Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #36465 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Minbarra affarijiet bażiċi li jingħataw lill-immigranti illegali, jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li jdumu hawn jingħatawx xi tagħlim basiku per eżempju ta' l-Ingliż biex ikun jista' jgħinhom jekk it-talba tagħhom tintlaqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jingħatax tagħlim kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero` fil-futur qarib it-tfal ser jingħataw opportunita` jattendu l-iskola. Dan il-pjan qed jinħadem mill-Illegal Immigrants Steering Committee li twaqqaf fi ħdan il-Ministeru ta` l-Intern u l-Ambjent fit-12 ta` Awissu li għadda. Dal-Kumitat hu magħmul minn rappreżentanti ta` NGO`s u dipartimenti tal-Gvern.
Leg 9 PQ #36466 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa huma ikkunsidrati ukoll bħala immigranti illegali? X'inhuma l-akbar u l-iżgħar eta' tagħhom? X'qed isir biex dawn it-tfal jkunu jistgħu jitgħallmu x'ħaġa u jingħataw xi ħaġa biex ikunu jistgħu jilgħabu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fost il-persuni li qed jinżammu mill-Awtoritajiet tas-Sigurta` minħabba li daħlu Malta llegalment, hemm 110 li huma tfal. L-iżgħar fosthom hija tarbija li twieldet Malta ftit tal-jiem ilu u l-akbar hija ta` 16-il sena. Infurmat ukoll illi għalkemm fil-preżent dawn għadhom mhux qed jingħataw tagħlim, qed isiru arranġamenti sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola. Dawn it-tfal ġew mogħtija diversi ġugarelli kemm minn għaqdiet kif ukoll mill-pubbliku.
Leg 9 PQ #36467 Sitting 818 2002-11-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet qed isiru fl-iskejjel sekondarji biex minn qabel ma jaslu studenti b'diżabilita' jibda jinħoloq ambjent inkussiv, l-għalliema jiġu preparati biex jiżviluppaw mentalita' u mġieba inklussiva, x'xogħol qed isir biex jiġri l-istess fost l-istudenti u x'qed isir biex l-istudenti b'diżabilita' jkunu ltaqgħu mal-facilitator tagħhom minn qabel tibda s-sena skolastika biex isiru jafu lil xulxin biex jiġu evitati trawmi bla bżonn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni waqfet proċeduri għat-transizzjoni ta' studenti mill-iskejjel primarji għal dawk sekondarji skond id-dokument "Inclusive Education - Policy regarding students with a disability". Isiru "Mapping an Action Plan Sessions" (MAPS) għall-istudenti kollha fuq bażi individwali fis-sitt sena ta' l-Iskejjel Primarji li jkunu ser jibdew jattendu skola sekondarja fis-sena segwenti. F'dawn il-MAPS jieħdu sehem l-għalliema, facilitators, nies professjonali u l-amministrazzjoni ta' l-iskola. Dawn ifasslu rapport li jingħata lill-iStatemening Moderating Panel, li min-naħa tiegħu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet lid-Dipartiment ta' l-Operat li għandu d-dritt jieħu d-deċiżjoni finali. L-għalliema ta' l-iskejjel sekondarji jieħdu taħriġ billi jattendu korsijiet INSET li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni torganizza f'Lulju u Settembru ta' kull sena. Minbarra dan, l-iskejjel, b'inizjattiva individwali jaħgmlu użu mill-iStaff Development Meetings li jsiru kull tlett xhur, b'dan il-għan. L-istudenti fi skejjel sekondarji llum draw is-sistema inklussiva billi ilhom is-snin jitgħallmu ma' tfal b'diżabilita` fl-iskejjel primarji. Meta jkun possibbli, l-istudenti b'diżabilita` jiltaqgħu mal-facilitators tagħhom qabel tibda s-sena skolastika.
Leg 9 PQ #36429 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kumpless sportiv f'Ta' Qali

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il każ ta' serq ġie rapportat mill-kumpless sportiv ta' Qali? X'kienu l-oġġetti rapportati misruqa? Kemm ġew solvuti minn dawn il-każi ta' serq? Kemm persuni tressqu l-qorti akkużati b'serq minn dan il-kumpless sportiv f'Ta' Qali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` serq mill-kumpless tal-basketball f`Ta` Qali. F`dan il-każ, li għadu mhux solvut, kienu irrapurtati misruqa ammont ta` flus minn ġo basket li kien fuq bank.
Leg 9 PQ #36432 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Birzebbuga — Skola Prof. Anton Tabone

