X'passi ħa l-Ministeru biex jirregolarizza l-kontijiet minfuqa fuq iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju li ġibed l-attenzjoni għalihom l-Awditur Nazzjonali fl-aħħar rapport tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kultura ħa l-passi indikati kif ġej:
L-erba' ħlasijiet doppji li ħarġu lill-kuntratturi privati li ħadmu fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju ġew mgħarrfa b'ittra uffiċjali u ntalbu jroddu lura l-flus fi żmien stipulat mill-liġi.
Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u l-Kummissarju tad-Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ġew mgħarrfa bil-ħlasijiet kollha li ngħataw lill-individwi u kumpaniji li wettqu xogħol varju fiċ-ċelebrarzzjonijiet tal-millennju.
Ingħata rendikont lill-Uffiċċju ta' l-Awditur dwar l-assi li kienu fi ħdan il-Kumitat taċ-ċelebrazzjonijiet tal-millennju.
Kummisjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita? — Każi pendenti
Question
X'każi hemm pendenti quddiem il-Kummisjoni Nazzjonali Persuni ta' Diżabilita' li jirrigwardaw awtoritajiet pubbliċi u governattivi dwar bini għax mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita? X'passi ttieħdu mill-Kummisjoni f'kull każ dwar l-obbligu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 38211 u cioe' xi pjani hemm maħsuba għal taħriġ u edukazzjoni għaż-żgħażagħ diżabbli wara li jagħlqu s-16-il sena biex jitħejjew għax-xogħol u l-ħajja? X'iniżjattivi ttieħdu f' dan il-qasam fl-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
X'budget hemm għall-edukazzjoni tal-IT fl-iskejjel tal-gvern wara l-ħin tal-iskola? F'liema xhur se jsiru l-korsijiet tal-IT fl-iskejjel wara l-ħin tal-iskola? Kemm se ddum għaddejja din il-ħidma? Kemm se jkunu qed jgħallmu dawn il-korsijiet? Kif intagħżlu l-għalliema? X'kundizzjonijiet finanzjarji ġew offruti dawn l-għalliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-korsijiet ser isiru matul is-sena kollha u din il-ħidma tibqa` sejra sakemm ikun hemm domanda. Ser ikun hemm wieħed u tmenin (81) għalliema li ser ikunu jgħallmu dawn il-korsijiet u dawn ġew magħżula billi nħarġet ċirkulari fl-iskejjel mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. L-applikazzjonijiet kienu miftuħin għall-għalliema kollha ta` l-informatika fl-iskejjel tal-Gvern, tal-knisja u indipendenti. Dawn ġew offruti LM7 is-siegħa, VAT eskluza. Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-Ministru tal-Edukazzjoni.
Fl-iskejjel sekondarji ġenerali tal-gvern x'laboratorji tal-kompjuter hemm, skola bi skola, li fiha qed issir edukazzjoni tal-IT lil-istudenti? Xi kwalita' ta' personal computers hemm f'dawn il-laboratorji u x'faċilitajiet għandhom f'dik li hi ħeffa u kapaċita'? F'liema skejjel sekondarji ġenerali tal-Gvern hemm għalliema regolari tal-IT biex jgħallmu b'mod regolari lill-istudenti? Liema skejjel sekondarji ġenerali ma kellhomx għalliema regolari tal-IT tul din is-sena skolasitka s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat ukoll li dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, t-tagħrif ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fl-iskejjel Sekondarji ġenerali tal-Gvern kollha hemm għalliema regolari tal-IT biex jgħallmu b'mod regolari lill-istudenti. Ma kien hemm l-ebda skola sekondarja ġenerali tal-Gvern li ma kellhiex għalliema regolari tal-IT tul din is-sena skolastika s'issa.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 38215 meta hemm il-ħsieb li jiġu proċessati l-applikazzjonijiet pendenti kollha li hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi żmien qasir jiġu proċessati l-applikazzjonijiet pendenti kollha li hemm.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlametnari numru 38308 u cioe' kemm hemm każi appellati minn deċiżjonijiet tal-istatementing Moderating Panel? Kemm hemm appelli pendenti? Kemm ilhom jistennew? X'komunikazzjoni saret mal-ġenituri tat-tfal li qed jistennew li jinatgħu l-appelli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:
