Kemm hemm ħaddiema li huma meqjusa żejda fil-PBS? B'liema kriterju huma meqjusa żejda? F'liema taqsimiet jaħdmu? X'ser isir minnhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li sar eżerċizzju bil-għan li jistabbilixxi kemm għandha jkollha ħaddiema l-Kumpanija biex tkun vijabbli. Bħalissa hemm 184 ħaddiema, li jridu jonqsu għal 50. Jien nfurmat ukoll li kważi f'kull kategorija ta' xogħol hemm nies żejda. Għal dan il-għan bħalissa għaddejjin taħdidiet mal-General Workers' Union fuq skemi ta' voluntary redundancies.
Kemm ġew intervistati persuni biex jiġu kkunsidrati għar-reklutaġġ fl-iskejjel primarji statali u fl-iskejjel sekondarji statali? Kemm ġew reklutati minnhom fiż-żewġ livelli?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Hemm xi ħsieb li l-Universita', waħedha jew flimkien mal-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ u entitajiet pubbliċi u privati oħra, tieħu xi inizjattivi ġodda biex il-gradwati l-ġodda jsibu impjieg addattat malli jtemmu l-korsijiet tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar sena kien hemm diskussjonijiet u ntlaħaq qbil ma' l-ETC biex fl-Universita' jinfetaħ uffiċċju biex uffiċjali ta' l-ETC jkunu jistgħu jagħtu pariri lill-istudenti fuq opportunitajiet ta' xogħol.
Qed isiru tħejjijiet biex Malta tieħu sehem deċiżiv fil-programm ġdid New Neighbourhood Instrument propost mill-Kummisjoni Ewropea għall-punent tal-Mediterran li fih qed jiġi propost li jieħdu sehem Malta, l-Italja, Franza, Spanja, l-Portugall, ir-Renju Unit, il-Marokk, l-Alġerija u t-Tunesija? X'tip ta' inizjattivi qed jiġu studjati biex jiġu mressqa?
Response (BORG, JOE)
L-hekk imsejjaħ New Neighbourhood Instrument għadu fil-fażi inizjali tiegħu, jiġifieri fil-fażi preparatorja, u diffiċli li wieħed jantiċipa minn issa x'forma se jieħu finalment.
Madankollu, peress illi l-ko-ordinazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea li jinvolvu fondi hija responsabbilita' ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jirrivolġi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
X'ħidma qed issir biex Malta tieħu sehem fil-programm Archimed fil-qafas ta' New Nieghbourhood Insturment propost lil Kummisjoni Ewropea għal sehem minn Malta, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libanu, is-Sirja, il-palestina u l-Ġordan?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1912.
Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma l-programmi kollha ta' l-Unjoni Ewropea li bħalissa pajjiżna qed jieħu sehem fihom? Kemm qed toħroġ fondi l-Unjoni Ewropea għal kull programm u kemm qed toħroġ Malta? Fiex jikkonsistu dawn il-programmi differenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema proġetti se jintnefqu l-fondi, każ b'każ, li se toħroġ l-Unjoni Ewropea lil Malta fit-tliet snin li ġejjin? Għal kull proġett, x'parti se toħroġ l-Unjoni Ewropea u x'parti se toħroġ Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li dak li jirrigwarda l-fondi strutturali, bħalissa qed isir xogħol fuq is-“Single Programming Document” (SPD). Dan id-dokument jasal biss sal-prioritajiet u l-miżuri. L-SPD irid jiġi maqbul mal-Kummissjoni Ewropea u wara jkun jista’ jsir ix-xogħol fuq il-proġetti.
L-SPD għandu total ta’ 85 miljun Euro ta’ investiment pubbliku li minnhom 63 miljun Euro ġejjin mill-fondi strutturali – dan ifisser li ħafna mill-proġetti, partikolarment dawk ta’ natura infrastrutturali, se jkollhom finanzjament ta’ madwar 75 fil-mija mill-Unjoni Ewropea.
Minn dak li jirriżulta minn dan id-dokument s’issa, jidher li ser ikun hemm diversi proġetti fil-qasam ta’ l-ambjent (partikolarment l-iskart, kwalità ta’ l-ilma u drenaġġ), trasport (toroq), edukazzjoni (taħriġ u infrastruttura, għajnuna lill-intrapriżi u għajnuna w investment fis-setturi tal-biedja u s-sajd.
Il-proġetti tal-fondi ta’ koeżjoni huma xogħolijiet fuq it-toroq f’dak li jirrigwarda s-settur tat-trasport u proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-iskart f’dak li jirrigwarda s-settur ta’ l-ambjent. Rigward it-toroq bħalissa għaddejjin studji biex jiġu identifikati l-partijiet tat-“Trans-European Network” li għandhom priorità. Proġetti ta’ l-iskart prinċipalment hemm tnejn:- l-impjant tal-“composting” u l-“material recovery facility”.
