Jista' jgħid kemm intnefqu dan l-aħħar biex jinxtara l-ktieb Abacus tal-Matematika għall-iskejjel primarji? Xi proċeduri ntużaw biex jinxtraw dawn il-kotba u ssir din in-nefqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa fl-iskema Abacus għall-iskejjel primarji għas-sena kurrenti laħqet is-somma ta' mija u tmienja u għoxrin elf lira Maltin (LM128,000).
L-għażla ta' din l-iskema saret wara studju ntensiv dwar x'hawn fis-suq fil-qasam tal-matematika li jsita' jaqdi l-bżonnijiet ta' l-istudenti Maltin fid-dawl tal-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.
Ix-xiri sar direttament minn għand id-dar tal-pubblikazzjoni fl-Ingilterra peress li max-xiri kienu nvoluti negozjati dettaljati:
1. għal taħriġ ta' l-għalliema fl-aħjar użu tas-sistema minn esperti
mibgħuta u mħallsa mid-dar tal-pubblikazzjoi, u
2. għal adattament ta' l-iskema għal studenti Maltin bħal, per
eżempju, fejn jidħlu flus u qisien.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se jkun twil (ta' semester wieħed jew ta' sena akkademika sħiħa) il-kors universitarju li se jkollhom jagħmlu l-kindergarten assistants - special needs - li kienu diġa` għamlu kors faculty of education certificate course in education (learning support facilitators) biex jikkwalifikaw f'livell ta' Diploma? Min se jkun intitolat jagħmel dan il-kors il-ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fakolta` għadha fi stadju li qed tħejji l-kors li ser iwassal għal Diploma ta' l-Universita` f'dan il-qasam u inbagħad titlob l-approvazzjoni tas-Senat. Il-kors qed jiġi mfassal għal dawk li diġa` għandhom il-Faculty of Education Certificate in Education Learning Support Facilitators u għandhom esperjenza f'dan il-qasam.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 35852 u t-tweġiba għaliha, x'kienu r-raġunijiet li għalihom ġie deċiż li jidħlu studenti bi prova (probationary) għall-kors tal-mediċina u kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida?
F'liema korsijiet oħra universitarji daħlu studenti bi prova din is-sena akkademika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena ġie fis-seħħ regolament ġdid avżat aktar minn sentejn ilu kif titlob il-Liġi, għar-rigward tad-dħul fil-kors tal-Mediċina - ir-regolament li jgħid li l-kwalifiki jridu jkunu minn Bordijiet ta' l-Eżamijiet mill-istess pajjiż. Għaldaqstant il-Fakulta` ħadet prekawzjoni biex jekk fil-każ in-numru ta' studenti li jkollhom kwalifiki sħaħ ikun anqas minn dak mistenni, ikunu jistgħu jiddaħħlu studenti bi prova b'tali mod li n-numru totali jkun il-massimu li l-Fakulta` tista' taċċetta.
Daħlu studenti bi prova f'dawn il-korsijiet:
Bachelor of Commerce
Bachelor of Engineering
Bachelor of Science
Bachelor of Science in Information Technology
Bachelor of Science in Communication Therapy
Bachelor of Arts
Bachelor of Arts in European Studies
Bachelor of Arts in Legal and Humanistic Studies
Doctor of Medicine & Surgery.
Skola Sir Temi Zammit — Studenti bi Bżonnijiet Speċjali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti bi bżonnijiet speċjali li suppost jattendu l-iskola sekondarja Sir Temi Zammit ta' l-Imtarfa? Kemm minnhom qed jattendu regolarment? Kemm minnhom mhumiex jattendu regolarment minħabba li ma ngħatawx l-għajnuna li għandhom bżonn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Sekondarja Sir Temi Żammit hemm ħames studenti bi bżonnijiet speċjali. Dawn kollha jattendu regolarment. Matul ix-xahar ta' Ottubru kien hemm żewġ studenti li għal xi żmien ma attendewx l-iskola sekemm inħatru Supply Kindergarten Assistants (Special Education) ġodda. Dawn bdew jattendu regolari mit-23 ta' Ottubru u mit-28 ta' Ottubru, 2002 rispettivament.
Facilitator/Kindergarten Assistant — Tfal bi Bżonnijiet Speċjali
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk facilitator jew kindergarten assistant tistax tirrifjuta li tieħu ħsieb tifel/tifla bi bżonnijiet speċjali fi skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Bħala regola ġenerali facilitator jew kindergarten assistant ma tistax tirrifjuta tieħu ħsieb tifel/tifla bi bżonnijiet speċjali fi skola. Iżda jista' jkun hemm ċirkostanzi partikolari meta dan jista' jiġri. Jekk l-Onor. Membru jispeċifika ċ-ċirkostanzi inkun nista' niggwidah aħjar.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema suġġetti hemm għalliema nieqsa fil-junior college? X'qed isir biex jinstabu l-persuni meħtieġa peress li l-istudenti qed jitħallew bla lectures?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior College kien hemm numru ta' siegħat li mhux qegħdin jingħataw fl-Ingliż u fl-I.T. Dan ġara minħabba ċaqlieq mhux mistenni ta' staff. Ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għal-lecturers fl-Ingliż u fl-I.T. Intant qed isiru sforzi biex jinstabu lecturers part-time biex ikopru dawn is-siegħat sakemm jiġu appuntati l-għalliema full-time. Dan diġa` sar fl-Ingliż, imma hu aktar diffiċli għall-I.T.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għad hemm persuni jistennew li ssirilhom reviżjoni tal-karta ta' l-eżami li jkunu għamlu fis-sessjoni ta' Settembru fil-livelli Sec, Intermediate u Advanced tal-Matsec? Meta se jintemmu r-reviżjonijiet mitluba peress li hemm studenti li għadhom qed jistennew ir-riżultati biex jaraw jekk jistgħux jibdew kors fl-Universita`
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull student li talab reviżjoni tal-karta ta' l-eżami li kien għamel fis-sessjoni ta' Settembru 2002 fil-livelli tas-SEC, Intermediate u Advanced tal-Matsec kien mgħarraf bir-riżultat tar-reviżjoni sat-30 ta' Ottubru.
Jista' il-Ministru jgħid ta' liema lokalita' huma dawk l-iskejjel fejn il-ġenituri qed jiġu mitluba jħallsu għall-materjal (bħall-toilet paper, pitazzi, kotba) li jużaw uliedhom fl-iskola statali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talbet l-informazzjoni rikjesta mid-diversi skejjel, irriżulta li numru ta' skejjel jitolbu t-tfal jakkwistaw kotba supplimentari għal dawk stipulati mid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Dan qed isir, għax l-iskejjel konċernati jħossu li t-tfal jiggwadanjaw fit-tagħlim bl-użu ta' dawn il-kotba. F'xi eċċezzjonijiet irriżulta li skejjel talbu ħlas għall-photocopies u fi tlett każi partikulari ntalab ħlas għal xi pitazzi. Ma kien hemm ebda skola li talbet ħlas għall-użu tat-toilet paper.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tfal li qed jistennew għajnuna miċ-ċentru SPLD tal-Furjana? Kemm hemm persuni f'dan iċ-ċentru biex ilaħħqu mat-talba li hemm għall-għajnuna bħal fil-każ tad-dyslexia?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 325 student jistennew assessment dwar jekk għandhomx bżonn għajnuna minħabba dyslexia, filwaqt li hemm 300 student oħra li diġa` ġew assessed u qed jingħataw appoġġ permezz ta' l-għalliema tagħhom fl-iskejjel u l-għalliema mit-taqsima SpLD. Bħalissa hemm erba' edukaturi jaħdmu fit-taqsima.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm psikologi edukattivi biex jgħinu fid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-istudenti fl-iskejjel statali? Kemm bdew korsijiet ġodda post-graduate fl-aħħar erba' snin fl-universita' ta' Malta biex jiġu fformati u jitħarrġu psikologi edukattivi ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 5 Educational Psychologists biex jgħinu fid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-istudenti fl-iskejjel statali. Informat ukoll li beda u spiċċa kors wieħed biss mill-Universita`.
Jista' il-Ministru jgħid x'relazzjonijiet jeżistu bejn iċ-ċentru Malti tar-restawr u istituzzjonijiet statali Taljani fil-qasam tar-restawr? X'ġara mir-relazzjonijiet bejn iċ-ċentru Malti tar-restawr u l-istitut tar-restawr ta' Ruma?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għal Mistoqsija Parlamentari Numru 34731 fejn tajt risposta dwar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn iċ-Ċentru Malti tar-Restawr u istituzzjonijiet statali taljali fil-qasam tar-restawr.
Jista' il-Ministru jgħid x'fondi ħa ċ-ċentru Malti tar-restawr mill-aħħar protokol Taljan? Kif ġew użati dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fondi li ħa ċ-Ċentru Malti tar-Restawr mill-aħħar protocol Taljan jammontaw għal Lm424,266.
Ninsab informat ukoll li l-istess fondi ntużaw sabiex jinxtrara l-apparat neċessarju sabiex iċ-Ċentru seta' jiffunzjona.
Jista' il-Ministru jgħid jistax it-tifel li ismu qed jintbagħat separatament li jattendi r-raba' sena fl-iskola primarja ta' l-Isla u għandu diffikultajiet biex jitgħallem jingħata l-għajnuna li ntalbet f'Mejju 2002?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap ta' l-iskola kitbet lill-SpLd Unit fil-21 ta' Ottubru 2002, dwar id-diffikultajiet li għandu dan it-tifel. L-assessjar ta' tfal li jiġu riferuti jsir skond 'waiting list'.
Wieħed ma jridx jinsa li l-iskola wkoll għandha mezzi biex tieħu ħsieb u tgħin lil tfal b'diffikultajiet.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji statali ta' Għawdex? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom? X'inhuma l-etajiet tagħhom? X'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti primarji u sekondarji statali f'Għawdex? Tista' tagħti t-tagħrif skola bi skola u klassi bi klassi? Kemm hemm għalliema fl-iskejjel statali primarji u sekondarji f'Għawdex? Tista' tagħti t-tagħrif skola bi skola?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ma narax il-ħtieġa li tinġabar linformazzjoni dettaljata mitluba. Iżda jekk lOnor Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija 35735 li kienet saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni u jgħid kemm kien hemm persuni li din is-sena applikaw biex jidħlu jgħallmu t-Taljan f'xi skola tal-gvern? Min kienu l-persuni li applikaw? B'liema kwalifiki? Min ġie aċċettat? B'liema kwalifiki?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li l-process ta’ l-ghazla ta’ Ghalliema (inkluz Ghalliema tat-Taljan) li nbeda bis-sejha ghall-applikazzjonijiet tal-31 ta’ Mejju, 2002, ghadu mhux konkluz. Dan l-ezercizzju jinvolvi l-ipprocessar ta’ 697 applikazzjoni ghal ghalliema ta’ 32 suggett.
Kien hemm 21 applikazzjoni ghall-post ta’ Ghalliem tat-Taljan u r-rizultat tal-“interviews” jigi ppubblikat kif dan ikun approvat mill-Kummissjoni.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 35629, x'passi konkreti ttieħdu s'issa biex tissolva l-problema dwar każi ta' assenteiżmu skolastiku quddiem it-tribunali?
Għaliex qed jgħaddi tant żmien biex din il-problema dwar każi ta' assenteiżmu skolastiku quddiem it-tribunali tissolva? Meta hemm il-ħsieb li tissolva din il-problema?
Kemm twaħħlu b'kollox multi s'issa l-uffiċjali edukattivi għax ma dehrux quddiem dawn it-tribunali?
Response (GATT, AUSTIN)
B`risposta għad-domanda parlamentari Nru. 36297 ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskuzzjonijiet għadhom għaddejjin ħalli tinsab soluzzjoni ġusta għal dawn il-każi. L-Onor. Interpellant jifhem tajjeb illi dawn m`humiex sempliċiment kontravenżjonijiet kwalunkwe imma ħafna minnhom huma wkoll ta` natura soċjali.
Fil-kuntest ta` dan, hemm il-ħsieb ukoll illi tali każi jibdew jiġu ttrattati fid-Diviżjoni tal-Qorti tal-Familja.
S`issa l-uffiċċjali edukattivi twaħħlu dawn l-ammonti bħala multi talli ma dehrux quddiem dawn it-tribunali:
Lokalita Ammont totali Numru ta Każi Noti
Zejtun LM275 11 LM25 kull każ
B'Kara LM100 65 LM100 bħala digriet lid-
Dipartiment ta` l-Edukazzjoni
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom direttur fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni qed teħel multi regolarment b'disprezz tal-qorti għax mhix titla' quddiem it-tribunali dwar assenteiżmu skolasitku?
Għaliex din id-direttur mhix titla' quddiem dawn it-tribunali?
X'sar min-naħa tal-ministeru ta' l-edukazzjoni mal-kollega ministerjali tiegħu fil-qasam tal-ġustizzja u tal-gvern lokali biex tissolva din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-fehma tiegħi fil-każijiet ġudizzjarji dwar assentejiżmu huma s-social workers inkarigati mill-każijiet konċernati li jiġu mħarrka biex jagħtu x-xhieda tagħhom u mhux id-Direttur li jmexxi d-Dipartiment responsabbli minn dawn is-servizzi.
Is-Social Workers għandhom direttiva mill-Union tagħhom sabiex ma jattendu ebda seduta qabel ma jkun hemm ftehim dwar l-ilmenti mressqa mill-Union f'isimhom.
Id-direttur konċernata qed teħel multi għax il-ħaddiema ma hux qed jitilgħu f'isimha, taħt direttiva tal-Union tagħhom.
Qed isiru laqgħat bejn il-Ministeri konċernati biex tinstab soluzzjoni għall-problema kurrenti. Il-każijiet ġudizzjarji dwar l-assenteiżmu ser jingħataw il-konsiderazzjoni li tixirqilhom fi struttura u ambjent addattat. Bħalissa qed jitħejjew xi eżiġenzi amministrattivi biex tkun tista' titwettaq id-deċiżjoni meħuda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti miktuba biex jattendu l-iskola Mater Dei? X'etajiet għandhom? Kemm fil-fatt jattendu regolarment minn dawn l-istudenti? Kemm hemm klassijiet f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa fl-iSkola Mater Dei hemm 9 studenti li jattendu l-iskola regolarment. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 10 u 16-il sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fl-iskola Mater Dei? Xi staff ieħor hemm f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Iskola Mater Dei bħalissa hemm żewġ għalliema. Wieħed minnhom iservi wkoll bħala "teacher in charge". Hemm ukoll:-
4 Għalliema peripatetiċi
1 Skrivan (Part-Time)
1 General Hand
Jista' il-Ministru jgħid x'vakanzi jeżistu bħalissa fil-livell ta' assistenti kapijiet ta' skejjel, kapijiet ta' skejjel, uffiċjali edukattivi, assistenti diretturi u diretturi mad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni kemm f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.