Jista' il-Ministru jgħid jekk is-suldati li jakkumpanjaw lill-immigranti illegali lura lejn pajjiżhom jagħmlu dan fuq bażi volontarja? Jingħataw xi kumpens extra talli jagħmlu dan ix-xogħol? Jekk ma jinstabux voluntieri x'isir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-suldati li akkumpanjaw lill-immigranti illegali lura lejn l-Eritrea ma kienux fuq bazi volontarja. Mhux ser jinghata kumpens “extra” lill-ufficjali u s-suldati li ghamlu dan ix-xoghol.
Universita' ta' Malta — Traffic Calming u Management
Question
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi ta' traffic calming u management fil-bypass taħt l-universita' (lejn B'Kara) peress li tintuża minn ħafna studenti u residenti bil-periklu għalihom għax m'hemmx traffic lights u zebra crossing li jgħinu pedestrians jaqsmu? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku jixtieq jiġbed l-attenzjoni li d-disinn tal-Junction inkorpora fiħ pedestrian subway li ssolvi l-problema tan-nies li għandhom bżonn jaqsmu għan-naħa l-oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar tqassim ta' pitazzi fl-iskejjel governattivi? Dawn huma mħallsin minn fondi pubbliċi? Jixtruhom l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-parti l-kbira ta' l-istudenti li jattendu fl-iskejjel primarji tal-gvern jingħataw numru ta' pitazzi b'xejn matul is-sena skolastika. Din hija prerogattiva tal-kap ta' l-iskola u l-ispiża ta' dawn il-pitazzi titħallas mill-vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni msejjaħ 'materials and supplies' li tingħata kull sena lil kull kap ta' l-iskola. L-istudenti qatt ma jħallsu għal dawn il-pitazzi.
Jista' il-Ministru jgħid liema oġġetti konnessi mal-Gran Mastru Wignacourt intbagħtu għall-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn? Fejn intbagħtu? Kemm sewa x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uniku oġġett mill-Armerija tal-Palazz konness mal-Gran Mastru Wignacourt li ntbagħtet għar-restawr barra minn Malta fl-aħħar sentejn kien plakka żgħira dekorattiva tal-ħadid meħuda mill-armatura ċerimonjali ta' l-istess Gran Mastru. Din il-plakka intbagħtet fil-'Conservation Department' tar-'Royal Armouries', ġewwa Leeds f'Ingilterra biex isiru provi preliminari għall-proġett ta' restawr fuq din l-istess armatura li sar hawn Malta.
Ix-xogħol ta' restawr fuq din il-plakka ma sewa xejn għalix l-istess restawr kien sponsorjat mir-"Royal Armouries'.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu fil-junior lyceum subien tal-Ħamrun biex l-istudenti ma jibqgħux iġorru basktijiet tqal esaġerati b'dannu għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha ġew mogħtija t-Time Table biex jimxu fuqha u jevitaw li jġorru affarijiet żejda. L-istudenti jiġu mfakkra regolarment li m'għandhomx iġibu affarijiet żejda l-iskola. F'każijiet eċċezzjonali l-istudenti jiġu mogħtija permess biex ma jġibux xi kotba. L-iskola għandha wkoll numru ta' lockers, iżda mhux biżżejjed għal kull student.
Jista' il-Ministru jgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel sekondarji ġenerali u fil-junior lyceum? F'liema suġġetti? Kemm hemm tfal fil-klassijiet milquta? X'passi qed jittieħdu biex f'kull każ jinstabu l-għalliema meħtieġa għax irrapurtawli li hemm każi fejn mill-bidu tas-sena skolastika hemm studenti li m'għandhomx għalliema f'ċerti suġġetti?
