Naxxar — Triq iż-Żenqa - Bdil ta' użu ta' postijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm bdil ta' użu ta' postijiet fi Triq iz-Zenqa fin-Naxxar li kien inħarġilhom il-permess biex isiru ħwienet u issa ġew mibdula għal garaxxijiet? X'wassal biex jingħataw il-permessi għall-bdil ta' użu meta dan qed jolqot ħażin lill-ġirien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond ir-records tal-MEPA nħarġu żewġ permessi għall-bdil ta’ użu fi Triq iż-Żenqa in-Naxxar, li jġibu referenza, PA 5579/93 u PA 4108/96.
Fl-ewwel każ ġie kkonfermat li l-lok qiegħed jintuza bħala ħanut. Fit-tieni każ li jirrigwardja binja biswit il-Kunsill Lokali, il-permess inħareġ għal twaqqiegħ ta’ bini u bini mill-ġdid ta’ blokka fosthom seba’ ħwienet fil-pjan terran. Skond spezzjoni li saret mill-ufficjali tal-MEPA ġie kkonfermat li ħamsa qiegħdin joperaw bħala ħwienet waqt li tnejn oħra għandhom tabella “No Parking” imwaħħla fuq ix-shutter. Minħabba li dawn iż-żewġ postijiet kienu magħluqa fil-ħin ta’ l-ispezzjoni, ma setax jiġi kkonfermat jekk fil-fatt dawn qiegħdin jintużaw bħala garaxx. (Fil-jiem li ġejjin se jsiru aktar spezzjonijiet u jiġi kkuntattjat is-sid.)
Fuq il-mertu tal-bdil ta’ użu, il-ħwienet ġew ikkunsidrati bħala ħwienet lokali fuq is-sit li kien iservi bħala c-cinema lokali tan-Naxxar.