Jista' il-Ministru jgħid hux qed isiru diskussjonijiet ma' pajjiżi ġirien tagħna bħall-Italja, il-Libja u t-Tuneżija biex naraw kif jistgħu jiġu ikkontrollati l-vjaġġi ta' immigranti illegali speċjalment mill-post tat-tluq? Jista' jagħti tagħrif dwar x'laqgħat bħal dawn saru fis-sena 2001 u 2002 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Fis-sena 2001, il-Gvern preżenti ħa l-inizjattiva biex jagħmel kuntatt diplomatiku ma` diversi pajjiżi ġirien tagħna. Fil-fatt tlesta abbozz ta` ftehim ta` riammissjoni li ntbgħat lil numru ta` pajjiżi.
Dawn il-kuntatti għadhom għaddejjin u fil-fatt is-suġġett ta` l-immigrazzjoni tqanqal kemm f`laqgħat multilaterali, partikolarment:
- il-laqgħa tal-Ministru ta` l-Intern tac-CIMO (Mediterran tal-Punent) kemm fuq livell Ministerjali fil-laqgħa ta` Tripoli f`Lulju li għadda u kemm fil-laqgħat tas-'Senior Officials' li jsiru fuq bażi regolari;
- il-laqgħa f`Tuneż aktar kmieni dax-xahar fl-ambitu tal-5+5 f`liema laqgħa attendew ukoll rappreżentanti ta` l-IOM u l-Kummissjoni Ewropea;
- u fuq livell bilaterali, fosthom il-Mixed Commission Malta - Tunisia. Fil-21 ta` Settembru delegazzjoni Libjana ġiet Malta għal taħdidiet li matulhom ġie reġistrat progress fuq abbozz ta` ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jista' il-Ministru jgħid intalbitx għajnuna mill-Ġnus Magħquda u/jew minn xi organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali u tgħin biex tieħu ħsiebhom?
Response (BORG, JOE)
Ma ntalbet l-ebda għajnuna mill-Ġnus Magħquda u / jew minn xi organiżżazzjonijiet internazzjonali oħrajn biex jgħinu lil Malta tikkontrolla d-dħul ta' immigranti illegali jew biex jgħinuha tieħu ħsiebhom.
Peress li din il-materja taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru ta' l-Intern, jekk l-Onorevoli Interpellant irid nformazzjoni aktar ddettaljata nitolbu jagħmilha lil dak il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid hux sejjer jinbena helicopter pad fuq is-saqaf tas-swali u t-teatri ta' l-isptar Mater Dei? Kemm sejjer jiġi jiswa dan il-pad biex jinbena fuq is-saqaf - u biex l-istruttura tal-bini tiġi rinforzata biex tiflaħ għal dan l-istress? X'vantaġġi hemm li l-pad se jsir fuq is-saqaf flok fuq l-art? Sejrin jiġu affettwati t-teatri meta l-helicopter jinżel u jitla'? Ġew ikkunsidrati l-ħsejjes li ser jagħmel il-helicopter meta jinżel bil-lejl fuq is-saqaf tas-swali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nikkonferma illi ser jinbena helicopter pad fuq il-bejt ta` Mater Dei kif jiġri ġewwa ħafna sptarijiet ġodda. Dan kif kopert b'permess maħruġ mill-MEPA.
Helicopter pad fuq il-bejt ta` l-iswali ta` l-emerġenza joffri aċċess dirett f'ħin minimu għal każi ta` emerġenza joffri aċċess dirett f'ħin minimu għal każi ta` emerġenza, li lokazzjonijiet oħra ma joffrux.
Il-ħsejjes li jagħmel helicopter bi tlugħ u nżul ġew kkunsidrati u fil-fatt se jiġi stallat materjal ta` sound abatement.
Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' rapport qed isir mill-KPMG dwar il-government pharmaceutical services? Liema oqsma qed jiġu studjati u liema oqsma tas-servizz qed jitħallew barra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Permezz ta` Letter of Acceptance maħruġa fit-2 ta` Mejju 2001, d-ditta ta` konsulenza KPMG ingħatat kuntratt għal tmintax-il xahar biex tagħmel Business Process Re-engineering (BPR) tal-Government Pharmaceutical Services (GPS), kif ukoll tintroduċi "an appropriate IT system based on the outcome of the BPR". Il-KPMG għaldaqstant kellha l-kompitu li tara s-sistemi kollha użati bħalissa fil-GPS, sew proċeduri ta` xiri ta` mediċini u apparat mediku (li tinkludi s-sezzjoni tal-Kuntratti), is-sistemi ta` kif isiru l-pagamenti, l-proċeduri u l-istruttura ta` l-istores, kif ukoll it-tqassim tal-mediċini u tagħmir mediku.