1. Każi appellati minn deċiżjonijiet ta' l-Istatementing Moderating Panel kienu 22 fis-sena 2002.
2. Appelli pendenti hemm biss 2 u ilhom jistennew minn Diċembru 2002.
3. Il-ġenituri ġew mitluba jiktbu ittra biex juru għaliex qed jappellaw.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 38290 u cioe' jista' l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni tal-Korporazzjoni tal-Freeport li tħalli container tal-Maersk b'materjal splussiv jidħol fil-Freeport hix parti minn strateġija biex terġa' tiġbed lura lejn pajjiżna lil din il-linja tal-vapuri li marret taħdem Gioia Tauro?
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-futur tal-Medigrain? Hemm il-ħsieb li tiġi xolta? X'se jsir mill-
ħaddiema? Min se jieħu x-xogħol li bħalissa tagħmel il-
Medigrain
?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 38261 dwar l-istess materja matul din is-Seduta stess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni tal-Korporazzjoni tal-Freeport li tħalli container tal-Maersk b'materjal splussiv jidħol fil-Freeport hix parti minn strateġija biex terġa' tiġbed lura lejn pajjiżna lil din il-linja tal-vapuri li marret taħdem Gioia Tauro?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-istrutturi tal-ħarsien tal-wirt storiku biex ma tinqeridx il-binja tal-Palazz de Fremaux fiż-Żejtun li kien skedat bħala wirt arkitettoniku?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istrutturi konċernati taw il-pariri tagħhom lill-awtoritajiet konċernati kif kienu jipprovdu l-liġijiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema bini ta' skejjel se jiġu wżati fil-programm ta' edukazzjoni fl-IT wara l-ħin ta' l-iskola? Kemm tfal se jkunu qed jattendu f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni b'kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali nieda żewġ proġetti li fihom ser jintużaw il-laboratorji tal-Kompjuters fl-iskejjel sekondarji wara il-ħin ta' l-iskola.
L-ewwel inizjattiva 'My Web' bdiet fit-22 ta' Jannar. Din l-inizjattiva hija mmirata għal adulti fil-komunita' biex jiġu mħarrġa fil-kompetenza tal-kompjuter.
Dawn huma l-iskejjel li se jkunu ċentri ta' taħriġ fil-komunita'.
1. Dun Ġużepp Zammit Brighella BJL - Ħamrun
2. Kan. Gian Franġisk Agius De Soldanis - Victoria, Gozo
3. Santa Tereża GJL - Mrieħel
4. St. Joseph BJL - Paola
5. Lily of the Valley GSS - Mosta
6. Ġużeppi Dispott BJL - Cospicua
7. Kan Pawl Pullicino GSS - Rabat
8. Mikiel Anton Vassalli BJL - Qormi
9. Carlo Diacono GJL - Żejtun
10. Margaret Mortimer GJL - St Lucia
11. Sir Adrian Dingli GJL - Pembroke
Informat ukoll li minn din is-sena ġie rivedut is-sillabu ta' l-ICT biex jagħti possiblita` lill-istudenti kollha jersqu għall-European Computer Driving Licence (ECDL). Dan ġie ntrodott mill-ewwel klassi ta' l-iskejjel sekondarji. Biex tingħata opportunita` lill-istudenti tal-Form 4 u Form 5 biex jersqu għal dan l-eżami qed jiġi ppjanat biex dawn l-istudenti jiġu offruti tletin siegħa ta' taħriġ addizzjonali wara l-ħin ta' l-iskola.
Għal din l-inizjattiva l-iskejjel sekondarji kollha se jkunu nvoluti.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel qed isiru laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea wara l-ħin ta' l-iskola matul ix-xhur ta' Jannar u Frar 2003? Min qed jorganizza dawn il-laqgħat u min qed ikun mistieden għalihom? Min huma l-organizzazzjonijiet li qed iressqu l-fehmiet tagħhom f'dawn il-laqgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa ma jirriżultax li qed isiru l-laqgħat imsemmija mill-Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel primarji u sekondarji f'Malta u Għawdex mhux se jsiru elezzjonijiet għall-kunsilli skolastiċi għax ma kienx hemm kontestazzjoni għall-ħatriet?