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tintbagħat għalliema oħra fl-iskola Profs. Anton Tabone ta' Birżebbuga minflok Ms Muscat tat-tielet klassi li se tirtira minn hawn u ftit ieħor, kif sar fil-każ ta' l-iskola primarja ta' Ħal Għaxaq fejn is-Sur Lofaro, li wasal biex jirtira minn għalliem, ingħata xogħol fl-uffiċċju waqt li ħaddieħor ntbagħat minn floku biex ma titħarbatx l-edukazzjoni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ż-żewġ każi msemmija mill-Onor. Membru ma humiex l-istess u għahekk ma jistgħux jitqabblu. Is-Sur Lofaro li wasal biex jirtira ngħata xogħol fl-uffiċju fl-iskola ta' Ħal Għaxaq bħala soluzzjoni temporanja għal problema immedjata li nqalgħet f'din l-iskola fil-bidu tas-Sena Skolastika. Informat ukoll li Ms Muscat, li tgħallem fl-iskola ta' Birżebbuġa "A" tibda l-pre-retirement leave f'Jannar 2003 u għalhek ser jintbagħat sostitut fit-tieni term meta verament jinħoloq in-nuqqas.
Leg 9 PQ #36433 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Istitut ta' l-Arti u d-Disinn

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-istudenti u l-istaff ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn jirritornaw lura fil-bini ta' Tarġa Gap fl-4 ta' Novembru 2002 x'inhu ppjanat li jkun lest mix-xogħlijiet kollha? Il-workshops se jkunu lesti, peress li dawn huma kruċjali għall-edukazzjoni ta' dawn l-istudenti għax ħafna units isiru fihom? Meta huwa maħsub li l-istitut jingħata l-finanzi meħtieġa biex ikun jista' iġedded is-sistema tal-computers li issa qdiemu għal dak li għandhom bżonn l-istudenti? Meta se jingħataw il-finanzi meħtieġa biex tintrema l-librerija ta' l-istitut tant meħtieġa mil-lecturers u l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tlesta ħafna xogħol fil-bini ta' Tarġa Gap liema xogħol sar matul ix-xhur tas-sajf. Dan kien jikkomprendi tħaffir ta' trinek mal-biċċa l-kbira tas-sit, tqiegħed ta' cables ta' l-elettriku biex l-Istitut ikollu provvista adekwata ta' dawl u jkun jista' jintuża s-substation il-ġdid. Is-sit issa hu kollu ħieles mill-asbestos u b'hekk tneħħa l-periklu. L-ewwel kunsinja ta' kompjuters u programmi ġodda diġa` waslet. Huwa ppjanat li aktar apparat Teknoloġiku jinxtara biex l-istudenti u l-għalliema jkollhom l-aħjar riżorsi għat-tagħlim. Hemm diġa` l-permessi kollha meħtieġa biex jinbena sular ieħor fil-parti ċentrali ta' l-Istitut. Ħarġu tenders biex jinbeda x-xogħol tal-bini. Huwa wkoll ippjanat li f'parti minn dan is-sular titwaqqaf librerija għall-istudenti u l-għalliema ta' l-Istitut.
Leg 9 PQ #36434 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Kors tal-Panel Beating

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li studenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed? Veru li lill-istudenti aċċettati bagħtuhom f'korsijiet oħra bħal fid-dockyard jew bħala electricians jew fuq welding fabrication? Għaliex dawn it-tibdiliet? Qed jitqies li m'hemmx bżonn iżjed ta' nies imħarrġa f'din is-sengħa tal-panel beating?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux minnu li l-istudenti li applikaw għall-kors tal-MCAST fil-vehicle body repair (panel beating) ġew mgħarrfa li dan il-kors mhux se jsir iżjed. Dawk l-istudenti li wrew interess fis-sengħa tal-panel beating (vehicle body repair) ġew mogħtija l-opportunita` li jsegwu t-taħriġ f'din is-sengħa u fil-fatt instabulhom żewġ panel beaters bħala sponsors għal prattika tal-kors. Ebda student li kien interessat fil-panel beating ma ntbagħat id-dockyard. Għall-Kulleġġ Vokazzjonali, il-panel beating hija sengħa li tingħata l-importanza tagħha.
Leg 9 PQ #36435 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Customer Care

Question

Persuni li jaħdmu fil-customer care tal-bini tal-ministeru ta' l-edukazzjoni huma awtorizzati li meta jmorru xi ġenituri jilmentaw fuq xi każ f'xi skola jgħaddu ġudizzju kontra xi kapijiet u għalliema biex jagħtu raġun lill-ġenituri meta ma jkunux semgħu l-verżjoni taż-żewġ naħat? Ma jaħsibx il-Ministru li b'imġieba bħal din min-naħa ta' xi persuni fil-customer care jista' jiżdied id-disgwid meta l-iżjed li għandhom jagħmlu hu li jiġbru l-ilment u jgħadduh lil min hu responsabbli flok jidħlu huma fil-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dak li qed jissugerixxi fil-Mistoqsija huwa dak li fil-fatt jiġri bħala proċedura. L-uffiċjali tal-Customer Care huma awtoriżżati li jiġbru l-ilmenti tal-pubbliku u jgħadduhom lill-uffiċjali responsabbli wara li jkunu semgħu il-verżjoni uffiċjali wkoll.
Leg 9 PQ #36461 Sitting 817 2002-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' il-Ministru jgħid sarx xi rapport lill-pulizija mill-awtoritajiet ta' l-iskola qed jintbagħat separatament, dwar studenta barranija li mingħajr provokazzjoni attakkat għalliem f'din l-iskola nhar it-Tlieta 22 ta' Ottubru? Jekk le, tista' ssir investigazzjoni mill-pulizija għaliex jidher li dan l-għalliem ta' eta' anzjana weġġa' sew u dan ukoll peress li xi membri ta' l-istaff li kellmuni dwar l-inċident huma inkwetati dwar dak li ġara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija, ġie ikkonfermat li kien hemm inċident bejn studenta barranija u għalliem. F`dan l-inċident l-għalliem sofra feriti ta` natura ħafifa u irrinunzja għal proċeduri kriminali kontra din l-istudenta.
Leg 9 PQ #36393 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ċentru Nazzjonali tal-Computer

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36015, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, u jgħid kemm hemm studenti jsegwu xi kors maċ-ċentru nazzjonali tal-kompjuter fis-Swatar? X'korsijiet qed isiru? Kemm qed iħallsu għal kull kors? Min qed imexxi dan iċ-ċentru? Għaliex f'dan iċ-ċentru l-istudenti qed ikollhom iħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Jidher li l-Onor. Membru qed jirreferi għal korsijiet immexxija mill-MITTS ġewwa s-Swatar. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-MITTS.
Leg 9 PQ #36396 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ISTITUT TA' L-ARTI U D-DISINN

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35817 meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol li qed isir biex l-istitut jopera mill-bini f'Tarġa Gap.

Response (GALEA, LOUIS)

Is-sit ta' Tarġa Gap diġa` beda jopera.
Leg 9 PQ #36397 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

SPLD — Ittra ta' Riferenza

Question

Jista' iċ-ċentru SPLD tal-Furjana joħroġ l-ittra ta' riferenza dwar il-kundizzjoni ta' l-istudent li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament mitluba mill-kap ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ebda talba ma waslet mingħand il-Kap ta' l-Iskola għal ittra ta' referenza. Waslet talba mingħand il-ġenituri għal Rapport. Iċ-ċentru ta' SpLD ħareġ Rapport fuq il-kundizzjoni tat-tifel fil-15 ta' Ottubru 2002.
Leg 9 PQ #36409 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36023, jista' jgħid x'għalliema nieqsa hemm fl-iskejjel sekondarji ġenerali u fil-junior lyceum? F'liema suġġetti? Kemm hemm tfal fil-klassijiet milquta? X'passi qed jittieħdu biex f'kull każ jinstabu l-għalliema meħtieġa għax irrapurtawli li hemm każi fejn mill-bidu tas-sena skolastika hemm studenti li m'għandhomx għalliema f'ċerti suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' għalliema nieqsa fl-iskejjel Sekondarju u Junior Lyceums hija kif se nsemmi: Skola Suġġett Lezzjonijiet Studenti Naxxar HSS Bioloġija 8 16 St Luċija GJL Ġermaniż 3 14 Cospicua GSS HE 18 91 B'Kara BSS IT 8 140 Ħamrun GSS Int. Science 8 46 St Francis of Assisi Physics 24 139 Żebbuġ BSS Physics 6 40 Informat li fil-bidu tas-sena intbagħtu l-għalliema kollha meħtieġa, iżda kien hemm min ma aċċettax ix-xogħol għal raġunijiet diversi. Ħarġet sejħa fil-gazzetti biex tfakkar li l-applikazzjonijiet għall-għalliema supply kienet miftuħa. Qed isiru wkoll l-interviews għal għalliema supply għal dawn is-suġġetti.
Leg 9 PQ #36425 Sitting 816 2002-11-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Għawdex - Logħba tal-Premier League

