Jista' il-Minstru jgħid fi vjaġġ tipiku kemm kienu jiswew il-vapuri ta' qabel tal-Gozo Channel biex jitħaddmu f'dak li għandu x'jaqsam ma' fuel, ma' ekwipaġġ u manutenzjoni meta tqabbilhom ma' kemm jiswew il-vapuri l-ġodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-ispiża tal-Kumpannija Gozo Channel biex topera vjaġġ tipiku bejn l-Imgarr u c-Cirkewwa (one way) hi:-
Vapur Fuel Ekwipaġġ Manutenzjoni
Mgarr/Cittadella LM 22 LM40 (1) LM18.2 (3)
Calypso LM 27 LM40 (1) LM16.3 (3)
Ta' Pinu/Gaudos/Malita LM 55 LM48 (2) LM13.4 (3)
(1) Iċ-ċifra hi bbazata fuq ekwipaġġ ta' 12.
(2) Iċ-ċifra hi bbazata fuq ekwipagg ta' 15.
(3) Iċ-ċifra hi bbazata fuq l-ispiza attwali ta' manutenzjoni li il-Kumpannija Gozo Channel nefqet
fuq il-vapuri msemmija, diviza bil-numri ta' vjaġġi li saru, fuq is-sentejn bejn Ottubru 2000 u
Settembru 2002.
Kumpannija Gozo Channel — Vjaġġ Cargo mill-Imġarr sa Sa Masion
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm jiswa lill-kumpannija Gozo Channel it-tħaddim tal-vjaġġ cargo mill-Imġarr sa Sa Masion u x'differenza jagħmel fis-sena kieku l-istess vjaġġ jitħaddem lejn iċ-Ċirkewwa? X'laqgħat saru mal-Gozo Buisness Chamber li tqis dan is-servizz essenzjali għall-ħajja kummerċjali Għawdxija? X'kienu l-konklużjonijiet ta' dawn it-taħdidiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Cargo Service bejn l-Imgarr u Sa Maison jiswa lill-Kumpannija Gozo Channel madwar LM205,000 fis-sena.
F'kaz li jitwaqqaf is-servizz il-Kumpannija tħoss li ma jkunx hemm il-bżonn li tagħmel servizz speċjali għaċ-Cirkewwa, għaliex it-trakkijiet ikunu jistgħu jitilgħu mal-vjaġġi skedati. M'huwiex previst li t-trakkijiet jinzlu kollha f'daqqa f'hin wieħed, imma jitilgħu matul il-ġurnata.
Saret laqgħa waħda mal-Gozo Business Chamber fit-22 ta' Lulju 2003. Din il-laqgħa kienet bla aġenda, fejn iż-żewġ naħat qasmu l-fehmiet tagħhom fuq is-servizz bejn Malta u Għawdex. Ma kien hemm l-ebda konkluzjoni f'din il-laqgħa.
X'passi qed jittieħdu mill-Gozo Channel biex issir vijabbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-vijabilita finanzjarja tal-Gozo Channel tiddependi fuq 'mix' ta' fatturi - tariffi, sussidju tal-Gvern, operat effiċjenti, uzu ta' rizorsi umani u oħrajn - li flimkien jridu jwaslu kemm biex il-Gozo Channel tkun kummerċjalment vijabbli kif ukoll illi tibqa isservi l-iskop originali li għaliha twaqqfet u issa li tnaqqas kemm jista' jkun l-insularita tal-gzira Għawdxija fil-kuntest ta' sussidju mill-Gvern maħdum b'mod car u li hu ekonomikament vijabbli.
X'kuntratti ħarġet l-Awtorita' tat-Trasport l-ADT mindu bdiet topera? F'liema oqsma? X'kien il-valur f'kull każ u liema kumpanniji rebħu dawn il-kuntratti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' il-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex tipproteġi lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tiġi ddisturbata regolarment minn persuni magħrufa mil-pulizija fil-mansab tiegħu ġewwa l-Bisqra, limiti tal-Mellieħa, fejn ilu jonsob għal dawn l-aħħar 30 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` ħadet konjizzjoni ta` l-ilment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, tant li hemm proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qorti kontra dawk involuti f`din il-litigazzjoni.
Fejn wasal il-proċess ta' l-għażla ta' l-għalliema għall-ICT fl-iskejjel? Kemm minnhom ġew intervistati? Kemm minnhom intagħżlu? Kif intagħżlu? Jirriżulta li kien hemm għalliema li ntervistaw għalliema oħra u spiċċaw intagħżlu dawn li intervistaw lill-għalliema oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Nifhem li l-Onor. Membru qed jirreferi għal għalliema tal-Information Technology (I.T.):
Ġejt informat li:-
1. Il-proċess ta' l-għażla għall-għalliema intemm fid-29 ta' Awissu 2003.
2. Applikaw 23 kandidat li 5 minnhom kienu ineliġibbli. Mit-18 li ġew intervistati, għaddew 16. Dawn intgħażlu permezz ta' Selection Board tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fuqu ma kien hemm ebda għalliem. Il-bord kien kompost minn Education Officer, Subject Co-Ordinator, u rappreżentant ta' l-MPO.
