B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3313 li oriġinarjament saret lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu l-ministeru għas-sena 2004 għax-xogħol meħtieġ li jrid isir fuq is-swar ta' l-Imdina bejn Palazzo Vilhena u x-Xara Palace Hotel li skond l-aħħar studju ta' l-Universita' ta' Bologna jinsabu fil-periklu li jċedu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu maħsub li matul l-2004 titħejja sejħa għall-offerti biex lejn l-aħħar tas-sena ikun jista' jinbeda x-xogħol ta' konsolidament meħtieġ fiż-żona ta' bejn il-Palazz ta' Vilhena u x-Xara Palace Hotel.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3370 u cioe' Meta skond l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika d-deficit strutturali qabel il-Lm139 miljun sa l-aħħar ta' Ottubru 2003, jista' jgħid liema sorsi ta' dħul se jagħlqu d-deficit għal Lm108 sa l-aħħar tas-sena 2003 kif bassar il-Ministru fid-diskors tiegħu tal-budget?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onorevoli membru jqabbel l-estimi pubblikati mad-diskors tal-Budget ma' l-istatistka li qed jirreferi għaliha faċilment jara s-sorsi ta' dħul mistennija fl-aħħar xahrejn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3371 u cioe' jekk saritx xi wegħda bil-miktub mis-segretarju permanenti fil-ministeru qabel l-aħħar elezzjoni lill-organizzazzjoni tal-bdiewa li s-sussidju tal-gvern fuq in-nofs bolla tal-bdiewa kellu jitneħħa wara li tiddaħħal skema ta' assikurazzjoni mfassla mill-APS Bank?
Jista' il-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija li tirreferi għall-iskema ta' assikurazzjoni u jgħid fejn wasal ix-xogħol relatat mad-dħul tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Membru huwa mistieden jinnota id-diskors tiegħi waqt l-Estimi tal-Ministeru fuq dan is-suġġett.
Persuni ta' l-istess sesss/persuni tas-sess oppost
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiżguraw li persuni ta' l-istess sess jew ta' sess oppost li jikko-abitaw għandhom l-istess drittijiet tal-familji skond id-direttiva 2000/78/EC u l-Artiklu 141 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea? X'passi oħra mistennija jittieħdu biex jitħarsu l-obbligi msemmija f'dawn id-dokumenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 141 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea ma jittrattaw drittijiet tal-familja. Il-provedimenti tad-Direttiva u l-Artikolu msemmija huma riflessi fil-liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u l-liġi dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa.
Ajruplani/vapuri tal-gwerra — Użu mill-faċilitajiet ta' portijiet Maltin
Question
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi fejn gvernijiet ta' pajjiżi oħra talbu li l-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-portijiet ta' l-ajruport tagħna u ġew irrifjutati? Jekk iva, liema gvernijiet kienu dawn?
Response (BORG, JOE)
Matul din is-sena, ma kienx hemm każijiet fejn talbiet minn Gvernijiet ta' pajjiżi oħra, biex ajruplani u vapuri tal-gwerra tagħhom jagħmlu użu mill-ajruport u mill-faċilitajiet tal-portijiet tagħna, ġew rifjutati.
Sptar San Luqa — Persuni fuq il-waiting list biex issirilhom operazzjoni
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3288, jista' il-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija peress li ma ġietx imwieġba lanqas fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3286?
Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Produzzjoni televiżiva taċ-ċinema
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3309 u cioe' x'ħidma qed jippjana li jagħmel il-ministeru biex ikun hemm iżjed kollaborazzjoni qawwija bejn Malta u l-Kanada fil-qasam awdjo-visiv u l-produzzjoni televisiva u taċ-ċinema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-aħħar kien hawn delegazzjoni mill-Gvern Kanadiż, fejn ġie diskuss is-suġġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru, u sar qbil li dawn id-diskussjonijiet ikomplu fil-futur biex jiġi stabbilit qafas ta' koperazzjoni.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3304 li oriġinarjament saret lill-Ministru tar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk Malta ffirmatx xi konvenzjoni jew xi forma ta' ftehim internazzjonali li jobbligaha ma titfax l-iskart fil-baħar fi proġetti ta' reklamazzjoni u mmaniġġjar aħjar ta' l-iskart fl-istess ħin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Malta ffirmat, irratifikat u hija membru tal-konvenzjoni ta' Barcelona fir-rigward ta' rimi ta' skart fil-baħar, li l-istess konvenzjoni tgħid li Malta tista’ titfa' skart inert fil-baħar.