Response (GALEA, LOUIS)
Id-Domanda mhix ċara jekk l-Onor. hux jirreferi għall-elezzjoni tal-ġenituri jew ta' l-għalliema.
Infurmat li in-numru ta' elezzjonijiet mhux kontestati huwa dan:
Malta Għalliema Ġenituri
Primarja 46 17
Sekondarja 29 22
Għawdex
Primarja 10 8
Sekondarja 4 4
Skejjel Speċjali 4 5
Kemm għandu jagħti l-Gvern għax-xiri tal-mediċina akkwistati tul is-sena 2002? Kemm hemm il-ħsieb li jsiru minn dawn il-ħlasijiet fis-sena 2003?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa totali fuq il-mediċina, surgical materials u prosthetic/orthotics matul is-sena 2002 kienet ta' Lm16,277,145.
Il-ħlas bħala regola jsir bi tliet xhur lura.
Infurmat ukoll li sa l-aħħar ta' Diċembru 2002, il-Gvern kellu jagħti s-somma ta' Lm6,845,613.88.
Huwa ppjanat li l-ammont dovut pendenti jitħallas kollu matul is-sena 2003.
Xi pjani hemm maħsuba għal taħriġ u edukazzjoni għaż-żgħażagħ diżabbli wara li jagħlqu s-16-il sena biex jitħejjew għax-xogħol u l-ħajja? X'iniżjattivi ttieħdu f' dan il-qasam fl-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Meta hemm il-ħsieb li n-naħa taljana tapprova l-protokoll ma' Malta u tgħaddih mill-proċess kollu? Jirriżulta li hemm nuqqas ta' qbil fil-Kabinett tal-Gvern taljan dwar il-protokoll?
Response (BORG, JOE)
Jekk il-Protokoll li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Membru hu il-Ħames Protokoll Finanzjarju ffirmat bejn Malta u l-Italja fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Gvern Malti qed isegwi mal-Gvern Taljan il-proċess meħtieġ minn naħa ta' l-Italja għar-ratifika ta' dan il-protokoll, liema ratifika hija mistennija li sseħħ fil-futur qarib.
Il-Gvern Malti ma jaf bl-ebda nuqqas ta' qbil fil-Kabinett tal-Gvern Taljan dwar il-Protokoll.
Eżamijiet tal-Junior Lyceum — Marki ta' l-istudenti
Question
X'bidliet sostanzjali se jkun hemm fl-eżamijiet tal-Junior Lyceum li se jinżamm fis-sena 2003? Kif se jiġu kkalkulati l-marki tal-istudenti kandidati tal-eżamijiet b'differenza mill-eżamijiet li ġew orġaniżżati s'issa, sena wara sena?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa qed isir xogħol ta' riċerka fuq kif jistgħu isiru l-bidliet bla skossi, b'mod validu u fl-aħjar vantaġġ għat-tfal. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu mhux biss jagħti sentejn 'notice qabel xi bidla bħal din iżda ukoll iħarreġ l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri stess għall-bidla. Waqt li il-preparazzjoni għal dan it-tibdil se tibda għaddejja permezz ta' program pilota f'numru ta' skejjel primarji żgur li jkun prematur li wieħed jagħmel xi bidliet sostanzjali minn din is-sena.
Kemm hemm Junior Lyceums tal-bniet u subien li bħalissa jew matul din is-sena skolastika se jispiċċaw bla kap? Xi pjani hemm biex jilħqu persuni oħra flok dawk li jispiċċaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li ser jispiċċaw żewġ kapijiet ta' l-iskola. L-interview ta' wieħed minnhom diġa sar u r-riżultat hu magħruf.
Meta kap ta' skola li jkun fiha aktar minn 500 student jasal biex jispiċċa, toħroġ sejħa interna fost il-kapijiet li huma diġa' fil-post. L-għażla tal-kap il-ġdid tkun minn din is-sejħa.