Informat ukoll li it-tagħrif dwar għalliema tal-Computer Studies hu kif ġej:-
1. Il-proċess ta' l-għażla għall-għalliema intemm fl-1 ta' Awissu 2003.
2. Applikaw 8 kandidati li 5 minnhom kienu ineliġibbli. It-3 li ġew intervistati għaddew kollha. Dawn intgħażlu permezz ta' Selection Board tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li fuqu ma kien hemm ebda għalliem. Il-bord kien kompost minn Education Officer, Subject Co-Ordinator u rappreżentant ta' l-MPO.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus fl-iskola FX Attard tal-Marsa biex tiddaħħal sistema tat-tisfija tal-arja biex tilqa' għall-effetti ħżiena tat-tniġġis mill-power station tal-Marsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ix-xogħolijiet li saru fuq is-sistema tat-tisfija ta' l-arja ser jiswew LM 159,540.22
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li riħ li għamel dan l-aħħar tajjar għal ġol-bitħa tal-iskola FX Attard parti mis-sistema tat-tisfija tal-arja u ċnagen minn fuq il-bejt ftit wara li t-tfal daħlu lura mill-break?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li xi ċnagen ittajjru minn fuq il-bejt ta' din l-iskola kif qed isaqsi l-Onor. Membru. Ġejt informat li waqt maltempata ta' riħ qawwi ħafna nhar l-24 ta' Ottubru 2003, parti żgħira mid-ducting tas-sistema ittajret fil-bitħa ta' l-iskola. Ittieħdu passi mill-ewwel mill-kuntrattur inkarigat mill-installazzjoni biex ma jkunx hemm periklu għall-istudenti u l-istaff ta' l-iskola, u immedjatament sar survey mill-enġinierresponsabbli mid-disinn tas-sistema. Fuq il-bejt kien qed isir xogħol ta' waterproofing
Jista' il-Ministru jgħid jekk kull darba li tagħmel ix-xita kienx qed jidħol ilma ġo l-iskola FX Attard għax din is-sistema tat-tsifija tal-arja ma twaħħlitx tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li xita li daħlet minn żewġ toqob fil-ħajt kienet ġejja mill-installazzjoni tal-purifikazzjoni ta' l-arja u lanqas jirriżulta li hemm xi difetti f'din l-installazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li mindu daħlet din is-sistema tat-tisfija tal-arja fl-iskola FX Attard u peress li ma ssaħħitx is-sistema tad-dawl fl-iskola, l-għalliema u l-istudenti spiċċaw li ma setgħux iħaddmu l-kompjuters u l-apparat tat-teknoloġija u spiċċaw bla lezzjonijiet fil-kompjuter, fil-craft u fit- teknoloġija? X'passi se jittieħdu biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom kif inbnew sub-station u switch room ġodda għal din l-iskola li fihom ġie nstallat switchgear ġdid. Dawn iservu wkoll għall-iskola primarja Lorenzo Balbi u l-iskola sekondarja Fra Diego Bonanno.
L-istallazzjonijiet ġodda ġewwa l-iskola huma lesti, u ġew iddisinjati sabiex ilaħħqu kemm mas-sistema l-ġdida tal-purifikazzjoni ta' l-arja u kemm mal-workshops u computer labs ġodda.
Dan ix-xogħol kollu sar għall-iskop li tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku kemm interna u wkoll tal-main supply.
Jonqos isir iċ-change-over mis-sistema l-qadima għas-sistema l-ġdida. Din hija imminenti li ssir mill-Enemalta Corporation. Kif titlesta din, is-saħħa ta' l-elettriku f'dan il-kumples ta' skejjel tiġi f'livell għoli ħafna u tkun tiflaħ għal aktar tkabbir fil-ġejjieni.
Sadanittant kien hemm xi qtugħ ta' l-elettriku f'parti mill-iskola li rriżulta li kien minn difett fil-main il-qadim. Dan ġie rranġat u s-sitwazjoni reġgħet ġiet għan-normal fi żmien qasir.
Skola FX Attard — Problemi - Sistema tat-Tisfija tal-arja
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk kienx hemm nuqqasijiet kbar fit-twaħħil ta' din is-sistema tat-tisfija tal-arja fl-iskola FX Attard u jekk kien hemm, jittieħdu l-passi dwarhom? X'passi se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jirriżultax li hemm nuqqasijiet fl-installazzjoni tas-sistema imsemmija. Din is-sistema hija ibbażata fuq disinji skond il-prattika ta' l-inġinerija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna b'kollox irziezet tal-ħut u tat-tonn fil-baħar tal-gżejjer tagħna? X'tip ta' ħut ikabbru/iżommu fihom f'kull każ? Kemm ilhojm jaħdmu? Minn kemm ilhom jaħdmu kemm issottomettew rapporti dwar l-impatt ambjentali tagħhom u xi kkonkludew dawn ir-rapporti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant li fl-ibħra Maltin jeżistu ħames liċenzji għall-attivita` tat-tkabbir tat-tonn. L-iktar waħda li ilha taħdem bdiet fis-sena 2000. Minn dawn waħda mill-kumpaniji għadha qatt ma ħadmet minkejja li kellha permess għall-dawn l-aħħar sentejn. L-ispeċi tat-tonn li titkabbar hija Thunnus thynnus. Jeżistu kumpaniji oħra li jrabbu speċi oħra ta' ħut iżda dawn m' għandhomx x' jaqsmu mal-kumpaniji tat-trobbija tat-tonn.
Għandna sitt kumpanniji oħra li huma lliċenzjati biex irabbu l-ispnott u l-awrat. Minn dawn is-sitta, tnejn joperaw fuq l-art, iżda fil-preżent m’ humiex jaħdmu. Mill-erbgħa l-oħra li jinsabu fil-baħar, tnejn m’ humiex jipproduċu fil-preżent. Kumpanija minn dawn l-erbgħa li hija operattiva tipproduċi fuq tlett siti differenti. Dawn kollha ġew illiċenzjati fis snin bejn l-1990 u l-1995.
Kull kumpanija għandha pjan ta' studju ambjentali li kien ġie miftiehem mal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u eżegwit minn tekniċi u esperti approvati. Il-frekwenza ta' dawn l-istudji u rapporti tvarja skond liema aspett, ilma jew qiegħ ikun studjat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk humiex qed isiru tħejjijiet biex Malta tieħu sehem deċiżiv fil-programm ġdid New Neighbourhood Instrument propost mill-Kummisjoni Ewropea għall-punent tal-Mediterran li fih qed jiġi propost li jieħdu sehem Malta, l-Italja, Franza, Spanja, l-Portugall, ir-Renju Unit, il-Marokk, l-Alġerija u t-Tunesija? X'tip ta' inizjattivi qed jiġu studjati biex jiġu mressqa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-“New Neighbourhood Instrument” għadu biss proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-fatt il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-ewwel ta’ Lulju ta’ din is-sena jismu “Paving the way for a New Neighbourhood Instrument”. Malta taqbel ma’ din il-proposta u qed tipparteċipa fit-taħdidiet li qed isiru dwar din il-Komunikazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'ħidma qed issir biex Malta tieħu sehem fil-programm Archimed fil-qafas ta' New Nieghbourhood Instrument propost lil Kummisjoni Ewropea għal sehem minn Malta, il-Greċja, l-Italja, Ċipru, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Libanu, is-Sirja, il-palestina u l-Ġordan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-programm “Archimed” huwa programm fil-qafas ta’ l-inizjattiva komunitarja “Interreg III” u mhux fil-qafas tan-“New Neighbourhood Instrument”. Dan ta’ l-aħħar għadu biss proposta tal-Kummissjoni.
Malta se tipparteċipa f’“Archimed” meta l-programm jiġi emendat mill-Awtorità ta’ Ġestjoni ta’ l-“Archimed” u approvat mill-Kummissjoni Ewropea. Għalhekk, l-Awtorità ta’ Ġestjoni qiegħda taħdem ma l-Awtoritajiet Maltin u “partners” oħra biex tikkonkludi l-programm il-ġdid ta’ l-“Archimed” fi żmien qasir.
Peress li fil-jiem li għaddew kien hemm studenti tal-MCAST li ma kellhomx lezzjonijiet f'għadd ta' suġġetti fil-kors li qed isegwu, jista' il-Ministru jgħid istitut b'istitut, suġġett b'suġġett fejn hemm għalliema nieqsa u x'passi qed jittieħdu biex jiġu reklutati dawn l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li il-biċċa l-kbira ta' lezzjonijiet f'għadd ta' suġġetti, kollha intlew u dawk li għadhom qegħdin jintlew huwa dovut għall-fatt li:
1. Uħud minn dawk li ġew imsejħa biex jgħallmu, irrifjutaw l-appointment; kien hemm xi każi fejn irriżenjaw ftit wara li bdew.
2. Kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta' għalliema li l-Kulleġġ kellu bżonn għas-sena akkademika 2003-2004.
3. Din is-sena il-Kulleġġ żied 3 istituti ġodda u għalhekk l-ammonti ta' sejħiet kienu sostanzjali.
4. Kien hemm ukoll dewmien relatat m'approvazzjoni ta' għalliema li ġew 'On Attachment' minn xi dipartiment/dipartimenti tal-Gvern.
L-għalliema nieqsa li għad fadal huwa kif jidher fit-tagħrif li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ — Korsijiet tal-kompjuter
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm matul din is-sena l-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ organizzat korsijiet fil-qasam tal-kompjuter? Jista jgħid kemm minn dawn il-korsijiet saru ma' ċentri privati? Liema korsijiet saru u ma' liema ċentri privati? Kemm ħadu sehem f'dawn il-korsijiet u kif intagħżlu?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jistgħu jittieħdu passi biex l-eżamijiet tas-Sec u l-Matsec isiru f'dati li ma jolqtux ħażin lill-istudenti tal-Higher Secondary tan-Naxxar li jkunu qed jagħmlu suġġetti kemm fil-livell Sec kif ukoll dawk f'livelli intermedji u avvanzati peress li hemm studenti minnhom li fit-8 ta' Mejju fl-istess ħin se jkunu qed jagħmlu l-Malti (Sec) u Pure Maths (Intermedju/avvanzat)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Bord tal-MATSEC qed jieħu passi biex jara li kemm jista' jkun ma jkunx hemm clashes fl-eżamijiet li l-istudenti tal-Higher Seconday tan-Naxxar jkunu ser jirreġistraw għalihom fil-livell tas-SEC, Intermedju u Avvanzat.
Informat ukoll li jekk din is-sena jibqa' xi dati fejn l-eżamijiet ta' dawn l-istudenti jaħbtu fl-istess ħin, isiru arranġamenti speċjali bħalma saru fis-snin ta' qabel.
San Ġiljan — St. George's Park - aċċess għar-residenti
Question
Peress li fil-ġurnali ġie rrapportat li meta dan l-aħħar il-Ministru mar jara x-xogħol li qed isir Paceville, huwa qal li din l-area se ssir pedestrian zone u li minn Triq Dragonara se jitħallew jgħaddu biss dawk il-coaches li jwasslu t-turisti għall-hotels f'din l-area; u peress li ma ssemma xejn dwar ir-residenti ta' St. George's Park u kif dawn ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu minn darhom meta l-uniku dħul u ħruġ li dawn għandhom huwa minn Triq Dragonara, jista' il-Ministru jgħid kif se jiġi żgurat li r-residenti se jkunu jistgħu joħorġu u jidħlu minn dawn l-inħawi bil-karozzi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjazza ta' Paceville u partijiet minn Triq San Ġorġ, parti minn Triq Wilġa, parti minn Triq Dragonara u parti minn Triq Ball ser isiru semi-pedestrianised areas. Dan ifisser li dawn it-toroq fi ġranet u ħinijiet partikulari ser jingħalqu għat-traffiku bl-eċċezzjoni ta' coaches li jwasslu t-turisti fil-kumpless ta' St George's Park u lukandi fl-inħawi. Din l-eċċezzjoni qiegħda ssir għaliex dawn il-coaches m'għandhom l-ebda aċċess ieħor biex jaslu quddiem l-imsemmija kumplessi turistiċi.
Il-parti ta' Triq Dragonara, mill-kantuniera tal-Bamboo Bar sad-dħul ta' St George's Park, ser issir two way b'mod li l-aċċess tal-vetturi għal dawk kollha li għandhom bżonn aċċess għal St George's Park ikollhom id-dħul u l-ħruġ tagħhom garantit erbgħa u għoxrin siegħa kulljum. Fil-ġranet u ħinijiet meta l-pjazza tkun miftuħa, dawn ir-residenti ser ikollhom ukoll l-aċċess bil-vetturi kif inhu bħalissa minn naħa tal-pjazza.
Peress li għaddew iżjed minn erba' xhur mind tlabt biex jittieħdu passi biex jinbidlu soqfa ta' l-asbestos perikolużi għas-saħħa fid-djar tal-gvern f'Pembroke, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidli jekk humiex se jittieħdu l-passi mitluba u meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern hu kommess li dawn it-tip ta’ soqfa jridu jinbidlu sal-2005 u għalhekk matul dawn is-sentejn ser issir ħidma mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex kull fejn hemm dan it-tip ta’ soqfa f’bini tal-Gvern (l-aktar f’Pembroke) dawn jinbidlu u jsiru b’mod li ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa.