Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 385 u cioe' tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet mal-kumpanniji pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija b'kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f' xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar il-fatt li s-soqfa tal-veranda ta' diversi biniiet f'Pembroke bħal ngħidu aħna f'dawk fi Triq Bice Mizzi Vassallo huma tal-asbestos u dan huwa ta' ħsara għas-saħħa tar-residenti? Jistgħu jinbidlu u minflok jintuża materjal mhux ta' ħsara għas-saħħa tar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ghaddejt t-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar ghal konsiderazzjoni tieghi.
Naxxar — Triq iz-Zenqa - Bdil ta' użu ta' postijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm bdil ta' użu ta' postijiet fi Triq iz-Zenqa fin-Naxxar li kien inħarġilhom il-permess biex isiru ħwienet u issa ġew mibdula għal garaxxijiet? X'wassal biex jingħataw il-permessi għall-bdil ta' użu meta dan qed jolqot ħażin lill-ġirien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Sentenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq is-sentenza mogħtija fis-27 ta' Frar, 2002 mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji fir-rikors numru 260/97? Meta se titwettaq din is-sentenza mogħtija iżjed minn sena ilu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Persuna li għandha tieħu xi flus wara l-qtugħ ta' sentenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa biex issir ġustizzja mal-persuna - l-isem tagħha qed jintbagħat separatament - ħalli din tieħu l-flus dovuti lilha wara s-sentenza maqtugħa fis-27 ta' Frar, 2002 mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji fir-riskors numru 260/97? Meta se titħallas is-somma dovuta din il-persuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas ta' l-ammont ta' flus kif deċiż b'sentenza tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji mogħtija nhar is-27 ta' Frar 2002, li hu dovut lill-persuna li isimha intbagħat separatament, ġie mgħoddi lit-Teżor fix-xahar ta' Ġunju 2003 u hekk il-ħlas qed ikun affettwat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'wassal biex il-persuna - li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - jinqatgħalha l-benefiċċju tal-mard meta hi ċertifikata li ilha tbati ħafna bid-diabete?
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy fl-iskola primarja tal-Gżira li t-tfal tal-kindergarten ma joħorġuhomx għall-break? Jekk m'hemmx din il-policy, il-kindergarten assistants jitħallew jiddeċiedu huma jekk joħorġux it-tfal fdati lilhom għall-break? Għaliex hemm kindergarten assistant partikolari - isimha qed jintbagħat separatament - li l-ġenituri jilmentaw li qatt ma toħroġ lit-tfal għall-break?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-policy ta' l-Iskola tal-Gżira hija li t-tfal jinħarġu barra l-klassi fil-break. L-Amministrazzjoni ta' l-iskola tagħti importanza lill-valur tal-logħob għat-tfal ta' din l-eta', tant li ġiet imfassla timetable biex it-tfal jinħarġu fil-bitħa anke f'ħinijiet oħra barra l-break.
Jista jkun hemm każijiet fejn it-tfal ma jinħarġux waqt il-break għal raġunijiet varji u dan japplika ukoll għal Kindergarten Assistant li isimha intbagħat separatement.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu bħalissa mid-dipartiment tal-kunsilli lokali biex il-kunsill b'responsabbilta' f'inħawi turistiċi u ta' villeġġjatura jżommuhom indaf peress li nħawi bħal Buġibba u l-Qawra jagħtu dehra ta' telqa u ħmieġ fejn l-iktar jippassiġġaw in-nies?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u billi t-tindif ta` toroq, li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tagħhom, huwa funzjoni delegat lilhom skond Art 33 ta` l-Att, nissuġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi passi maħsuba biex l-impjegati kollha ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jkollhom is-sitwazzjoni tax-xogħol regolari tagħhom mal-gvern regolarizzata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Għall-preċiżjoni nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu tlettax il-ħaddiema ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi li ressqu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji.
Il-Gvern issa qiegħed fi proċess li bih, dawn il-ħaddiema jkollhom is-sitwazzjoni tagħhom regolarizzata kif deċiża mit-Tribunal skond il-liġi u skond il-parir mogħti mill-Management & Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Kumpanniji b'investiment pubbliku — Impjegati ġodda
Question
Jista' issa l-Ministru jwieġeb it-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 383 u ċioe' tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija b'kumpannija?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinkesa kollha kemm hi Triq il-Fortizza, fil-Mellieħa u jinqatgħu l-inkonvenjenzi li jbatu r-residenti bit-trabijiet ta' l-art maqlugħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tkompli l-program ta' xogħol ta' kostruzzjoni u asfaltar ta' toroq fiż-żona kollha ta' Masrija, fejn hemm din it-triq u l-asfaltar tat-triq li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant qiegħed isir ukoll f'dan il-program.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinkesa Triq Ħalq iċ-Ċawl, fil-Mellieħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tkompli l-program ta' xogħol ta' kostruzzjoni u asfaltar ta' toroq fiż-żona kollha ta' Masrija, fejn hemm inkluża din it-triq u l-asfaltar tat-triq li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant qiegħed isir ukoll f'dan il-program.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-ispazju pubbliku li jmiss ma' Triq Ħalq iċ-Ċawl fil-Mellieħa u li bħalissa mimli ħaxix ħażin, skart u ġrieden jinbidel fi ġnien għax ma jagħmilx sens li jitħalla żdingat u maħmuġ kif inhu bħalissa meta ftit passi 'il bogħod sar sforz kbir biex jitħawlu s-siġar u l-fjuri int u dieħel il-Mellieħa mit-telgħa ta' Selmun?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L- ispazju pubbliku msemmi mill- Onor. Interpellant ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta’ tal-Gvern Centrali.
Hu fid-dmir tal-Kunsill Lokali tal–Mellieħa, permezz ta’ fondi sostanzjali mgħoddija lilu mill-Gvern Centrali, li jara li spazji bħal ma ssemma jitneħħilhom il-ħaxix ħażin u skart biex jitgawdew mill-pubbliku.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Knisja - twessigħ ta' bankina
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk intalbux il-permessi rilevanti biex il-kunsill lokali jwessa' il-bankina fi Triq il-Knisja f'San Pawl il-Baħar biex jiġi akkomodat stabbiliment ta' l-ikel li qed ikollu b'impatt ħażin fuq ir-residenti u l-ġirien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 313 u cioe' jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2003 kemm kien hemm każi pendenti ta' persuni li kellhom kontijiet x'jagħtu a) lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u b) lid-Dipartiment tal-VAT u dawn il-każi issa ġew solvuti? Jista' jgħid b'kollox kemm kellhom jagħtu bħala totalita' u kemm fil-fatt ħalsu meta ntlaħaq ftehim dwar il-każi?
Response (DALLI, JOHN)
Mhux magħruf eżattament għal liema każijiet pendenti qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.
Jekk dawn jirreferu għall-ftehim li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma' taxpayers biex iħallsu t-taxxa dovuta għas-snin l-imgħoddija f’pagamenti fix-xahar, l-informazzjoni hija din:
In-numru ta' ftehim
4283
L-ammont globalment dovut
LM3,205,079
L-ammont imħallas
LM2,055,534
Bilanċ dovut
LM1,149,545
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ tal-VAT, id-Dipartiment joħroġ biss kontijiet skond id-dikjarazzjonijiet li jirċievi fuq bażi ta’ self assessment. Madanakollu, minn żmien għal żmien, jinħarġu stimi f’każi fejn isiru investigazzjonijiet.
Matul is-sena 2003 (Jannar – Mejju) kien hemm ukoll numru ta’ taxpayers li bagħtu l-formula tal-VAT mingħajr il-ħlas tat-taxxa dikjarata minnhom. Minn dawn kien hemm 62 taxpayer u t-taxxa pagabbli kienet tammonta għal Lm300,231.
Id-Dipartiment ħa l-passi meħtieġa u 48 taxpayers ħallsu t-taxxa dovuta li kienet tammonta għal Lm206,124. Fl-aħħar ta’ Mejju kien hemm 14-il taxpayer li kellhom jagħtu Lm94,107. F’dawn il-każijiet qed jittieħdu proċeduri ċivili sabiex tinġabar it-taxxa dovuta”.