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija kontra l-persuna li attakkat l-uffiċjal tal-logħba f'partita tal-premier league f'Għawdex nhar il-Ħadd, 13 ta' Ottubru 2002, fil-Gozo stadium? Jaf il-Ministru li l-uffiċjali, li ismu qed jintbagħat separatament, kellu feriti f'wiċċu u f'idejh? Jaf li l-persuna li aggreditu huwa impjegat tal-gvern? Jikkonferma li din il-persuna li attakkat l-uffiċjal tal-logħba hija impjegata bħala uffiċjal tas-sigurta` fl-isptar ta' Għawdex? Ma taħsibx li f'każ bħal dan il-pulizija kellha tipproċedi immedjatament? Jikkonferma li din il-persuna li aggredit lill-uffiċjal tal-logħba reġa' ġie arrestat mill-pulizija minħabba theddid lill-istess referee?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inċident imsemmi mill-Onorevoli Interpellant seħħ nhar it-12 ta` Ottubru 2002 u dwaru hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti.

Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta — Knisja tal-Vitorja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar mill-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta fuq il-knisja tal-Vitorja? Dan il-kumitat qabbad lil xi ħadd jirrestawra l-orgni tal-knisja? Min tqabbad jagħmel dan ix-xogħol? Meta sar dan ix-xogħol? Kemm ġie jiswa? Meta tħallsu l-ispejjeż tax-xogħol? Fejn jinsab l-orgni bħalissa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-proġett tal-Knisja tal-Madonna tal-Vitorja fil-Belt Valletta huwa wieħed mill-proġetti prinċipali tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Xogħol li sar s'issa jinkludi rapport dwar il-pittura tas-saqaf, tibdil ta' pajpijiet tal-ħadid u turġien. (Sar xi xogħol ieħor in kollaborazzjoni ma' Din l-Art Ħelwa - restawr ta' żewġ urni fuq il-faċċata). Bħalissa qed isir restawr tal-bronż u l-irħam fil-faċċata mid-ditta Sante Guido Restauro. L-istorja tar-restawr ta' l-orgni tas-seklu sbatax hija storja twila. Wara li kien hawn ditta Taljana li kienet Malta u żaret xi orgnijiet flimkien mal-Maestro Joseph Gatt, kien sar ftehim mal-Maestro Gatt li, in kollaborazzjoni ma' din id-ditta Taljana, jsir restawr ta' orgni żgħir iżda mportanti li hemm f'din il-knisja. S'issa diġa' tħallsu Lm2990. għar-restawr ta' dan l-orgni. Il-proġett kellu jkun lest fl-2000 u s'issa l-Maestro Gatt ma rritornax dan l-orgni minkejja diversi laqgħat u talbiet, anki b'mod legali, li saru. Propju din il-ġimgħa, wara li huwa ma rrispondiex għall-ittra uffiċjali li saret, ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ kawża fuq l-istess suġġett.
Leg 9 PQ #36382 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Reviżjoni tal-Karti ta' l-Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fis-sistema tar-reviżjonijiet tal-karti ta' l-eżami tal-bord tal-Matsec, min qed jerġa' jara u jimmarka l-karta jkun diġa` raha u mmarkaha f'xi stadju meta tkun qed tiġi mmarkata għall-ewwel darba?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċedura li l-MATSEC Board miexi biha fil-każ tar-reviżjoni tal-karti ta' l-eżami, hi dik stabbilita fl-Att dwar l-Edukazzjoni Kap 327 ippubblikat fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta Nru 17299 tal-11 ta' Ottubru 2002 fejn tgħid: "9. (1) Il-kandidati li ma jkunux sodisfatti li l-grad mogħti lilhom f'xi suġġett jirrappreżenta l-livell tagħhom fl-eżami jistgħu jitolbu reviżjoni ta' l-iskritt tagħhom ta' l-eżami. (2) Talbiet bħal dawn iridu jsiru lir-Reġistratur, fuq il-formula provduta minnu u flimkien mal-ħlas stabbilit, fil-perjodu indikat b'avviż li jinħareġ ftit wara l-pubblikazzjoni tar-riżultat. F'każijiet fejn ir-reviżjoni ta' l-iskritti ta' l-eżami