Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex il-policy tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni li jintbagħtu principals fi skala 9 sabiex jagħmlu xogħol klerikali fi skejjel ta' l-Istat, meta uffiċjali esekuttivi li kienu jagħmlu l-istess natura ta' xogħol qed jiġu trasferiti għal head office ta' l-istess diviżjoni fil-Floriana?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li normalment, m'ijiex il-policy tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jintbagħtu Principals biex jagħmlu xogħol klerikali fi skejjel ta' l-Istat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lill-uffiċċju tiegħu milli jawtorizza f'dipartimenti differenti tal-gvern it-trasferimenti tal-ħaddiema tal-MDC, METCO u IPSE li ma ntgħażlux mal-Malta Enterprise u qed jitħallew f'kamra ma' jagħmlu xejn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi.
Jista' il-Ministru jgħid xi studji saru s'issa dwar l-effetti ta' l-irziezet tal-ħut u tat-tonn fuq il-ħut li jgħix fl-inħawi fejn hemm dawn l-irziezet? X'kienu l-konklużjonijiet ta' dawn l-istudji? Jista' jpoġġi kopja ta' l-istudji fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-istudji li kienu meħtieġa bħala parti mill- 'Environment Impact Assessment' ta' l-irziezet tal-ħut u tat-tonn kienu ħarsu lejn il-kwalita’ tal-ħut li jinsabu fil-post fejn tqiegħdu l-irziezet. L-'Environment Impact Assessment' ma kienx ra il-bżonn ta’ studji speċifiċi fuq il-ħut, imma il-monitoring illi sar s' issa juri illi il-qiegħ tal-baħar li kien affetwat kien dak ta’ taħt il-gaġeġ biss. Għalhekk, il-‘monitoring’ juri li taħt il-gaġeġ, żdiedu dawk l-ispeċi ta’ ħut li huma magħrufin bħala 'scavengers'. Dawn huma ħut li jnaddfu l-qiegħ. Ma jidhirx li hemm tibdil fil-kwalita’ tal-ħut iżjed il-bogħod mill-‘farm’.
Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq osservazzjonijiet li kienu inklużi fir-rapporti msemmijin fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Id-dati msemmija huma ta’ meta ttieħdu s-‘surveys’ bħala parti mill-programm tal-‘monitoring’.
Matul is-sena 2003, jista' il-Ministru jgħid kemm impjegaw nies magħhom l-irziezet tal-ħut u tat-tonn li għandna f'pajjiżna? Kemm esportaw ħut u x'kien il-valur ta' din l-esportazzjoni? Kemm hu meqjus li jibqa' minn dawn il-flus f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-attivita’ tat-Tuna Farming timpjiega 113 il-ruħ direttament u ħafna iktar indirettament. Mahiniex f' pożizzjoni li nitkellem fuq l-esportazzjoni tas-sena 2003 għaliex għad baqa' t-tonn fil-gaġeġ. Fis-sena 2002 ġie esportat 1,855 tunnellata tonn li kien ikkalkulat li kellu valur ta' Lm9,000,000.
Fuq it-tielet parti tal-mistoqsija inti mitlub tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Ekonomiċi.
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-ħaddiema tal-IPSE, tal-METCO u tal-MDC li ma ntgħażlux mill-Malta Enterprise? Meta se jintbagħtu fl-impjieg il-ġdid tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema li ma ntgħażlux mill-Malta Enterprise ser jinstabilhom xogħol alternattiv mill-kumpanija Industrial Projects Services Limited. Dan il-proċess diġa beda u sakemm jinstabu l-impjiegi alternattivi l-Malta Enterprise nidiet taħriġ għal dawn il-ħaddiema.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern s'issa biex l-aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri u li se tibda taħdem sena oħra tiġi stabbilita f'Malta peress li pajjiżi oħra, fosthom il-Polonja, diġa' bdew il-pressjoni tagħhom mal-Presidenza Irlandiża biex jieħdu huma din l-aġenzija?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet il-postal delivery sorting system li xtrat il-Maltapost? Jista' jgħid mnejn inxtrat? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti? Min tefa' l-offerta? Kif intgħażlet u min għażilha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.
Jista' il-Minstru jgħid x'passi ħadet fis-sena 2003 u din is-sena l-awtorita' Maltija tal-Komunikazzjoni skond l-obbligi tagħha li tħares l-interessi taċ-ċittadini mis-servizz, fil-fehma tiegħi, tal-posta li qed tagħti l-Maltapost?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni f'Ġunju tas-sena l-oħra saret l-Awtorita' responsabbli tal-Posta, bil-promulgazzjoni ta' l-Att Dwar is-Servizzi Postali f'Ġunju 2003. Malli ħadet din ir-responsabilita' l-Awtorita' bdiet taħdem bi sħiħ biex taqdi l-funzjoni tagħħa skond il-liġi.
Aktar tard fl-istess xahar ta' Ġunju l-Awtorita' ħarġet dokument konsultattiv bl-għan ewlieni li tifhem aħjar is-settur, tibda konsultazzjoni mal-partijiet interessati u tħejji biex tfassal u timplimenta struttura biex tirregola dan is-settur.
Din is-sena l-Awtorita' ser tagħmel eżerċizzju biex tiddetermina f'aktar dettal l-obbligu universali (universal service obligations) tal-Maltapost u biex tara li standards f'dan is-settur ikunu implimentati.
Skejjel — Studenti li qed jingħataw il-privat mill-istess għalliema
Question
Huwa aċċettabbli u etikament korrett li tfal li jattendu fi skola parimarja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed jingħataw il-privat mill-istess għalliema tagħhom? Jistgħu jittieħdu passi biex dan ma jibqax isir?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-istudenti tal-junior college ma jistgħux joqogħdu għall-eżamijiet tal-Bord AEB waqt li studenti sħabhom li jattendu sixth forms non-statali jistgħu, meta dan qed jitqies forma ta' diskriminazzjoni kontra l-istudenti tal-junior college?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Junior College jipprepara l-istudenti għall-MATSEC certificate biex ikunu jistgħu jidħlu l-Universita'. Is-sillabi li jiġu segwiti, dawk tal-MATSEC, huma differenti minn sillabi ta' bordijiet ta' eżamijiet oħra barranin.
Filwaqt li l-Amministrazzjoni tal-Junior College ma żżomm lil ħadd milli jagħmel ukoll eżamijiet li jrid hu ta' dawn il-bordijiet barranin, ma tistax fl-istess ħin tippreżenta għal dawn l-eżamijiet dawk l-istudenti li ma jkunux ġew ippreparati għalihom mill-Kulleġġ.
L-istudenti ikunu infurmati b'dan kollu f'laqgħa li ssir fis-Sajf, qabel ma japplikaw biex jidħlu il-Junior College.
Peress li issa għadda ħafna żmien mindu qalli fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li wasal fi tmiemu l-proċess għall-għażla ta' Direttur ta' l-Eżamijiet, jista' jgħidli x'qed iżomm dan il-proċess milli jiġi mitmum?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjaċini il-proċess ta' l-għażla ta' Diretturi ma jiddependi xejn mill-Ministeru.
Benefiċċji — Koppji li jikko-abitaw - Koppji miżżewġa
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fl-aħħar ħames snin mill-Gvern biex koppji li jikko-abitaw jkollhom l-istess drittijiet u benefiċċji ta' koppji miżżewġa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, koppja li tkun qed tikko-abita għandha l-istess drittijiet bħal koppja miżżewġa fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-Għajnuna Soċjali u Għajnuna Medika mħallsa taħt l-imsemmi Att.
Mill-bidu tas-sena 'il hawn, jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw impjieg full-time ħaddiema ta' l-Air Malta li kienu part-time? Kif intgħażlu dawn il-ħaddiema? Kemm hemm ħaddiema ma' l-Air Malta issa? X'inhi l-fehma tal-Ministru dwar dan meta ftit ilu qal li hemm ħaddiema żejda ma' l-Air Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena infurmat li kien hemm 124 part-time loaders/cleaners li kienu konfermati bħala impjegati permanenti ma' l-Air Malta.