Il-KPMG hija mistennija li tissottometti r-rapport finali tagħha dalwaqt u tirrakkommanda kif il-GPS għandu jiffunzjona b'mod aktar effiċjenti u effettiv, l-istrutturi li hemm bżonn jinbidlu għall-aħjar u s-sistema ta` l-I.T. Dan kollu bil-għan li s-servizzi provduti mill-GPS ikunu mfassla u ndirizzati fuq il-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-isptarijiet/Ċentri tas-Saħħa.
Dan il-kuntratt se jkopri l-funzjonijiet kollha tal-GPS.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jqum ir-rapport li qed isir mill-KPMG dwar il-government pharmaceutical services?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fit-2 ta` Mejju 2001 id-ditta ta` konsulenza KPMG kienet ingħatat kuntratt ta` tmintax-il xahar biex jagħmlu Business Process Re-engineering fil-Government Pharmaceutical Services (GPS). Dan il-kuntratt li kien ukoll jinkludi s-servizzi ta` financial controller u Administrative Assistant fuq bażi full time ingħata mill-contract committee għas-somma ta` LM88,000.
F'dawn l-ewwel kważi għaxar xhur tas-sena kemm intremew pilloli (fi flus) mill-maħżen tal-gvern għaliex kienu skadew? Kemm kien l-ammont li kellhom jiġu distrutti għall-istess raġuni tul is-sena li għaddiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta` Jannar u l-aħħar ta` Ottubru 2002 skadew b'kemm jiswew LM361,266 mediċinali. Tajjeb li wieħed jinnota li f'dan il-perjodu, prodott partikolari (Iloprost) mixtri fis-sena 1998 għal pazjent partikolari skada wara li ma laħaqx intuża għax il-pazjent kien ġie nieqes. Iċ-ċifra għal dan il-prodott biss kienet tammonta għal LM179,654.
Matul is-sena li għaddiet (2001) skadew b'kemm jiswew LM270,501 mediċinali.
Il-mediċini skaduti għalissa qegħdin jinżammu maħżuna separatament minn prodotti oħra sakemm tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta` kif jiġu meqruda tali prodotti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ġranet ta' skola għal din is-sena skolastika? X'inhuma d-dati għall-vaganzi tal-Milied, tal-Għid u tas-Sajf?
Meta huma l-mid-terms?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' ġranet ta' skola għal din is-sena skolastika huwa ta' mija u ħamsa u sebgħin ġurnata (175).
Id-dati għall-vaganzi tal-Milied huma mit-23 ta' Diċembru 2002 sas-6 ta' Jannar 2003.
Id-dati għall-vaganzi ta' l-Għid huma mis-16 ta' April 2003 sat-23 ta' April 2003. Iżda:
14 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 21/09/2002
15 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 02/11/2002
24 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 08/12/2002
25 ta' April ingħatat Holiday i/l/o 07/06/2003
Id-dati għall-vaganzi tas-Sajf huma mill-4 ta' Lulju u jispiċċaw fit-tielet ġimgħa tax-xahar ta' Settembru 2003.
Il-mid term kien fl-1 ta' Novembru 2002.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskejjel indipendenti u tal-knisja jibgħatux lid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni n-numru ta' ġranet ta' skola f'kull sena skolastika biex ikun żgurat li jkunu viċin dawk ta' l-istat? Jekk le, ma jaħsibx li tkun ħaġa tajba li dan jibda isir? Jekk fl-affermattiv jista' jgħidli kemm huma l-ġranet ta' skola f'dawn l-iskejjel għal din is-sena skolastika:
1 Il-kulleġġ San Alwiġi
2 Il-kulleġġ De La Salle
3 Il-kulleġġ St. Edwards
4 Il-kulleġġ St. Martins
5 L-iskola tad-Dorotej
6 L-iskola tas-Sacred Heart?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull sena d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tibgħat lil kull skola tal-Knisja jew Indipendenti n-numru minimu ta' siegħat u tagħlim li jrid isir f'dik is-sena partikolari. Dawn is-siegħat iridu jsiru minn kull skola irrispettivament minn xi "Holidays" partikulari ta' skejjel individwali.
Dawn is-siegħat jiġu kkalkulati kull sena biex ikunu viċin ħafna dawk ta' l-iskejjel ta' l-Istat. Barra minn hekk, l-għalliema tal-knisja jridu jaħdmu 7.5 siegħata addizzjonali fil-bidu tas-sena skolastika biex ikunu bħall-għalliema ta' l-Istat.
Għalkemm dawn is-siegħat, 920.50 għas-sena skolastika 2002-2003, huma komuni għall-iskejjel kollha, in-numru ta' siegħat f'jum ta' tagħlim ivarja minn skola għal oħra.