tirriżulta fi grad rivedut, il-ħlas imħallas jingħata lura lill-kandidat. (3) Meta jkun hemm talba għal reviżjoni ta' l-iskritt ta' l-eżami trid tiġi segwita din il-proċedura: (a) jinħatar marker addizzjonali mis-Senat, (b) il-marker addizzjonali jerġa' jdur l-iskritts relevanti u jekk jaqbel mal-marka/grad mogħti, jikkonferma l-marka/grad maċ-Chairperson tal-Panel tal-Markers, (c) jekk il-marker addizzjonali jħoll li l-marka/grad għandu jinbidel irid jinforma liċ-Chairperson tal-Panel tal-Markers. F'dan il-każ, iċ-Chariperson, il-marker addizzjonali u l- marker/s ta' dik il-parti tal-karta li fuqha hemm nuqqas ta' qbil iridu jiltaqgħu, jiddiskutu l-parti relevanti tal-karta u jippruvaw jilħqu ftehim fuq il-marka/grad li għandu jingħata. Jekk ebda ftehim ma jintlaħaq, jittieħed vot minn dawk il- membri kkonċernati skond il-provvediment tar-Regolamenti ta' l-Eżamijiet ta' l-Universia`, 1997; u (d) f'kull każ li tintalab reviżjoni ta' l-iskritts, il-marker addizzjonali jrid jikteb rapport qasir, li kopja tiegħu tintbagħat lill-kandidat ikkonċernat." Il-marker addizzjonali ma jkunx ra jew immarka l-karta qabel.
Leg 9 PQ #36387 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu — Impjgati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati pubbliċi li wieġbu s-sejħa għal reklutaġġ mal-Kavallier ta' San Ġakbu? Kemm intgħażlu minnhom? Meta bdew jaħdmu? Meta ngħataw il-kuntratt bil-kundizzjonijiet tax-xogħol? X'kienu dawn il-kundizzjonijiet offruti? Kemm għad fadal mill-impjegati pubbliċi jadħmu fil-Kavallier ta' San Ġakbu?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta.
Leg 9 PQ #36388 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Kors għal Spetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw biex jattendu l-kors għal spetturi tal-pulizija li l-applikazzjoni għalqet f'Awissu? Kemm kienu surġenti jew kuntistabbli tal-pulizija? Minn dawk li applikaw, hemm min hu ggradwat? Meta hemm il-ħsieb li jibda dan il-kors?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 60 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002. Minn dawn 34 huma membri tal-Korp tal-Pulizija - 31 surġent u 3 kuntistabbli, filwaqt li 33 minn dawk kollha li applikaw huma gradwati. Dan il-kors huwa mistenni li jibda wara li dawn l-applikazzjonijiet ikunu ipproċessati.
Leg 9 PQ #36389 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Inċidenti f/Paceville

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti/ġlied eċċ. f'Paceville li wasslu lill-pulizija ttella' nies il-qorti mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm kienu barranin u ta' liema nazzjonalita`? Liema kienu l-akkużi prinċipali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 62 persuna b`konsegwenza ta` ġlied f`Paċeville. Minn dawn 4 kienu Taljani, 2 Eġizzjani u 5 Libjani. L-akkużi prinċipali kienu jikkonsistu offiżi fuq il-persuna li f`każ minnhom kienet segwita bil-mewt.
Leg 9 PQ #36391 Sitting 815 2002-11-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ċittadinanza Doppja

Question

Persuna ta' nazzjonalita` barranija li ilha toqgħod Malta aktar minn ħames snin u li għandha permess regolari li jaħdem hawn, jista' japplika biex jieħu ċittadinanza Maltija? Jekk fl-affermattiv, jista' jibqa' iżomm ukoll iċ-ċittadinanza tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Persuna barranija li tkun ilha tgħix hawn Malta għal aktar minn ħames snin hija eliġibbli biex tapplika għac-ċittadinanza Maltija. Jekk talba simili tintlaqax jew tiġix miċħuda jiddependi mill-Linji Gwida li hemm stabbiliti dwar l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija.