Ħal Luqa — Serq mill-Kwartieri Ġenerali ta' l-Armata
Question
B'referenza għall-mistoqsija numru 3068, ma jidhirlux il-Prim Ministru li l-investigazzjoni qed tieħu fit-tul? Jista' jgħid ukoll min qed jinvestiga jekk hux l-Armata jew il-Pulizija? Jekk l-Armata min huma l-uffiċjali li qed jinvestigaw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Armata. Mhux prudenti li jingħataw dettalji.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu l-ministeru għas-sena 2004 għax-xogħol meħtieġ li jrid isir fuq is-swar ta' l-Imdina bejn Palazzo Vilhena u x-Xara Palace Hotel li skond l-aħħar studju ta' l-Universita' ta' Bologna jinsabu fil-periklu li jċedu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura hemm unit apposta li tieħu ħsieb strutturi perikolużi, għalhekk nitlob lil Onor. membru jirreferi l-mistoqsija lil Ministru konċernat.
Djar — Appartament okkupat minn persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3192 u cioe' jista' jgħid jekk hemmx xi appartament fil-blokk ta' appartamenti - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li kien għand persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs? Min hu awtorizzat juża dan l-appartament bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li għandi nagħti dan it-tip ta’ dettalji b’mod pubbliku.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji u stabbilimenti li waqgħu lura fil-ħlas tagħhom lid-dipartiment tat-taxxi? Kemm hemm minnhom li ntrabtu li jħallsu dak li għandhom jagħtu f'arranġament mad-dipartiemnt ta' ħames snin jew iżjed, ta' tliet snin jew iżjed ta' sena jew iżjed?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Meta skond l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika d-deficit strutturali qabeż il-Lm139 miljun sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, jista' il-Ministru jgħid liema sorsi ta' dħul se jagħlqu d-deficit għal Lm108 sa l-aħħar tas-sena 2003 kif bassar il-Ministru fid-diskors tiegħu tal-budget?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgid jekk saritx xi wegħda bil-miktub mis-segretarju permanenti fil-ministeru qabel l-aħħar elezzjoni lill-organizzazzjoni tal-bdiewa li s-sussidju tal-gvern fuq in-nofs bolla tal-bdiewa kellu jitneħħa wara li tiddaħħal skema ta' assikurazzjoni mfassla mill-APS Bank?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-iskema tan-nofs bolla mhux kompatibbli mar-regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja, u din trid titneħħa mhux aktar tard mid-data ta’ sħubija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk organizzazzjonijiet tal-bdiewa ġewx imwiegħda qabel l-elezzjoni mis-segretarju permanenti fil-ministeru li s-sistema tan-nofs bolla mħallsa mill-bdiewa kellha titneħħa wara Jannar 2004 u mhux f'Jannar 2004 kif tħabbar fil-budget għas-sena 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 3371.
Universita' — Studenti ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Ministru jgħid xi tħejjijiet qed tagħmel l-Universita' biex fil-futur tkun tista' tospita studenti mill-bqija tad-dinja li se jkunu kisbu d-dritt u l-mezzi biex isegwu kors universitarju post-graduate fil-programm Erasmus Mundus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' ilha issegwi l-programm Erasmus Mundus fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. Kienet infatti waħda mill-istituzzjonijiet li proponiet dan il-programm. Għal dan il-għan saru żewġ laqgħat ġewwa Brussel fit-13 ta' Novembru u oħra ser issir fil-11 u 12 ta' Diċembru 2003 biex jiġi stabbilit programm ta' azzzjonijiet li jridu jittieħdu mill-pajjiżi membri. L-Universita' ser tipparteċipa peress li hija msieħba fil-grupp Compostela, Utrecht u Santander u tista' tipprovdi 'joint master programme' taħt id-direzzjoni tal-Proċess ta' Bolonja.
Jista' il-Ministru jgħid x'kollaborazzjoni ddiskuta l-ministeru fil-qasam edukattiv mad-delegazzjoni Kanadiża li kellna fostna dan l-aħħar immexxija mill-Onor. Paul Dubois?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'laqgħa nhar it-Tlieta 2 ta' Diċembru 2003 gewwa Kastilja is-Segretarju Permanenti u d-Direttur għall-Affarijiet Ewropej fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ressqu dawn is-suġġerimenti għall-attenzjoni tad-Delegazzjoni Kanadiża:
Għajnuna fl-assessjar formattiv u fil-pedagoġija ta' l-edukazzjoni bikrija.
L-integrazzjoni ta' tfal ta' ħaddiema emigranti.
Taħriġ ta' għalliema fil-qasam ta' l-ICT (żvilupp ta' webpages u software interattiv).
Żvilupp tat-tagħlim mill-bogħod (distance learning) liema korsijiet jistgħu ikunu 'housed' fl-MCAST.
Għajnuna fil-qasam ta' l-edukazzjoni vokazzjonali u r-riċerka. L-ETC, l-MCAST, l-MCST u l-Universita' jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.
Għajnuna fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki edukattivi.
Sħubija għal studenti universitarji u żgħażagħ partikolarment fi żjajjar ta' skambji fi ħdan il-programm Erasmus ta' l-UE.
Kuntatt fil-qasam tar-riċerka fil-programm FP6 ta' l-UE.
Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Produzzjoni televisiva/taċ-ċinema
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'ħidma qed jippjana li jagħmel il-ministeru biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni qawwija bejn Malta u l-Kanada fil-qasam awdjo-visiv u l-produzzjoni televisiva u taċ-ċinema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid fuqhiex intnefqet il-Lm550,000 ta' somma kapitali vvutata għas-sena 2003 għal titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta' restawr?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal għad-deċiżjoni li n-nefqa kapitali fuq titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħlijiet ta' restawr tinżel b'40% mill-budget 2003 għall-budget 2004?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li huwa inkorrett li wieħed jgħid li n-nefqa kapitali fuq titjib fil-mużewijiet, siti storiċi u xogħolijiet ta' restawr niżel b'40 % mill-budget 2003 għall-budget 2004.
Jekk wieħed iħares lejn l-estimi issib li hemm ivvutati :
taħt Heritage Malta Lm 430,000
EU Structural Funds Lm 112,000
Kontribuzzjoni tal-Gvern għax-xoghol li jrid isir f'Ħaġar Qim u l-Imnajdra Lm 37,000
l-proġett fuq l-iżvillupp tal-Forti Sant'Iermu Lm 65,000
ki ukoll Lm70,000 taħt is-Sovrinetendenza tal-Patrimonju Malti liema flus kienu s-sena l-oħra jidhur taħt il-vot ta' Heritage Malta.
Għalhekk is-somma totali hija ta' Lm714,000 li hija 30% iżjed mill-budget tas-sena 2003.
Ajruplani/vapuri tal-gwerra — Użu mill-faċilitajiet tal-portijiet Maltin
Question
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi fejn gvernijiet ta' pajjiżi oħra talbu li l-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-portijiet ta' l-ajruport tagħna u ġew irrifjutati? Jekk iva, liema gvernijiet kienu dawn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talbiet biex ajruplani militari u vapuri navali jidħlu f'Malta jsiru lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2989 u 3154 u cioe' kemm hemm nies jistennew biex issirilhom operazzjoni fl-isptar San Luqa, qasam b'qasam u kemm hu l-iżjed li ilhom jistennew f'kull każ?
Jista' jagħtini dak it-tagħrif miġbur diġa' għax jinsab kompjuterizzat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ma hemmx waiting list għal każijiet urġenti.
Dipartiment
Numru ta' Konsulenti
Numru ta' Pazjenti
Waiting Period
Oftalmija
4
2000
Sentejn
Ginekoloġija
8
128 (Maġġuri)
107 (Minuri)
Frar 2004
Jannar 2004
Ortopedija
6
4607
7 snin*
Uroloġija
2
-------
6 ġimgħat
Nuroloġija
2
22
6 xhur
Plastic Surgery
2
80
Sena
ENT
4
80
Marzu 2004
General Surgery
9
776
Marzu 2004
Kardjoloġija
5
130
Sena
* Ir-Raġuni għal dan id-dewmin huma varji. Jista jkun għaliex xi pazjenti partikulari ma jkunux konformi ma l-istruzzjonijiet mediċi li jkunu ngħataw.
Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2989 u 3154 u cioe' kemm hemm nies jistennew biex issirilhom operazzjoni fl-isptar San Luqa, qasam b'qasam u kemm hu l-iżjed li ilhom jistennew f'kull każ?
Jista' jgħid liema mit-tagħrif huwa kompjuterizzat u liema le?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Numru 3286.
Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2989 u 3154 u cioe' kemm hemm nies jistennew biex issirilhom operazzjoni fl-isptar San Luqa, qasam b'qasam u kemm hu l-iżjed li ilhom jistennew f'kull każ?
Jista' jgħid xi programm ta' ħidma hemm u b'liema skadenzi ta' żmien biex it-tagħrif kollu jiġi kompjuterizzat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari Numru 3286.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3191 u cioe' jistgħu jittieħdu passi biex l-istudenta - li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tingħata l-għajnuna meħtieġa għax qed tħarbat l-edukazzjoni tagħha u anke ta' sħabha bl-imġieba tagħha?
Jista' il-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-għajnuna mogħtija u jekk din l-għajnuna għadhiex tingħata u kemm se ddum tingħata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifla msemmija li tbati minn EBD (Emotional Behaviour Disturbance)qed tingħata kull għajnuna possibli mill-istrutturi provduti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Mhux hekk biss imma l-problema qed tigi ttrattata fil-klassi waqt il-lezzjonijiet tal-PSD sabiex l-istudenti jkunu aktar konxji minnha u b'hekk il-kundizzjoni ma tkompliex tinfirex. Il-fejqan huwa proċess ta' bil-mod.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3182 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-MInistru jgħid jekk Malta ffirmatx xi konvenzjoni jew xi forma ta' ftehim internazzjonali li jobbligaha ma titfax l-iskart fil-baħar fi proġetti ta' reklamazzjoni u mmaniġġjar aħjar ta' l-iskart fl-istess ħin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din hija kwistjoni li tikkonċerna lil MEPA u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fiex se jintnefqu t-Lm80,000 għal Euro security and defence policy ivvotati f'line item 5007 ta' l-Estimi finanzjarji 2004?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-“line item” 5007 fil-parti l-kbira jkopri spejjeż b’konnessjoni ma’ xiri ta’ apparat, ilbies protettiv, eċċ għas-suldati tal-Forzi Armati li jistgħu jissejħu biex jipparteċipaw f’missjonijiet umanitarji u ta’ salvataġġ taħt il-kappa tar-“Rapid Reaction Force”. Parti ta’ dan il-“line item” se tintuża għall-taħriġ fl-Italja għall-istess suldati.