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-awtoritajiet għall-ħarsien tal-wirt storiku biex jiġi żgurat li l-kurituri tal-palazz presidenzjali ma jintużawx bħala kċina f'ikliet statali biex jiġu evitati li ssir ħsara lill-wirt storiku ta' dan il-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Uffiċċju tal-President jara li jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda s-sena akkademika din is-sena għall-istudenti ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn f'Targa Gap? X'inhuma l-problemi konnessi mal-ftuħ tas-sena akkademika 2002 - 2003 f'dan l-istitut tal-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qed jitneħħew il-perikli kollha mis-soqfa eżistenti ta' l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn f'Tarġa Gap. Qed isir kull sforz biex l-istudenti kollha jirritornaw Tarġa Gap fl-iqsar żmein possibbli. Sadanittant biex tittaffa' l-problema, il-125 student full-time ta' l-Istitut qed jattendu temporanjament ma' l-għalliema kollha fl-Istitut Marittimu, il-Kalkara.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti biex jidħlu f'xi kors jew ieħor ta' l-istitut għall-istudji turistiċi? Kemm minnhom ġew aċċettati għal din is-sena akkademika li qed tibda?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li kien hemm 446 li applikaw biex isegwu kors ta’ studji u taħriġ fl-ITS għal din is-sena akkademika.
Minn dawn 409 resqu għall-interview u test. Instab li 38 ma kellhomx il-kwalifiki neċessarji, 22 irtiraw l-applikazzjoni, waqt li 100 ma għaddewx mill-interview u l-aptitude tests. Għalhekk 281 daħlu l-ITS. Minn dawn qed jattendu 256, kif ġej:-
Hospitality Management 20
Hotel Operations 24
Accommodation Operations 32
Travel Agency Operations 15
Tour Guiding 21
Food Preparation & Service 69
Hotel Services 11
ESTS – Food Preparation & Service 60
ESTS – Hotel Services 4
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jitjieb is-servizz tat-trasport skolastiku kif rikmandat mill-uffiċċju Nazzjonali ta' l-awtorita' biex it-tfal ma jinġabrux kmieni wisq biex jittieħdu l-iskola jew tard wisq biex jittieħdu d-dar peress li qed jaslu lmenti dwar dawn in-nuqqasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qabel bdiet is-sena skolastika, f'Settembru tas-sena 2002, sar ftehim mat-tlett għaqdiet li jaħdmu x-xogħol tat-tfal ta' l-iskola biex it-trasport ma jibdiex iktar minn siegħa qabel tibda l-iskola u li jitwasslu d-dar mhux aktar tard minn siegħa wara li tkun spiċċat l-iskola. Bħal kull sena waslu xi lmenti fl-uffiċċju inkarigat li qed isegwi s-sitwazzjoni biex jara li l-ftehim jiġi onorat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti għall-kors universitarju tal-mediċina u kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida? Kemm minnhom daħlu fuq bażi ta' probation, u b'liema gradi ta' riżultati daħlu dawn l-istudenti fuq probation? Tista' tagħti lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-kors tal-mediċina din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-Kors tal-Mediċina u Kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida daħlu 56 student Malti, minnhom 7 daħlu fuq bażi bi prova (probationary) b'dawn il-gradi:
Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor
Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju
B B A (student wieħed)
B B C (student wieħed)
A C A (tlett studenti)
A C B (żewġ studenti)
Id-deċiżjoni li jidħlu studenti bi prova (probationary) u l-kundizzjoni ta' kemm jistgħu jidħlu ttieħdet qabel ma kienu aċċettati l-applikazzjonijiet u qabel ma kienu magħrufa r-riżultati tal-Matrikola. L-istudenti bi prova ntgħażlu fuq kriterji preċedentament approvati mis-Senat li kienu kif ġew.
Kategorija Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor
Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju
1 A A C
2 A B C
3 B B A
4 B B C
5 A C A
6 A C B
7 B C A
8 B C B
Il-lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-Kors tal-Mediċina din is-sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li temmew il-kors foundation ma' xi istitut tal-MCAST? Kemm minnhom komplew xi kors tal-MCAST? Ma' liema istitut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li temmew il-kors Foundation ma' xi Istitut ta' l-MCAST u li minnhom komplew xi kors huwa kif se nsemmi:
L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni
Foundation Programme in Computing
Bdew il-kors 60 student
Irriżenjaw matul is-sena 6 studenti
Spiċċaw il-kors b'suċċess 47 student
Ma' għaddewx 7 studenti
Temmew il-kors b'suċċess u komplew 45 student
l-istudji tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti jsegwu xi kors maċ-ċentru nazzjonali tal-kompjuter fis-Swatar? X'korsijiet qed isiru? Kemm qed iħallsu għal kull kors? Min qed imexxi dan iċ-ċentru? Għaliex f'dan iċ-ċentru l-istudenti qed ikollhom iħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir il-lift fl-iskola Maria Goretti, Tarxien biex il-bini jsir aċċessibbli għall-istudenti b'diżabilita`?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed twettaq audit tal-bżonnijiet kollha ta' l-iskola li jinkorpora bżonnijiet ta' aċċessibilita`.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-istudenta b'diżabilita` li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi Form IV fl-iskola Maria Goretti, Tarxien tkun tista' tieħu s-suġġetti li tixtieq bħall-istudenti l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-soluzzjoni permanenti f'dan il-każ hi l-introduzzjoni ta' lift li ser isir bħala parti mill-proġett għal din l-iskola u li hu maħsub li jiġi implimentat is-sena li ġejja. Tlabt li jkomplu jiġu esplorati possibilitajiet biex l-istudenta konċernata ssegwi suġġetti li tixtieq tagħmel.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni laqgħetx it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'ittra li bagħat fl-10 ta' Settembru, 2002 biex għal raġunijiet umanitarji jibqa' jgħallem l-Ingliż fl-iskola sekondarja tal-Fortini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li sar il-Classification Exercise ta' l-Iskola Sekondarja tal-Fortini għal din is-sena, irriżulta li kien hemm għalliem ta' l-Ingliż żejjed (redundant) f'din l-iskola. Kif dejjem jiġri f'każijiet bħal dawn l-għalliem li hu "junior" fis-suġġett partikolari f'din l-iskola ġie trasferit għal skola oħra fejn kien hemm bżonn is-servizzi tiegħu.
Meta fl-10 ta' Settembru l-għalliem imsemmi talab lid-Direttur ta' l-Edukazzjoni biex jibqa' jgħallem il-Fortini, it-talba tiegħu ma setgħetx tiġi milqugħa għax il-Fortini ma kienx hemm bżonn ta' għalliem ta' l-Ingliż.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35306, jista' il-Prim Ministru jgħid fejn wasal il-każ li qed jiġi rivedut mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku qabel tiehu decizjoni dwar l-eligibilita` tal-persuna koncernata tat l-opportunita` lil din il-persuna biex tipprovdi evidenza lill-Kummissjoni li turi li hija kienet verament eligibbli fid-data tal-gheluq tas-sejha ghall-applikazzjonijiet.
Minkejja dawn it-talbiet, il-Kummissjoi ghada ma rcevietx din l-evidenza.
Jista' il-Ministru jgħid f'kull skola tal-gvern ta' Malta fil-livell differenti, meta daħlet l-uniformi li qed jilbsu bħalissa l-istudenti? Kemm-il darba nbidlet fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex għat-trasport skolastiku jitħallsu biss dawk il-vjaġġi li tassew isiru u mhux ukoll dawk ivvintati u li ma kienux saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rottot li ma jsirux ma jitħallsux. Kull skola li tipprovdi t-trasport, irċeviet kopja tar-rottot. Din hi lista proviżorja biex fuqha l-Kap ta' l-Iskola jiddeċiedi l-ħtiġijiet tiegħu. Meta jiġu stabbiliti r-rottot finali jsiru l-ħlasijiet fuqhom. F'każ li xi rotta f'ġurnata partikolari ma twassalx it-tfal, barra li ma tħallasx is-sewwieq, teħel multa doppja ta' kemm jiswa' l-vjaġġ.
Jista' il-Ministru jgħid kermm kien hemm persuni din is-sena li applikaw għal-liċenzja ta' l-insib? Kemm kien hemm persuni li l-applikazzjoni tagħhom ġiet milqugħha? Jista' jagħti l-istess statistika għas-snin 1999, 2000 u 2001, sena sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena kien hemm 665 persuna li applikaw għall-liċenzja ta` l-insib. Minn dawn s`issa ġew milqugħa 367. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul is-sena 1999 ġew milqugħa 54, fis-sena 2000 ġew milqugħa 160 filwaqt li s-sena l-oħra ġew milqugħa 358.