Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed ikompli jżomm għal xhur sħaħ lid-dipartiment milli joħroġ il-benefiċċji li hi ntitolata għalihom il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hija marida serjament u qed tiddependi għal kollox fuq il-pensjoni minima ta' ommha li tgħix magħha għall-ispejjeż tal-ħajja u tal-mediċina u dan qed iżommha f'sitwazzjoni ta' tbatija kbira, kemm lilha kif ukoll lill-ommha armla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qiegħed fi stadju ta’ appell quddiem l-Arbitru. Il-persuna konċernata tiġi nfurmata bid-deċiżjoni meta din tittieħed mill-Arbitru.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Air Malta ssegwi l-prattika ta' linji ta' l-ajru oħrajn u benefiċċji li jgawdu l-imsieħba miżżewġa ta' impjegati tagħha jibdew igawduhom l-imsieħba li jikkoabitaw ma' impjegati tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 3911.
Sigurta' Soċjali — Persuni ntitolati għall-karta r-roża
Question
Jisa' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ntitolati għall-karta r-roża matul is-sena 2003? Kemm kien hemm minn dawn il-persuni sa l-aħħar ta' Jannar 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2003 kien hemm 11,135 applikazzjoni għall-Karta r-Roża li minnhom ġew aċċettati 10,970.
Sa l-aħħar ta’ Jannar 2004 kien hemm 821 applikazzjoni għal din il-Karta, li minnhom ġew aċċettati 805.
Jista' il-Ministru jgħid x'każi ta' serq ġew irrappurtati li saru fuq anzjani tul is-sena 2003 f'dawn il-lokalitajiet, lokalita' b'lokalita: Mellieħa, Mġarr, San Pawl il-Baħar, Għargħur, Naxxar, Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi ta` serq irrapurtati lill-Pulizija minn persuni anzjani matul is-sena l-oħra fil-lokalitajiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed isiru investigazzjonijiet mill-pulizija in konnessjoni ma' rapporti dwar abbużi ta' tfal minn persuna li t-tagħrif dwarha qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jekk għandu aktar informazzjoni dwar il-każ jgħaddiha lili jew lill-Pulizija.
Qrati — Avukati li jipprovdu servizz fil-qasam ta' l-għajnuna legali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm avukati li qed jipprovdu s-servizz tagħhom fil-qasam ta' l-għajnuna legali? Kemm jitħallsu dawn l-avukati? Suppost li jiċċarġjaw flus lill-klijenti tagħhom minbarra l-ħlas li jieħdu mill-fondi pubbliċi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` avukati fuq il-lista ta` l-għajnuna legali (sa Jannar 2004) hu ta` 11 f`Malta u 2 f`Æawdex, u jitħallsu Lm500 fis-sena kull wieħed. Dawn ukoll jinħatru bħala kuraturi f`kawżi fejn il-konvenut ikun imsiefer.
L-avukati tal-elenku mhux suppost li jieħdu flus mingħand persuni intitolati għal għajnuna legali u li jkunu qed jiġu ippatroċinati minnhom f`dik il-kariga.