Il-proġett taħt il-fond ta’ koeżjoni jammontaw għal 26 miljun Euro ta’ investiment pubbliku li minnhom 22 miljun Euro ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li b’mod ġenerali l-proġetti ser ikollhom finanzjament mill-Unjoni Ewropea ta’ madwar 75 fil-mija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-ristorant Mamma Mia fix-Xatt ta' Qui-si-Sana f'Tas-Sliema għandux il-permessi kollha maħruġa mill-MEPA biex jopera bħala ristorant? Meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ma kienet involuta fil-ħruġ tal-permessi fuq dan il-post sabiex dan jopera bħala ristorant. Fil-fatt jirriżulta li l-Pulizija kienet ħarġet liċenzja (App/L/31/91) sabiex il-post jintuża bħala "catering establishment" fost użu ta’ negozju ieħor bħal bejgħ ta’ sigaretti, ġelati, te u kafe, eċċ., u dan b' effett mis - 17 t' Ottubru 1991 u cioe minn qabel ma twaqqfet l-Awtorita’ ta l-Ippjanar fil-1992. Barra milli din il-liċenzja baqgħet tiġi mġedda regolarment jirriżulta ukoll illi l-post huwa anke liċenzjat bħala ristorant mill l-Awtorita’ tat-Turizmu (ex-Hotels and Catering Establishments Board - HCEB) skond liċenzja CE 1083 (Restaurant Special 2nd Class), maħruġa wkoll fl-1991. Dawn il-fatti huma kkonfermati f’ Report Case 2052 ta’ l-Ombudsman, liema rapport jikkonkludi li “there are no grounds to conclude that there was maladministration on the part of the Planning Authority” Għaldaqstant il-MEPA ma nvolvitx ruħha fuq il-kwistjoni dwar l-użu.
MEPA — Applikazzjoni biex jiġi mgħarraq trawler fil-ponta taċ-Ċirkewwa
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi pproċessata l-applikazzjoni PA 000597/03 biex jiġi mgħarraq trawler fil-ponta taċ-Ċirkewwa biex iservi għall-għaddasa f'dan il-post li hu meqjus ideali tant li din l-inizjattiva sabet anke l-appoġġ ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu? Xqed iżomm milli jinħarġu l-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Board tal-MEPA, f' laqgħa li saret fit-2 ta' Ottubru 2003, ġie infurmat illi l-istess applikanti ma segwewx kundizzjonijiet li kienu ġew imposti ma' permessi ta' żvilupp biex jiġi mgħarraq il-vapur Imperial Eagle fil-Qawra, u żewġ Tug Boats f' Marsascala. Tali kundizzjonijiet kienu jipprevedu is-sottomissjoni ta' rapporti ta' monitoraġġ ta' l-impatti ambjentali tal-vapuri fuq l-ambjent marittimu, iżda dawn ir-rapporti qatt ma ġew sottomessi lill-Awtorita`.
Qabel ma l-MEPA tikkonsidra b' mod pożittiv applikazzjonijiet oħra ta' din ix-xorta, jinħtieġ li jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali biex jiġu stabbiliti l-impatti kollha ta' dan l-iżvilupp.
Tista' il-Ministru tgħid meta se tintlaqa' it-talba tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ilha mit-13 ta' Awissu, 2003 li applikat biex tiġi taħdem Malta ħalli tkun tista' tingħaqad mal-familja tagħha li ġiet tgħix Malta minn Għawdex? Għaliex qed tinżamm dawn il-ġimgħat kollha bla risposta xierqa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel ilmistoqsija lillMinistru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex deċiż mill-istrutturi tal-Matsec li jkun hemm bidla fil-mod kif tiġi mmarkata Paper II tal-Letteratura Ingliża fil-livell SEC biex l-unseen text li kellu massimu ta' 25% tal-marka jitla għal 50%? Jekk iva, meta ġew infurmati l-għalliema u l-istudenti b'din il-bidla u min ġie kkonsultat qabel ittieħdet id-deċiżjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-Onor. Membru jista' qed jirreferi għal Paper I fejn jiġi eżaminat l-unseen text. Jirriżulta li fis-sillabi tas-snin 2004 u 2005 ma hemm l-ebda bidla fil-marki massimi ta' din il-karta, li huma 50% kif kienu f'dawn l-aħħar snin. Għalhekk it-tieni parti tal-mistoqsija, jiġifieri fuq konsultazzjoni ma tapplikax.