Il-ġranet ta' skola f'dawn l-iskejjel għas-sena skolastika 2002-2003 huwa hekk:
Kulleġġ San Alwiġi - 172
Kulleġġ De La Salle - 166
Kulleġġ St Edwards - 166
Kulleġġ St Martins - 167
L-iskola tad-Dorotej - 169
L-iskola tas-Sacred Heart - 167
In-numru ta' ġranet ta' skola fl-iskejjel ta' l-istat huwa 175.
Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm xi każi fejn il-ġimgħa li għaddiet studenti ġew infurmati mill-MATSEC board li minħabba żball klerikali ingħataw marka ħażina u fejn qabel kienu weħlu ġew mgħarrfa li issa għaddew? F'kemm il-każ ġara dan u f'liema suġġetti? Dan ġara wara r-resits fis-SEC biss? Jaf li ħaġa bħal din tista' ttellef lil istudenti milli jagħżlu l-iskola li jridu huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mit-tlieta u sittin talba fl-eżami tas-Sec u mill-mija u tmien talbiet fl-eżami Avvanzat u Intermedjarju għar-reviżjoni tal-karti ta' l-eżami tal-MATSEC ta' Settembru, każ wieħed biss ta' żball klerikali ġie rrapurtat mill-eżaminaturi. Dan kien fil-każ tal-Malti tas-SEC fejn ir-riżultat inbidel minn grad 6 għal grad 5. Il-Bord tal-MATSEC informa minnufih lill-istudent konċernat kif ukoll lill-Prinċipal tal-Junior College fejn seta' jattendi l-istudent.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 36029 kif jista' il-Ministru jgħid li kollox kien normali fuq it-titjira meta l-Armata ammettiet f'mistoqsija oħra tiegħi li l-lembuba tas-suldati kienet nieqsa għal xi ħin u saret tfittxija għaliha? Kif jista' s-superintendent inkarigat jirraporta dan?
Response (BORG, TONIO)
M`hemm xejn x`jiżdied mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36027.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas s'issa l-korp tal-pulizija lill-Air Malta bħala spejjeż għall-vjaġġi li saru biex iwasslu lura f'pajjiżhom immigranti ilegali? Kemm-il darba ġie mikri ajruplan sħiħ u għal fejn? Kemm sewa kull darba? Kemm-il darba tħallas ta' immigranti illegali wieħed u fi gruppi? Jista' jagħti l-figuri mill-1 ta' Jannar 2002 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħlas kollu li sar mill-1 ta` Jannar 2002 s`issa mid-Dipartiment tal-Pulizija lill-Air Malta għal ġarr ta` immigranti illegali lejn pajjiżhom huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll li ġew mikrija ħames ajruplani chartered, erba` għall-Eritrea li swew Lm16,759 kull wieħed u ieħor għall-Eġittu li sewa Lm11,365.
Jista' il-Ministru jgħid kif se tiġi kkalkulata l-pensjoni ta' dawk il-persuni impressed li saru tal-fiss mal-gvern, fuq il-bolla ogħla li kienu jħallsu meta kienu impressed jew il-bolla iżjed baxxa li qed iħallsu illum peress li dan jeffettwa l-livell tal-pensjoni li se jieħdu meta jirtiraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rata tal-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali, apparti minn numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa, tiddependi mid-'dħul pensjonabbli' ta' dak li jkun. Fil-każ ta' persuna mpjegata dan id-dħul jiġi kkalkulat fuq il-medja ta' l-aħjar tlett snin sħaħ, kalendarji u konsekuttivi fl-aħħar għaxar snin qabel l-irtirar. Id-dħul pensjonabbli ta' persuna li taħdem għal rasha jiġi kkalkulat fuq il-medja ta' l-aħħar għaxar snin sħaħ, kalendarji u konsekuttivi qabel l-irtirar.
Jekk persuna tiġix ikkunsidrata bħala waħda mpjegata jew li taħdem għal rasha, biex jiġi kkalkulat id-dħul pensjonabbli, jiddependi mit-tip u n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa fl-aħħar għaxar snin. Jekk il-maġġoranza ta' kontribuzzjonijiet f'dawn l-aħħar għaxar snin ikunu ta' l-Ewwel Klassi, id-dħul pensjonabbli jiġi kkalkulat fuq il-medja tas-salarju ta' l-aħjar tlett snin sħah, kalendarji u konsekuttivi li fihom ikunu tħallsu kontribuzzjonijiet ta' l-Ewwel Klassi. Fil-każ ta' persuna li, fl-aħħar għaxar snin qabel tirtira, tkun ħallset maġġoranza ta' kontribuzzjonijiet tat-Tieni Klassi bħala persuna li taħdem għal rasha, id-dħul pensjonabbli jiġi kkalulat fuq il-medja tad-dħul fis-snin li fihom dik il-persuna tkun ħallset din il-Klassi ta' kontribuzzjonijiet.
Sakemm saru mpjegati tal-Gvern, l-impressed drivers kienu jħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurta' Soċjali tat-Tieni Klassi bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Minn meta saru mpjegati tal-fiss mal-Gvern bdew iħallsu kontribuzzjoni ta' l-Ewwel Klassi bħala persuni mpjegati. Il-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali ta' din il-kategorija ta' mpjegati tiġi kkalkulata individwalment skond it-tip u n-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa kif semmejt qabel.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qed tiġi tiswa l-kampanja imnedija mill-kummissjoni eMalta dwar l-użu ta' l-e-mail? Jista' jagħti rendikont ta' kif intefqu l-flus u kif se jintefqu l-flus f'kull mezz (radju, TV, print, internet)?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ispiża tal-kampanja imnedja mill-eMalta Commission dwar l-użu ta` l-emalta tlaħħaq is-somma ta` Lm27,681.34 imqassma hekk:
LM
TV 7,150
Radju 1,829.5
Bill Boards 2,415
Brochures 2,275
Tqassim ta` Brochures 2,283.84
Flyers 236
Artwork, disinn, pr,
konsulenza u oħrajn 2,303
Gazzetti 9,189
Jista' il-Ministru jgħid għalxiex jattribwixxi ż-żieda fil-prezz ta' ħafna mediċini f'dawn l-aħħar ġimgħat? Kif mediċini bħal Stilnox 10mg għolew minn Lm1.84 il-kaxxa għal Lm2.03 u l-pilloli Remov 100mg li huma wżati minn ħafna għall-uġiegħ kawżat mill-artrite minn Lm2.65 żdiedu għal Lm3.10?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-website tal-Kummissjoni eMalta mhux tiffunzjona saż-żmien li qed issir din il-mistoqsija? Min hu responsabbli li din tkun disinjata u titla' on-line? Għaliex mhix aċċessibbli minkejja li bħalissa hija reklamata fil-kampanja dwar l-użu ta' l-e-mail?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma li l-website tal-kummissjoni eMalta qegħdha tiffunzjona. Din ġiet diżinjata min Datatrack Multimedia u qegħdin hosted għand il-Maltanet.
L-indirizz tas-site huwa http:emalta.gov.mt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm min-nefqa fuq il-kampanja dwar l-użu ta' l-e-mail mill-kummissjoni eMalta ġej minn sponsorships? Min huma dawn l-isponsors? Kemm taw kull wieħed għal din il-kampanja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi min-nefqa fuq il-kampanja dwar l-użu ta` e Mail mill-Kummissjoni eMalta, LM15,588 ġew minn żewġ sponsors, imqassmin kif ġej:
Maltacom LM13,173
Megabyte LM 2,415
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni responsabbli direttament mit-twettiq tal-kampanja dwar l-użu ta' l-e-mail mill-kummissjoni eMalta li għaddejja bħalissa?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-kummissjoni eMalta impjeġat media officer biex tmexxi l-kampanji kollha tal-eMalta. Jintużaw wkoll diversi kumpaniji privati għad-disinn tal-materjal viżiv li jintuża.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritatjiet ta' l-iskola li isimha qed jidher separatament għamlu rapport dwar attakk mingħajr provokazzjoni li sar fuq għalliem minn studenta barranija u dan it-Tlieta 22 ta' Ottubru? Jistgħu uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni jitolbu rapport dwar dak li ġara u jekk ma ittieħdux passi għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li t-tagħrif mitlub jinġabar biex nagħti risposta f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi spezzjonijiet fl-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż bejn Ġunju u Settembru biex jiġi żgurat li l-għalliema kollha għandhom il-kwalifiki meħtieġa? F'liema skejjel saru u meta? L-uffiċjali edukattivi ingħataw ic-chance li jaraw id-dokumenti kollha li talbu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn Mejju 2002 sat-30 ta' Settembru 2002, iċ-Chairman tat-TEFL Monitoring Board żar l-iskejjel liċenzjati kollha li jgħallmu l-Ingliż lill-Barranin kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Matul dawn iż-żjajjar iċ-Chairman kien ikun akkumpanjat minn xi membru tal-Bord, u fejn instabu xi nuqqasijiet inġibdet l-attenzjoni tal-Kap ta' l-Iskola kkonċernata, sabiex dawn jirranġaw. Ir-rapport li sar fuq kull skola separatament wara kull żjara ntbgħat lill-iskejjel konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid isirx xi screening speċjali meta jidħlu immigranti illegali biex jiġi żgurat li fosthom m'hemmx terroristi jew kriminali magħrufa? Jekk fl-affermattiv kif isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hekk kif tkun stabbilita` l-identita` tal-persuna li tkun daħlet Malta illegalment, il-Pulizija tagħmel il-verifiki meħtieġa.