Pajjiżi tal-Commonwealth — Laqgħa għolja tal-kapijiet f'Malta
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hi stmata li se tiġi tiswa f'fondi pubbliċi lill-pajjiżna l-laqgħa għolja tal-kapijiet tal-pajjiżi tal-Commonwealth (CHOGM) li se ssir f'Malta fis-senae 2005?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb li l-Onorevoli Membru jaqbel li meta tiltaqa’ organizzazzjoni bħal dik tal-“Commonwealth”, il-pajjiż għandu ħafna x’jiggwadanja. Naturalment għadu kmieni wisq biex tingħata risposta għad-domanda.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi mistennija jittieħdu għall-ħarsien tat-tempji tal-Ġgantija li jinsabu f'perikli serji li jiddeterjoraw iżjed u iżjed?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tempji megalitiċi kollha ta’ Malta u Għawdex ibagħtu minn problemi ta’ detterjorazzjoni tal-ġebla, kif ukoll minn possibilita’ ta’ ‘Structural failure’ minħabba l-mod ta’ kif kienu inbnew oriġinarjament. Soluzzjonijiet moderni għalhekk mhux dejjem huma aċċettabli jew faċli, speċjalment fil-kuntest ta’ konvenzjonijiet u regoli internazzjonali tar-restawr.
Bħalissa qed isir studju biex tinġabar informazzjoni dwar id-deterjorazzjoni tat-tempji tal-Ġgantija. Primarjament dawn l-istudji jikkonsistu f’ eżerċizju ta’ fotogrammetrija kif ukoll ġbir ta’ informazzjoni permezz ta’ weather station. Din l-informazzjoni ser tkun utli biex tingħata direzzjoni lil dawk l-interventi neċċessarji li għandhom bżonn isiru fit-tempji.
Jista' il-Ministru jgħid minn fejn tista' tinkiseb kopja ta' l-ewwel rapport dwar l-istat tal-wirt storiku mħejji mis-Sovrintendenza peress li f'dawn il-jiem ma kienx fuq il-website kif intqal fl-ewwel forum nazzjonali dwar il-wirt storiku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi kif kien imħabbar waqt l-ewwel Forum dwar il-wirt storiku, l-ewwel rapport dwar l-istat tal-wirt storiku jinsab fuq il-website tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan kien ikkonfermat kemm mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kif ukoll mill-website innifisha. Mit-28 ta' Novembru sal-lum, ir-rapport kien posted u accessibli fuq il-website kuljum.
L-indirizz tal-email tas-Sovrintendenza huwa
culturalheritage@gov.mt
ir-rapport jinsab
http://www.culturalheritage.gov.mt/filebank/documents/heritage.pdf
Kopji elettroniċi tar-rapport jistgħu jinxtra mill-uffiċju tas-Sovrintendenza, f'138, Melita Street, Valletta
Fin-negozjati ma' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid jekk issemiex jew ġie diskuss xi darba n-nuqqas ta' liġi dwar id-divorzju jew il-ko-abitazzjoni? Il-gvern qatt irċieva korrispondenza fuq dawn l-oqsma? Jekk iva, jista' ipoġġi kopja ta' din il-korrispondenza fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għal dak li jirrigwarda lill-Ministeru għall-Politika Soċjali t-Tweġiba għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Dwar il-korrispondenza, dan il-Ministeru jirċievi volum qawwi ta’ korrispondenza sija minn sorsi lokali kif ukoll internazzjonali, liema korrispondenza tittratta d-dekasteru kollu. M’huwiex fiżikament possibbli li ssir ir-riċerka biex tingħata Tweġiba għal din il-parti tal-Mistoqsija
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar il-qagħda ta' dawk li jgħidu li diffiċli għall-pajjiżna jirrispetta l-Artiklu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam u d-direttiva 2000/78/EC mingħajr liġijiet tad-divorzju u ko-abitazzjoni hawn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 13 tat-Trattat ta’ Amsterdam ma jirrigwardaw ko-abitazzjoni jew divorzju.
Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li riċentement fl-Armata saru l-eżamijiet tat-trade ta' Intelligence Operators Grade II? Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex dawn l-eżamijiet ġew mgħaġġlin daqshekk filwaqt li eżamijiet oħra fit-trade ta' storeman baqgħu ma sarux minkejja l-parir ta' l-Ombudsman?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li sar l-eżami msemmi. Ninsab infurmat li ma kien hemm għad ħadd bit- “trade” ta’ “Intelligence Operator Grade II” qabel ma sar dan l-eżami.
Jista' il-Ministru jgħid kif ġie kkalkolat li l-gvern se jdaħħal Lm3,120,000 mill-ħlasijiet għal depożitu ta' radam kif hemm f'line item 0334 tal-ministeru fil-budget għas-sena 2004?
Response (ZAMMIT, NINU)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant li l-line item li semma jindika li d-dħul ta' Lm3,120,000 mhux ser jiġi biss mill-ħlasijiet għar-rimi ta' skart domestiku, industrijali u dak iġġenerat mill-industrija tal-bini, iżda wkoll mill-Eco Contribution li tħabbret fid-diskors tal-Budget, liema kontribuzzjoni tista' tkun ukoll forma ta' depożitu fuq il-containers.
Id-dettalji dwar l-Eco Contribution jitħabbru fiż-żmien opportun.
Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti u ta' liema istituzzjonijiet se tkopri s-somma ta' Lm7 miljun ivvotati bħala students' maintenance grant f'vot 5364 fil-budget 2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Għotjiet ta' Manteniment lill-istudenti jingħataw kif provdut fl-Avviż Legali 165 ta' l-1999 lil studenti li jattendu fl-Universita' u f'istituzzjonijiet Post-Sekondarji skedati.
F'Novembru li għadda kien hemm 5191 student universitarju intitolati għall-istipendju u 6442 oħra fil-livell Post-Sekondarju.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-inizjattivi differenti li beħsiebu jieħu l-gvern biex jiċċelebra d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u kemm huma mistennija li jqumu ċ-ċelebrazzjonijiet kollha? Mil-liema line items tal-budget mistennija jiġu ffinanzjati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. membru li l-programm taċ-ċelebrazzjonijiet li għandhom jibdew fil-lejl tat-30 ta' April 2004 u jiġu fi tmiemhom fid-9 ta' Mejju 2004 (Europe Day) għadu qiegħed jiġi ifformulat u d-dettalji dwar dan jingħataw fil-mument opportun.
Huwa ntenzjonat illi peress illi l-attivitajiet ser ikunu ta' natura kulturali, dawn ser jiġu ffinanzjati mill-line item 5420.
B'referenza għal dak li jingħad fit-tweġiba 3238 jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-Single Programming Document ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-“Single Programming Document” ta’ Malta hu fil-proċess ta’ approvazzjoni finali minn naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
L-aħħar “draft”, kif emendat fil-5 ta’ Diċembru 2003, jinsab fuq il-“website” www.ppcd.gov.mt.
Forzi Armati ta' Malta — Ġbid mis-sensila televiżiva Undercover
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3069, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħin l-ajruplani, l-helicopters u l-patrol boats kellhom jiddedikaw separatament għall-ġbid ta' siltiet mis-sensila Undercover? Għaliex ma ntalabx ħlas għall-użu tar-Rescue Boat? Jaħsibx il-Prim Ministru li waqt xogħol ta' sorveljanza bil-patrol boats u ajruplani/helicopters m'għandhomx jitħallew film crews jiġbdu siltiet għal programmi kummerċjali? Jidhirlux ukoll li ntweriet nuqqas ta' serjeta' meta ġie awtorizzat biex il-filming isir waqt xogħol ta' sorveljanza?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-“helicopters”, l-ajruplani u l-“Patrol Boats” intużaw biex inġibdu siltiet mis-sensiela “Undercover” kif spjegat hawn taħt:-
“Alouette Helicopter”: 6 titjiriet ta’ inqas minn siegħa l-waħda
“Islander Aircraft”: Titjira ta’ madwar nofs siegħa
“Patrol Boat P51”: Ħames siegħat
“Search and Rescue Boat Melita I”: Sagħtejn u nofs
Dwar il-ħlas għall-użu ta’ “Melita I” il-Forzi Armati ta’ Malta ser tibgħat il-kont lill-kumpanija konċernata.
B’referenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija, il-“filming” ma’ sarx waqt xogħol ta’ sorveljanza imma waqt xogħol ta’ rutina.