Kopji tal-partijiet rilevanti tas-sillabi ta' l-2002 - 2003, 2004 u 2005 qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol meħtieġ fl-iskola sekondarja tal-bniet Lily of the Valley? X'hemm ippjanat li jsir u meta hu maħsub li jitlesta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fl-iskola sekondarja Lily of the Valley jikkonsisti fil-bdil tas-saqaf tas-sala. Dan ix-xogħol kien meħtieġ wara li saru testijiet fuq l-istess saqaf.
S'issa x-xogħol ikkonsista fi twaqqiegħ tas-saqaf l-antik, qed jinbnew pilastri ġodda sabiex tissaħħaħ l-istruttura u fi żmien qasir ser jitpoġġew aktar travi u jibda jintrama' is-saqaf il-ġdid.
Oriġinarjament, ix-xogħol kellu jitlesta sa l-aħħar ta' Ottubru, pero' l-kuntrattur ġie mitlub ibiddel l-iskeda tax-xogħol għal ħinijiet li ma jtellfux l-operat ta' l-iskola. Hu mistenni li s-sala tkun tista' topera fi żmien xi ġimgħat.
Wara l-mewġiet ta' inċidenti fatali u serji li kellna dan l-aħħar fuq il-lantijiet tax-xogħol tal-bini, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex jissaħħaħ il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1899 f’Seduta Numru 42.
Jista' il-Ministru jgħid x'talbiet pendenti għandu l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex isiru pelican lights u sinjali oħra ta' traffiku fil-Mellieħa? Meta se jintlaqgħu dawn it-talbiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali għamel talba biex jitwaħħlu tlett pelican lights fi Triq il-Kbira, Mellieħa. L-evalwazzjoni li saret tal-lokalita` uriet li lok wieħed biss għandu bżonn dawn it-Traffic Lights u żewġ lokalitajiet l-oħra ser ikunu zebra crossings.
Jista' il-Ministru jgħid xi programm hemm għat-tiswija ta' toroq wara l-ħsarat li saru mill-għargħar ta' dan l-aħħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi xogħol ta' tiswija fit-toroq wara l-ħsarat li saru dan l-aħħar għadu għaddej u fih saru xogħlijiet tat-tiswija ta' l-emerġenza bħal:
Patching
u tiswija tal-wiċċ tat-toroq
bini ta' ħitan tat-toroq u f'widien
tindif tad-
debris
li ġarr l-ilma
tindif tal-
culverts
li instadd b'dan id-
debris
Sar ukoll xogħol ta' tiswija fuq mains tad-drenaġġ u kanen tal-provista ta' l-ilma. Peress li dan ix-xogħol ieħor għadu għaddej, informazzjoni aktar dettaljata tiġi mgħotija aktar il-quddiem.
Jistgħu jibdew jitnaddfu dawk it-toroq li waqa' fihom il-ġebel tal-ħitan tas-sejjieħ u qed jikkaġuna periklu, l-iżjed bil-lejl għal min jgħaddi fihom, bħat-telgħa bejn il-Mistra u Selmun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi xogħol ta' tindif bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed isir mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu stmat li ġarrbu ħsarat il-bdiewa fl-għargħar li sar dan l-aħħar? X'kumpens huwa maħsub li jingħataw? Meta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti ta’ ħsarat kawżati mill-għargħar ta’ Settembru għadhom deħlin fl-uffiċċji tal-Agrikoltura.
Għadu ma ġiex deċi` x’ tip ta’ kumpens se jingħata u meta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan għat-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ li waqgħu dan l-aħħar bl-għargħar? Kif se jitwettaq dan il-pjan u fuq kemm żmien?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li għadhom qegħdin jinġabru d-dettalji fuq il-ħsarat li seħħew bl-għargħar ta’ Settembru. Għaldaqstant għadu kmieni wisq biex jingħataw dettalji.
Ta’ min jgħid li r-responsabilita’ tal-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjiegħ hija fuq il-bdiewa. Kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata mill-Gvern minħabba l-ħsarat tal-għargħar għandha tkun biss kumplimentari ma’ dawn ir-responssabilitajiet.
Fondi ta' għajnuna għall-ħsarat kawżati mill-maltemp
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea biex jgħinu lill-vittmi ta' l-għargħar li kellna dan l-aħħar? Kemm intalbu fondi? Għal liema tip ta' ħsarat?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 1561 fis-seduta Parlamentari tad-29 ta' Settembru 2003. Għalissa ma għandi xejn x'inżid ma' l-informazzjoni mogħtija f'dik it-tweġiba.