-Matematika u l-Ingliż. Hemm ukoll nuqqas ta' għalliema fl-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika fis-suġġetti - Technical English u Electrical Technology.
Fl-Istitut Marittimu, fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn u fl-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni m'hemmx nuqqas ta' għalliema f'ebda suġġett ta' ebda kors. Iżda f'l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-Bini u l-Kostruzzjoni jista' jiġri li xi korsijiet ser jibdew aktar tard peress li xi għalliema taw in-notice fejn kienu jaħdmu u jistgħu jiġu interpretati li huma neqsin.
Informat ukoll li saret sejħa oħra għal applikazzjonijiet biex jimtlew dawn il-vakanzi.
Jista' il-Ministru isemmi d-dati tas-sena 2001 u 2002 li fihom iltaqa' il-board ta' l-Orkestra Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord ta' l-Orkestra Nazzjonali iltaqa' fid-dati li se nsemmi:
24 ta' Jannar 2001
6 ta' Frar 2001
3 ta' Lulju 2001
12 ta' Lulju 2001
24 ta' Lulju 2001
7 ta' Awissu 2001
16 ta' Jannar 2002
16 ta' April 2002
11 ta' Ġunju 2002
3 ta' Settembru 2002
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-board (jew jgħid min waqqfu) waqqaf lill-persuna li isimha qed jintbgħat separatament, milli jiddirieġi l-orkestra fil-kunċert ta' l-Enemalta?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 35416.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex għadu ma twaqqafx iċ-chairman ta' l-Orkestra Nazzjonali milli jiddirieġi aktar kunċerti? Jekk l-executive officer forsi mhux ikkwalifikat biżżejjed bħala conductor jew għandu conflict of interest, allura ċ-chairman tal-board m'għandux aktar conflicts of interest ladarba huwa jieħu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-guest conductors u guest soloists, apparti mid-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw l-orkestra? Peress li skond risposti mogħtija mill-ministru stess, iċ-chairman u l-executive officer, jiffurmaw parti mil-lista tal-guest conductors ta' l-orkestra, u allura kull darba li jidderieġu, huma mistiedna ta' l-orkestra, u peress li forsi l-ministru kien għadu ma rrealiżżax li hemm abbuż ta' poter imma issa twaqqaf l-EO, għax mhux ser jitwaqqaf iċ-chairman ukoll minnufih, li għandu madwar 9 kunċerti ippjanati fix-xhur li ġejjin, 4 minnhom biss biss dan ix-xahar? U kemm ser jitħallas tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Hekk kif ġejt fdat bir-responsabbilita` politika għall-Orkestra Nazzjonali mill-ewwel fhimt li l-Orkestra kellha bżonn Direttur Residenti u mhux Orkestra li għaddi minn id ta' Direttur għal id ta' ieħor bir-roster. Din l-instabbilita` fid-direzzjoni ta' l-Orkestra kienet ħaġa għal kollox żbaljata u l-bogħod minn kull professjonalita`. Fhimt ukoll li f'dak l-istadju l-Orkestra kellha wkoll bżonn Bord ta' Diretturi tal-Kumapannija li jkollha bħala Chairman l-istess Direttur preċiżament biex nassigura li l-isforzi tad-direzzjoni mużikali biex l-Orkestra ittejjeb il-livell isibu żgur l-appoġġ sħiħ tal-Bord. Dan hu l-mandat li jien tajt lil Mro. Professur Michael Laus. Sadanittant l-Orkestra kibret fin-numru ta' mużiċisti, ingħataw kuntratt definit ġdid u adatt, u llum kulħadd jirrikonoxxi kemm għola l-livell artistiku ta' l-Orkestra Nazzjonali. Issa li din il-fażi leħqet l-iskopijiet tagħha qed jitħejjew il-passi biex ngħaddu għal fażi oħra ta' żvilupp b'Orkestra li jkollha d-Direttur residenti, u Bord immexxi differentement. L-Onor. Membru żgur japprezz li m'hemm ebda Orkestra ta' valur li m'għandhiex Direttur li jkollu responsabbilita` sħiħa għad-deċiżjonijiet mużikali kollha li jirrigwardaw l-Orkestra. M'hemmx dubju li ħafna jkunu dawk li ma jaqblux ma' xi deċiżjoni jew oħra. Imma dan hu x'għandu jfisser Direttur fejn jidħlu d-deċiżjonijiet li jolqtu l-andament artistiku. Mhu korrett xejn l-Onor. Membru jgħid li "skond risposti mgoħtija mill-misnistru stess, iċ-chairman u l-executive officer, jiffurmaw parti mil-lista tal-guest conductors ta' l-orkestra, u allura kull darba li jidderieġu, huma mistiedna ta' l-orkestra".
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nurmu 35562.
Jista' il-Ministru jikkonferma kemm hi l-paga taċ-chairman ta' l-orkestra nazzjonali u kemm tħallas b'kollox għall-kunċerti li ddirieġa mindu sar chairman (jiġifieri illegalment), sew f'kunċerti tal-gvern, ta' l-orkestra, tal-Manoel Theatre kif ukoll kunċerti privati? Iħoss il-ministru li għandu jagħmel investigazzjoni fuq dan u jżomm il-board responsabbli ta' abbuż ta' poter?
Response (GALEA, LOUIS)
Assolutament ma naqbilx ma' l-esserzjoni gratwita u prefpostera li ta l-Onor. Membru li hemm xi ħaġa "illegali" jew ta' "abbuż ta' poter" fil-ħlas ta'd-Direttur ta' l-Orkestra Nazzjonali.
Informat li ċ-Chairman jirċievi Honoraria ta' Lm3,500 fis-sena. Għal kunċerti organizzati mill-Orkestra d-Direttur ta' l-Orkestra tħallas:
27.01.01 Verdi Requiem Lm600
16.06.01 The Rape of Mnajdra Lm200 (peress li dan il-kunċert sar bejn l-
Orkestra Nazzjonali u l-Manoel Theatre
dawn l-ispejjeż tħallsu nofs kull parti)
21.06.01 An evening with Mozart Bla ħlas
05.10.01 Orcherstral Concert Lm300 (peress li dan il-kunċert sar bejn l-
Orkestra Nazzjonali u l-Manoel Theatre
dawn l-ispejjeż tħallsu nofs kull parti)
11.04.02 Orchestral Concert (Michael Laus idderieġa u daqq il-pjanu -
Bla Ħlas)
Kunċerti jiġu organizzati minn entitajiet oħrajn li jikru l-Orkestra Nazzjonali u ta' dawn il-kunċerti d-Direttur ma jitħallasx mill-fondi ta' l-Orkestra Nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid jistax iqabbad lid-dipartiment tal-VAT jinvestiga l-abbuż li qed isir minn min imexxi t-tuckshop tal-junior lyceum Ħamrun tas-subien u qed jagħti chips li jissarfu flok flus biex hekk ma jkunx hemm tranżazzjonijiet finanzjarji u hekk ma jħallsux VAT?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li min imexxi tuckshops fi skejjel jista' jitlob lill-Kummissarju tal-VAT biex jawtorizzah li joħroġ irċevuta waħda fiskali kuljum għal bejgħ kollu li jkun sar matul dak il-jum taħt kunizzjonijiet.
Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Membru, qed isir l-istaħriġ meħtieġ biex ikun żgurat li min imexxi t-tucksop tal-Junior Lyceum tal-Hamrun qed jimxi skond il-provvedimenti tal-liġi.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif timxi din l-amministrazjoni, il-Ministru ma jqabbadx lid-dipartiment tal-VAT tinvestiga lil dak u lil ieħor. Kull meta xi ħadd jgħaddili lmenti bħal dawn, jien ngħaddihom lid-dipartiment biex jieħu l-azzjoni li jidhirlu xierqa.
Iċ-ċittadin jista' u għandu jgħaddi dawn l-ilmenti direttament lid-dipartiment tal-VAT.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema u technicians fl-istitut M'Ang Sapiano li qed jitqiesu redundant? X'jgħallmu jew x'xogħol jagħmlu f'kull każ? X'se jsir minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 4 Tachnicians li jitqiesu 'redundant' fl-Istitut Teknikul Mikilanġ Sapiano. Dawn qegħdin jiġu trasferit għal skejjel oħra.
Informat ukoll li n-numru ta' għalliema li jistgħu jitqiesu 'redundant' ikunu magħrufa hekk kif jiġi stabbilit in-numru ta' studenti ġodda wara t-tieni sejħa għal applikazzjonijiet fit-3 u 4 ta' Ottubru 2002 wara li joħroġu r-riżultati tas-SEC.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 35307, jista' jgħid min kienu l-għalliema li ntlaqgħet it-talba tagħhom għal trasferiment għal skola oħra għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
3) Lejn liema skejjel iċċaqalqu f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 35543, mhix il-prattika li wieħed jagħti l-ismijiet ta' l-għalliema konċernati.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35310, jista' jgħid kemm kien hemm għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda huma dawn:
Qasam Primarju Qasam Sekondarju
Malta 111 126
Għawdex 7 17
Total 118 143
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35309, jista' jgħid min kienu l-għalliema li talbu li jiġu trasferiti għas-sena skolastika li se tibda:
1) fil-qasam primarju u
2) fil-qasam sekondarju?
a) f'Malta u
b) f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tiegħu stess Numru 35530.