Dawn il-ħaddiema intagħżlu bil-proċess regulari tal-ETC. Dan jikkonfermah il-fatt li l-ETC tat permess lill-Air Malta biex taqleb lill dawn il-ħaddiema mill-kuntratt ta' xogħol definit għal wieħed indefinit mis-16 ta' Jannar 2004.
Ta' min jgħid ukoll illi l-Air Malta kellha parir legali illi 98 ħaddiema, li kien ilhom mal-kumpannija għal perjodu kumplessiv ta' 4 snin, kellhom bilfors jiġu mpjegati fuq kuntratt indifinit invista tar-regolament ġdid introdott b'L.N. 429/2002. Il-bilanċ ta' 26 kollha kienu ilhom numru ta' snin fuq bazi part-time b'kuntratti li kienu jiskadu f'November 2003 u Jannar 2004 skond deċizjoni li kienet ittieħded mill-Ombudsman. Dawn kien ikollhom jerġgħu jiddaħħlu meta jerġa jkun hemm bżonn għall-aktar ħaddiema f'April 2004.
Barra minn hekk, fil-perjodu ta' tlett snin il-ħaddiema permanenti, loader/cleaners, minn 146 f'Marzu 2000 saru 96 f'Novembru 2003, nuqqas ta' 50 impjegat li spiċċaw minħabba eta' u kien hemm ukoll min ġie 'Boarded Out', fuq bazi mediku.
Peress li nħoloq grad ġdid ta' Airport Handlers u bi duties differenti minn Loaders oħra, il-Kumpanija tkun tista' tgawdi minn flessibilita fuq il-post tax-xogħol.
Illum il-ħaddiema permanenti mal-Kumpanija jammontaw għall-1835.
B'riferenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi sejħiet għal offerti għal min se jorganizza dawn l-attivitajiet? Meta saru, min applika u min intgħażel?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellent li ħarġet sejħa għall-offerti intitolata EU Access Celebrations – tender for the design, organisation and management of a quality national event on the eve of May 1, 2004.
Is-sejħa għalqet illum l-20 ta’ Jannar u għalhekk la nista ngħid min applika u lanqas min intgħażel.
Infurmat biss li kien hemm 16-il persuna u / jew kumpanija li ġibdu kopja ta’ din l-offerta.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti ħadu fl-aħħar tliet snin l-awtoritajiet finanzjarji Maltin biex iħarsu l-interessi ta' ċittadini Maltin li jkunu nvestew flushom f'bonds privati lokali biex jiżguraw li dawn il-kumpanniji qed jitmexxew tajjeb, jinsabu f'qagħda finanzjarja tajba u jkunu jistgħu jżommu kelmthom mal-bondholders?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onorevoli Interpellant jaf bid-diversi riformi imwettqa dawn l-aħħar ftit snin minn dan il-Parlament bi qbil unanimu fil-liġijiet li jirregolaw is-settur tas-servizzi finanzjarji.
Fost dawn ir-riformi kien hemm it-trasferiment tal-poteri regolatorji tal-Borża ta' Malta lill-MFSA, tibdil fl-istatut tal-Borża, twaqqif statutorju tal-uffiċċju ta' Consumer Claims Manager fi ħdan l-MFSA. Dawn huma biss tlett aspetti minn fost ħafna riformi li saru permezz ta' Att numru XVII tal-2002.
Permezz ta' dawn l-emendi, kien twaqqaf ukoll Listing Committee li jirraporta lil Bord tal-MFSA. Dan għandu ċerti responsabbiltajiet għal securities li jkunu listed jew li ser ikunu listed.
F'dawn l-aħħar xhur, għaddew ukoll diversi regolamenti li dew debitament ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern u jinsabu fis-seħħ. Dawn jinkludu it-twaqqif ta' Bank Depositor Compensation Scheme u Investor Compensation Scheme li jipprovdu ċertu serħan għad-depożitanti u għall-investituri. Dawn daħlu fis-seħħ permezz ta Avviż Legali numru 6 ta 2003 u Avviż Legali numru 7 ta 2003 u ġew emendati permezz ta' Avviż Legali numru 368 ta' 2003 u Avviż Legali numru 369 ta 2003.
Hemm ukoll diversi obbligi li joħorġu minn dawk li jissejħu "listing rules" u li jkunu monitorjati mill-Borża ta' Malta. Obbligi oħra joħorġu mill-Att tal-1995 dwar il-kumpanniji li ġie emendat dan l-aħħar sabiex iċċarajna id-doveri u l-obbligazzjonijiet tad-diretturi ta' kumpanniji Maltin.
Dawn huma parti mill-qafas legali u regolatorju li jiggvernaw is-suġġetti msemmi fid-domanda. Ninsab mgħarraf ukoll li fil-prattika kemm l-MFSAu kemm il-Borza jorganizzaw diversi seminars u korsijiet għal informazzjoni u edukazzjoni tal-pubbliku, ħarġu pubblikazzjonijiet apposta u jidhru frekwentement fuq il-"media" kollha , inklużi radju u televiżjoni, jiddiskutu ħwejjeġ relevanti għall-pubbliku in ġenerali u għal investituri.
Jistgħu jittieħdu passi biex it-tifla bi bżonnijiet speċjali li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tintbagħat magħha persuni li tagħtiha l-għajnuna li għandha bżonn għax ilha mit-8 ta' Jannar, 2004 ma tattendi l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-facilitator kienet bis-sick leave. Il-Kap ta' l-iskola, la seta' jipprovdi xi facilitator mill-iskola stess u lanqas seta' jsib facilitator 'On Call'.
Il-facilitator tat-tifla reġgħet daħlet għax-xogħol fil-15 ta' Jannar 2004.
Ħaddiema tal-Malta Shipyards — Xogħlijiet fuq vapuri
Question
X'vapuri jew xogħlijiet oħra ħadmu fuqhom il-ħaddiema tal-Malta Shipyards Co. tul ix-xahar ta' Diċembru 2003?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Malta Shipyards Ltd., matul ix-xahar ta' Diċembru 2003 għamlet dawn ix-xogħolijiet:
Tiswija fuq 12-il vapur li kienu fit-Tarzna
Tiswijiet u xogħolijiet ta' konverzjoni fuq 4 Super Yachts
Manifattura ta' 3 bagi kbar
Xogħolijiet oħra għall Kumpaniji bħall-Enemalta, Air Malta, Malta Freeport etc.
Xogħolijiet fuq vapuri oħra li ma kienux jinsabu ġot-Tarzna.
Jista il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-MIMCOL dwar is-sehem tal-Gvern Malti fil-proġett ta' Chambray u biex tiżgura li l-partijiet l-oħra involuti fil-proġett iżommu l-impenji li ħadu meta ngħataw propjeta' pubblika b'kundizzjonijiet daqshekk favorevoli?
Response (GATT, AUSTIN)
Permezz tal-MGI il-Gvern huwa azzjonista b'sehem ta' 49% fil-kumpanijea Fort Chambray Ltd.
F'din il-kumpanija l-MGI hija rapprezentata minn zewg diretturi fuq Board kompost minn ħames persuni.
Flimkien mal-Gvern u bħala azzjonista b'minorita, l-MGI qed tistudja l-qagħda tal-proġett ġo Fort Chambray fid-dawl ta' l-obbligi u l-impenji kontrattwali tal-Forti Development Ltd u Forti Resorts Ltd li dawn assumew permezz tal-kumtratti tas-sub cens rispettivi kif ukoll in vista ta' obbligi u kundizzjonijiet bħal dawk imposti mill-MEPA.
B'dan il-għan saru diversi laqgħat mal-partijiet konċernati.