Fondazzjoni għall-iskejjel t'għada — Ħatra ta' persuni
Question
Jista' il-Ministru jgħid min inħatar fil-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada flok il-persuni li tneħħew minnha b'deċiżjoni tal-bord tal-10 ta' Ottubru, 2003? Kif intgħażlu l-persuni ġodda?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li s'issa l-ebda persuna ma nħatret flok il-persuni li s-servizzi tagħhom ġew terminati b'deċiżjoni tal-Bord ta' l-10 ta' Ottubru 2003. Il-Bord temporanjament sakemm jittieħdu id-deċiżjonijiet meħtieġa, fada l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Fondazzjoni, f'idejn iċ-Chairman, Dr Conrad Thake, u wieħed mill-membri tal-Bord, is-Sur Mario Callus konġjuntament.
Fid-dawl li pajjiżi bħall-Isvizzera, il-Lussemburgu u l-Belġju qed jirrifjutaw li jsegwu dak kollu li trid l-OECD dwar ċerti finanzjarji internazzjonali biex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ħidma kummerċjali tagħhom, x'għaġġla għandha Malta li titlef minn din il-ħidma għax intrabtet li tobdi lill-OECD sa l-aħħar tas-sena 2005?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għandu jiġi spjegat illi l-commitment li ingħata lill-OECD mill-Gvern Malti dwar l-iskambju ta' informazzjoni f'każijiet ta' tassazzjoni ta' natura ċivili huwa fis-sens illi il-Gvern Malti ser jiskambja informazzjoni biss meta dik li tissejjaħ level playing field tkun ġiet stabbilita bejn pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD u pajjiżi oħra li huma membri tal-OECD bħal l-Isvizzera u l-Lussemburgu.
Ittieħdu xi passi dan l-aħħar kontra uffiċjali tal-Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada? Fil-każ li iva, x'passi ttieħdu? Jekk ittieħdu dawn il-passi, x'kienu r-raġunijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tagħrif li tajt fil-Kamra il-ġimgħa li għaddiet fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Supplimentari ta' Onor. Membri oħra fuq l-istess punti tal-Mistoqsija. Nirreferi wkol għal stqarrija bi tweġiba għal diskors ta' l-Onor. Carmelo Abela li kopja tagħha ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fondazzjoni għall-iskejjel ta' Għada — Infieq ta' Flus
Question
Jista' jgħid jekk dan l-aħħar il-Ministeru ħax xi passi dwar infieq min-naħa tal-Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada? Fil-każ li iva x'kienu dawn il-passi u x'wassal biex jittieħdu dawn il-passi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'hemm xejn x'wieħed jirraporta ġdid fuq is-suġġett.
Il-Ministeru tal-Finanzi segwa l-operat tal-Fondazzjoni għall-iskejjel ta' Għada u ġibed l-attenzjoni ta' min imexxi l-Fondazzjoni għal dawk il-proċeduri li deherlu li għandhom jinbidlu.
Fiex wasal il-proċess tar-ratifika tal-ħames protokoll ma' l-Italja? Meta għadda mis-senat Taljan kif kienet il-votazzjoni? Meta huwa maħsub li jgħaddi mill-Kamra tad-Deputati ta' l-Italja?
Response (BORG, JOE)
Il-ħames protokoll finanzjarju bħalissa għaddej mill-proċeduri parlamentari Taljani neċessarji għar-ratifika. Fit-22 ta' Ottubru, beda jiġi diskuss fil-Kummissjoni ta' l-Affarijiet Barranin tal-Kamra tad-Deputati.
Il-Protokoll ġie approvat mis-Senat Taljan fit-2 ta' Ottubru. Il-votazzjoni b'turija ta' l-id kienet favorevoli b'maġġoranza assoluta.
Sabiex jitressaq għall-vot fil-Kamra il-protokoll irid igħaddi mill-proċeduri stabbiliti li jieħdu ż-żmien tagħhom.
Meta wieħed jifli t-telf li tagħmel il-PBS, kemm minnu huwa dovut għall-pagi tal-ħaddiema full time? Il-ħlasijiet lill-ħaddiema part-time? Il-ħlasijiet fuq programmi framed out? Kemm minnu huwa dovut għal nuqqasijiet fit-tmexxija tal-kumpanija? Jista' jiġi analizzat dan it-telf minflok ma jinħadem ras imb ras fuq il-ħaddiema full-time għax b'hekk qed tingħata l-impressjoni li t-telf huwa tort tal-ħaddiema tal-PBS?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-ħlasijiet lill-ħaddiema full time u part time kif ukoll għall-programmi farmed-out huma kif ġej-
Year Pagi Broadcast Fees (Contributors) Farmed Out
Lm Lm Lm
2000 1,574,000 224,000 528,000
2001 1,525,000 239,000 493,000
2002 1,520,000 266,000 490,000
Bħalma għidt f'okkażjonijiet oħra kulħadd għandu tort għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-PBS illum.
Għalhekk mhux possibbli li jiġi ikkwantifikat it-telf imsemmi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se tintlaqa' it-talba tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ilha mit-13 ta' Awissu, 2003 li applikat biex tiġi taħdem Malta ħalli tkun tista' tingħaqad mal-familja tagħha li ġiet tgħix Malta minn Għawdex? Għaliex qed tinżamm dawn il-ġimgħat kollha bla risposta xierqa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-passi diġà ttieħdu biex il-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant tiġi trasferita għal dipartiment f’Malta.
Tas-Sliema — Stabiliment ta' l-ikel li jaħżen iċ-ċilindri
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi struzzjonijiet ħarġu l-uffiċjali ta' l-Awtorita' għas-saħħa u s-sigurta' biex jindirizzaw il-problema mqajma f'mistoqsija parlamentari 1842? Kemm hu maħsub li se jieħdu żmien biex jiġu mplimentai l-miżuri ordnati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’ għamlu spezzjonijiet mingħajr preavviż fuq il-post indikat fejn ħarġu diversi ordnijiet dwar is-saħħa u s-sigurta’ ta’ l-impjegati li ma kienux relatati mal-ħażna ta’ ċilindri tal-gass. Dwar din il-ħażna ntalab l-intervent tal-Korporazzjoni Enemalta, bħala l-entita’ meqjusa l-aktar kompetenti fir-rigward. L-Awtorita’ ġiet infurmata li l-post ġie spezzjonat diversi drabi mill-Korporazzjoni u peress li kien jissodisfa l-ħtiġijiet minimi dwar Gass Safety Standards, it-tekniċi tal-Korporazzjoni ħarġu Safety Inspection Certificate.
L-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ ordnaw li l-post ried ikun kopert bi pjan ta’ emerġenza li jkun għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili skond ir-Regolamenti ta’ l-2002 dwar Ħtiġijiet Minimi għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita’ ser tibda proċeduri legali kontra min iħaddem f’dan il-post għax naqas li jobdi l-ordnijiet, li ma kienux jikkonċernaw dawk dwar il-ħażna ta’ gass, mogħtija mill-uffiċjali għas-Saħħa u s-Sigurta’.
Mellieħa — Studenti li jattendu l-iskola Teresa Maria Nuzzo
Question
Jista' il-Ministru jivverifika jekk fil-fatt hux veru li ttieħdu l-passi meħtieġa dwar il-problema mqanqla f'mistoqsija parlamentari 1831?
Response (GALEA, LOUIS)
Informawni li diġa' ttieħdu l-passi meħtieġa biex tfal bniet mill-Mellieħa lejn l-iskola Tereża Nuzzo ma jirkbux ma' tfal subien. Mill-iskola lejn il-Mellieħa saru l-arranġamenti meħtieġa biex it-tfal imorru separati
X'qed iżomm il-ħruġ tal-permessi biex isir il-parking tal-Katidral tar-Rabat Għawdex li xtara l-art u lesta l-pjanti għal din l-istruttura tant meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għandha l-ebda applikazzjoni għal parkeġġ fil-post imsemmi.
Nota Supplimentari:
Jista' jkun li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni PA1109/03. Oriġinarjament l-iżvilupp propost f' din l-applikazzjoni kien jinkludi l-bini ta' kumpless parrokkjali konness ma' Heritage Park, liema Park kien jinkludi parkeġġ estensiv. Ta' min jinnota, iżda, li l-iżvilupp propost f' din l-istess applikazzjoni ġie emendat sabiex jinkludi biss l-iżvilupp ta' kumpless parrokkjali u t-tkabbir ta' sqaq eżistenti.
X'qed tistenna l-Awtorita' dwar it-Trasport għat-twaħħil tal-pelican lights li applika għalihom il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u li diġa approvat il-MEPA?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol f'Main Street, diġa qiegħed id-ducts għall-cables li huma meħtieġa li jitqiegħdu taħt l-art, u twaħħil ta' l-arbli u l-lanterni ser isir min dan il-kuntrattur max-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa dwar petizzjoni li rċieva minn għadd ta' residenti f'San Pawl il-Baħar li oġġezzjonaw għat-twessiegħ tal-bankina ħdejn l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita dwar it-Trasport ma jirriżultax li ser titwessa l-bankina msemmija.
Liema kumpanniji pubbliċi u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu jirċievu sussidji pubbliċi? F'kull każ kemm kien is-sussidji sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'kien dan is-sussidju ras għal ras tal-persuni li jaħdmu f'dawn l-entitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' id-diviżjoni tinvestiga l-istat tat-trasport skolastiku għat-tfal li jmorru l-iskola primarja tal-Imtarfa peress li għandi lmenti dwar nuqqasijiet serji bħal: dewmien, iffullar fuq mini-van, ġarr ta' tfal fejn il-vjaġġ li jitħallas mill-Gvern jsir fl-sitess ħin ma vjaġġi mħallsa mill-ġenituri, sewqan eċċessiv ... vettura waħda li trid tlaħħaq ma kollox?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mir-rapporti li waslu jidher li l-ġenituri huma sodisfatti bis-servizz li qed jingħata fl-iskola imsemmija.
Kurrikulu għall-iskejjel — Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif wieġbet id-Diviżjoni għall-ittri miktuba lilha minn Merlin Library Ltd fis-6 ta' Ottubru 2003 dwar kif qed jiġu trattati pubblikaturi lokali tal-kotba meta ssir l-għażla għall-kurrikulu għall-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-2002 ħareġ 'Audit Report' li rrakkomanda il-proċedura li d-Diviżjoni għandha taddotta meta jiġu trattati pubblikazzjonijiet lokali.
Informat li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew adottati aktar kmieni din is-sena meta d-Diviżjoni ħasset il-ħtieġa li jinxtara ktieb tal-Computer Studies ippublikat hawn Malta. Informat li l-ebda ktieb ma intgħażel peress li ma laħaqx il-kriterji tal-Bord ta' l-Għażla.
F'hiex waslet l-inkjesta li saret wara li tifla waqgħet minn van skolastiku hija u tittieħed lura d-dar? X'passi ttieħdu s'issa biex kemm jista' jkun ma jkunx hemm ripetizzjoni ta' inċident bħal dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-Rapport tal-Bord ta' Inkjesta dwar l-inċident imsemmi.
Kwestjonarju — Laqgħa tal-Ministri ta' l-Istati membri
Question
X'pożizzjoni ħa l-Ministru fit-tweġibiet li kellu jagħti għall-kwestjonarju li sar lil kull Ministru għal-laqgħa fil-Lussemburgu (f'nofs Ottubru 2003) tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati membri u dawk li se jsiru membri tal-UE?
Response (BORG, JOE)
It-tweġibiet tal-Ministeru tiegħi għaż-żewġ kwestjonarji li ntbagħtu bi tħejjija għall-Laqgħa Ministerjali li saret fil-Lussemburgu fit-13 ta' Ottubru 2003, wieħed dwar il-Kummissjoni Ewropea u l-ieħor dwar il-Ministru Ewropew għall-Affarijiet Barranin, kienu jiġbru l-fehmiet tal-Gvern Malti li bosta drabi ħarġu f'dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru. Il-Gvern Malti qed jgħid hekk:-
Dwar il-Kummissjoni Ewropea:
"Malta believes that the Union would be better served by a model consisting of a single tier of Commissioners (one nominated by each Member State) with equal levels of collegial status and voting rights.
Irrespective of the model chosen, Malta believes that provision should be made to ensure that, over time, nominees of all Member States will hold all Commission responsibilities, including the most important and the least important portfolios.
Also irrespective of the model chosen, Malta believes that all Commissioners (other than the President and the ‘Foreign Affairs Minister’) should be nominated and approved in the same manner."
Dwar il-Ministru Ewropew għall-Affarijiet Barranin:
"As a member of the Commission, the ‘Foreign Minister’ would have full voting rights on all issues within the Commission.
The status of the ‘Foreign Minister’ in the Commission makes him or her subject to the same rules of accountability including the obligation to resign both as a result of a censure motion by the European Parliament, or at the request of the President of the Commission. The European Council is also to have the right to end
h
is or her tenure.
If the ‘Foreign Minister’ is to chair the Foreign Affairs Council, the President of the Commission should designate another Commissioner to represent the Commission in this Council. "
Kemm hemm ħaddiema mit-taqsima tad-drenaġġ li ntbagħtu jaħdmu mal-korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? B'liema kundizzjonijiet intbagħtu? Kif inhi s-sitwazzjoni tagħhom dwar is-sigurta' ta' l-impjieg?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li n-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu mad-Dipartiment tad-Drenaġġ u ġew detailed mall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kien 614 li minnhom hemm 508 f'Malta u 106 f'Għawdex.
Għar-rigward tat-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1903.