Servizz Ċivili — Taqsima ta' awditjar u investigazzjonijiet interni - ħaddiema
Question
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari 309, jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ir-rapport li hemm referenza għalih f'Appendix 2b dwar il-Welfare Committee?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hija prattika stabbilita, anke fis-settur privat, li l-awditur intern jirraporta direttament lill-“management” ta’ l-entita` konċernata u li r-rapporti ta’ l-awditur intern jibqgħu konfidenzjali, għalkemm l-awditur estern għandu d-dritt li jitlob u li jirċievi kopja ta’ dawn ir-rapporti.
Din il-prattika hija riflessa fl-Abbozz ta’ Liġi dwar Verifika Interna u Investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġi kkonsidrat fl-istadju ta’ Kumitat. Nirreferi b’mod partikolari lill-Onorevoli Membru għall-Artiklu 22 ta’ dan l-Abbozz li jispeċifika lil min u f’liema ċirkostanzi r-rapporti tal-awditur intern jew l-informazzjoni li jkun ġabar jistgħu jingħataw.
Mellieħa — Triq Napuljun Caruana Dingli/Triq Sifa - Wesgħa art
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett bis-sħab bejn l-awtorita' tad-djar u l-kunsill lokali tal-Mellieħa biex tinbena l-wesgħa art bejn Triq Napuljun Caruana Dingli u Triq Sifa fil-Mellieħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-progett ta' bini ta' gnien fil-post indikat mill-Onor. Interpellant ser isir bi shab bejn id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u l-Kunsill Lokali tal-Mellieha. Ninsab infurmat ukoll li recentement sar qbil li l-progett jinbeda fis-snin li gejjin, jekk il-Kunsill ikun kiseb il-permessi mehtiega.
Skejjel — Flus għal xiri ta' materials and supplies
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-flus dovuti lill-iskejjel fil-materials and supplies (it-tieni instalment) għadhom ma ntbagħtux lill-iskejjel meta s-soltu jaslu għall-bidu ta' Mejju? Japprezza l-Ministru li bħalissa l-iskejjel ikollhom ħafna ħlasijiet pendenti u jridu jaħdbu għall-materjal edukattiv? Meta hemm il-ħsieb li jintbagħtu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-proċess ġie finalizzat u bħalissa qed tittieħed l-azzjoni meħtieġa biex it-tieni 'instalment' tal-flus dovuti lill-iskejjel f'Materials and Supplies' jitħallsu mill-aktar fis.
B'riferenza għat-tagħrif mitlub mill-ministeru tiegħek mill-ġurnal The Malta Financial and Business Times tal-11 ta' Ġunju, 2003 f'paġna 3, tista' jekk jogħġbok tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhijiex qed tingħata l-informazzjoni mitluba? Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar l-ammont ta' multi li nħafru qabel l-elezzjoni ġenerali 2003 lil min ma ddikjarax il-VAT dovuta kif suppost?
Response (DALLI, JOHN)
Il-maħfriet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant huma miżura li tħabbret fil-budget għal din is-sena u li ġiet implementata fil-kuntest tal-provvedimenti fil-liġijiet tal-VAT 1995 u CET 1997. Ma nistgħux nagħtu d-dettalji mitluba għaliex din il-miżura kienet waħda ġenerali u għalhekk għad irridu naraw minn se jieħu vantaġġ minnha. Id-dettalji ma nagħtuhomx ukoll għaliex din hi nformazzjoni kunfidenzjali bejn it-taxpayer u d-dipartiment.
Kummissjoni Ewropea — Oġġezzjonijiet dwar ftehim mal-Microsoft
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ministeru dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għas-sensiela ta' ftehim li diversi gvernijiet, fosthom anke dak ta' Malta, iffirmaw mal-Microsoft?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza aktar ċara dwar l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jagħmel riferenza għalihom fil-mistoqsija tiegħu.