Sigurta' Soċjali — Diskriminazzjoni ma' koppji li jikko-abitaw
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma fejn koppji li jikko-abitaw għadhom isofru diskriminazzjoni meta mqabbla ma' koppji miżżewġa? Xi pjan ta' ħidma hemm biex din id-diskriminazzjoni titneħħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika tal-Gvern Nazzjonalista ma tikkonsidrax koppji miżżewġa u koppji li jkunu qed jikkoabitaw bħala l-istess. Għaldaqstant, ma tistax titkellem fuq diskriminazzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet li huma differenti ħafna.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: a) x'inhu l-kapital u d-dħul li persuna ma tridx teċċedi biex tikkwalifika għall-għajnuna medika b'xejn (free medical aid)? b) kemm ilu ma jiġi emendat dan it-test tal-mezzi li jintitolak għall-għajnuna medika bla ħlas? Kif kien qabel sar dan it-tibdil? c) ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li dan it-test jitwessa' aktar biex jieħu in konsiderazzjoni ż-żidiet fid-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin f'dawn l-aħħar snin u b'mod speċjali, iż-żidiet kbar fil-prezzijiet tal-mediċini fl-aħħar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kapital li persuna ma tridx teċċedi biex tkun intitolata għall-Għajnuna Medika b’xejn ma jridx tkun iktar minn Lm4,000 f’każ ta’ persuna waħedha u Lm7,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa. Id-dħul ma jridx jeċċedi dak kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li jien il-Gvern Nazzjonalista li permezz ta’ emendi fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali fl-1992 żied il-massimu tal-kapital minn Lm2,200, li kien japplika kemm għal persuna waħedha kif ukoll għal koppja miżżewġa, għal Lm4,000 u Lm7,000 rispettivament.
Ma jidhirlix li fil-preżent dawn il-limiti tat-test tal-kapital għandhom jiżdiedu iżda ta min jgħid li, fejn jirrigwarda t-test tad-dħul dan jiġi rivedut kull meta tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja.
Xi rriżulta miż-żjara li perit għamel fis-sala tal-iskola primarja ta' San Ġwann? X'rakkomandazzjoni għamel dwar l-istat tal-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-sitwazzjoni hi kif spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 2459 u li iż-żjara imsemmija tal-Perit hi konnessa ma' tħejjijiet ta' xogħolijiet li jridu jsiru fl-iskejjel.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-konklużjonijiet ġenerali ta' rapport ta' 46 paġna li sar mill-kumpannija Airclaims dwar ix-xiri tal-RJs mill-Air Malta? Fid-dawl ta' l-ilmenti kbar li hemm dwar is-servizz tal-posta mindu daħlet is-sussidjarja ta' New Zealand post - Transend - tmexxi l-Maltapost, x'deċiżjoni se jieħu l-gvern dwar jekk iġeddidx jew itemmx il-management contract ta' sentejn li wasal biex jagħlaq?
Response (GATT, AUSTIN)
L-informazzjoni mitluba dwar l-Air Malta hi ta' natura kummerċjali.
Dwar il-kuntratt mat-Transend, il-Gvern iħabbar id-deċiżjoni tiegħu meta jkun il-waqt.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni/organizzazzjonijiet li qed jużaw regolarment il-kumpless sportiv tal-Kottonera? Liema huma dawn l-organizzazzjonijiet? F'liema lokalita' joqogħdu l-persuni li jużaw regolarment il-faċilitajiet ta' dan il-kumpless?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-għaqdiet li qed jagħmlu użu regolari mill-Kumpless Sportiv tal-Kottonera huma :-
Association of Arms Collectors and Target Shooters;
Blue Sea Angling Club;
Challenger Fitness Centre;
Federation of Sea Anglers;
Komunita' Tiġi Saltnatek;
Kunsill Malti għall-Isport;
Malta Amateur Weightlifting Association;
Malta Badminton Association;
Malta Billiards Association;
Malta Volleyball Association;
Southern Windsurfing Club;
St. Edward's College;
Traditional Karate Federation of Malta.
Saru id-diskussjonijiet mal-Liċeo tas-subien, Gużeppi Despott fejn kien offrut l-użu tas-sala prinċipali tal-kumpless għall-ħlas nominali ta' Lm1.00 kull siegħa. Id-diriġenti ta' din l-iskola ma wrewx interess li jieħdu din l-offerta. Inbdew diskussjonijiet ma' l-iskejjel primarji tal-Cottonera biex wieħed jara x'jista' jsir f'dan ir-rigward.
Numru ieħor ta’ organizzazzjonijiet jagħmlu użu mill-kumpless għal attivitajiet partikolari.
Appena jitlestew olterazzjonijiet strutturali temporanji, numru konsiderevoli ta’ għaqdiet oħra għandu jingħatalhom sede permanenti attrezzat għall-ħtiġijiet moderni biex jkunu jistgħu iwettqu l-operat tagħhom.
L-amministrazzjoni tal-Kumpless ma żżommx informazzjoni fuq il-membri ta’ l-għaqdiet imsemmija hawn fuq. Wieħed jassumi li l-persuni li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ġejjin minn ħafna lokalitajiet diversi.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għal matul is-sena 2004 għall-ħarsien tal-wirt storiku fl-Imġarr, Malta u l-limiti tiegħu mill-istrutturi li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
MDC/METCO/IPSE — Ħaddiema li ntbagħtu jaħdmu f'postijiet oħra
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm s'issa impjegati tal-MDC, METCO u IPSE li ntbagħtu jagħdmu f'postijiet oħra mindu twaqqfet il-Malta Enterprise? Kemm għad fadal jintbagħtu? Minn dawk li ntbagħtu f'postijiet oħra, jirriżulta li kien hemm min sofra tnaqqis fil-paga u allura qed tinkiser il-wegħda li ngħatat li ma jkunx hemm tnaqqis fil-paga?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sitwazzjoni rigward ir-redeployment exercise ta’ l-impjegati ta’ l-MDC, METCO u IPSE hija kif ġej:
7 persuni qed jistennew biex jiġu redeployed appena joħroġ ir-riżultat ta’ l-interview
3 persuni ġew sekondati
2 persuni qegħdin fil-proċess biex jgħaddu board
59 persuni qed jistennew in-notifikazzjoni għal interview
Fil-preżent dawk l-impjegati li ma’ ġewx magħżula qed jintbagħtu għal redoployment training programmes.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li, bħall f'pajjiżi oħra, l-awtoritajiet finanzjarji Maltin jistqarru pubblikament x'użu sar mill-faċilitajiet Maltin tas-servizzi mill-kumpannija Parmalat jew kumpanniji b'xi mod jew ieħor marbutin magħha jew mas-sidien li kienu jmexxuha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wieħed għandu jifhem illi filwaqt li jirriżulta illi l-grupp Parmalat kellu xi soċjetajiet Maltin konnessi miegħu bħal ma kellu f'ħafna pajjiżi oħra, wieħed ma għandux jgħaġġel jagħmel xi ġudizzji jew jasal għal konklużjonijiet superfiċjali. Huwa prematur li wieħed jikkonsidra li joħrog pubblikament b'mod uffiċċjali dwar ħwejjeġ li għadhom qegħdin jiġu investigati minn diversi sorsi u awtoritajiet, anke ġudizzjarji, barranin. L-awtoritajiet Maltin jinsabu f'kooperazzjoni attiva u kontinwa ma' awtoritajiet oħra Maltin u barranin li għandhom interess jew li qed imexxu investigazzjonijiet f'dan il-każ, u mhux prudenti li jinħarġu stqarrijiet prematuri li jistgħu ixekklu dawnl-investigazzjonijiet.
X'passi qed tieħu l-MEPA biex ma tagħtix permessi għall-bini f'inħawi differenti fl-Imġarr ta' Malta (fosthom tar-Ragħad) biex ma jinqerdux iżjed postijiet ta' valur storiku u naturali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Imġarr u l-inħawi ta' madwar qed jiġu mħarsa permezz ta' tipi diversi ta' protezzjoni, fosthom kontroll fuq żvilupp fl-'Urban Conservation Area' fejn jintalab il- parir tal-Heritage Advisory Committee (HAC) dwar kull applikazzjoni għall-iżvilupp; livelli differenti ta' skedar tal-kosta u l-inħawi kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern; konsultazzjoni mas-Superintendent tal-Wirt Kulturali fuq siti b' potenzjal arkejoloġiku; twaqqif u tħaris ta' siti ta' importanza arkaeologika fosthom ta' Ħaġrat u Skorba u l-inħawi mmedjati; kif ukoll permezz ta' linji gwida għall-kontroll tal-iżvilupp f' inħawi oħra li m' humiex identifikati għall-iżvilupp urban, inkluż il- kampanja.
Fil-każ ta' Tar-Ragħad, l-inħawi jgawdu minn livell ta' protezzjoni arkejoloġika minħabba l-wirt storiku, fosthom oqbra u għerien punici / rumani. L-inħawi Tar-Ragħad fl-Imġarr, Malta ġew skedati bħala parti mill-arja ta' Importanza Arkejoloġika, flimkien mat-tempji prejistoriċi ta' Skorba u Ta' Ħaġrat permezz tan-Notifika Legali Numru 764/98 ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 16 t' Awwissu 1998. F' Tar-Ragħad jinstabu għadd ta' oqbra, mill-inqas tmienja tal-perjodu Ruman, jiġifieri madwar elfejn sena ilu, u katakombi zgħar paleokristjani b' mejda agape tal-perjodu Ruman Tardiv (madwarr elf u sitt mitt sena ilu).
L-ebda żvilupp urban m' hu permess fl-inħawi Tar-Ragħad peress li dawn jinstabu barra miż-żona ta' żvilupp. Żvilupp li jista’ jiġi aċċettat f' dawn l-inħawi hu biss dak identifikat skond l-Att dwar l-Iżvilupp u Pjan ta' Struttura, u dan kemm il-darba ma' jikkompromettix il-konservazzjoni u l-pajsaġġ tas-siti arkejoloġiċi protetti mill-liġi.
Għal-liema tip ta' skart se tintuża l-barriera li hemm tħares fuq l-iskejjel San Andrea u San Anton fl-Imselliet tal-Imġarr? X'passi qed jittieħdu biex l-użu ġdid ta' din il-barriera ma tkunx ta' ħsara għall-ambjent u n-nies tal-inħawi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-barriera msemmija qed tintuża għad-depożitu ta' l-iskart li jirriżulta mill-industrija tal-bini magħruf bħala Inert Material (radam).
Din l-attivita' hi kkontrollata minn kundizzjonijiet stipulati fil-permess maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-ambaxxata Maltija f'Pariġi sselfet mera antika ta' stil barocco mill-Mużew Nazzjonali ta' Malta? Jista' jgħid jekk din il-mera hix imniżżla fl-inventarju tal-ambaxxata? Din il-mera għadha fil-bini tal-ambaxxata Maltija f'Pariġi?
Response (BORG, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija fis-Seduta numru 94 mill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3949 magħmula mill-Onorevoli Leo Brincat, nixtieq nżid li l-mera antika ta' stil Rococo ġiet mislufa lill-Ambaxxata Maltija f'Pariġi fid-29 ta' Marzu 1989.
Il-mera in kwistjoni ġiet trasferita mill-Ambaxxata għar-residenza uffiċċjali ta' l-Ambaxxatur ta' Malta f'Pariġi fis-sena 2000 ġaladarba nħass li tkun iżjed tixraq u f'lokha fir-residenza uffiċċjali milli fl-ambaxxata. Għaldaqstant din il-mera illum tinsab fir-residenza uffiċċjali ta' l-Ambaxxatur ta' Malta f'Pariġi u tidher fuq l-inventarju ta' l-istess residenza.
Jistgħu jittieħdu passi biex jiġi żgurat li meta deċiżjonijiet tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jiġu kkomunikati liċ-ċittadini u ssir riferenza li jistgħu jappellaw minn tali deċiżjonijiet u ssir referenza għall-indirizz fejn isir l-appell, dan l-indirizz jiġi stampat għax rajt komunikazzjonijiet mingħajr l-indiritt tal-Arbitru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kull fejn tingħata deċiżjoni bil-miktub dwar talba għall-benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, li dwarha jista’ jsir appell lill-Arbitru, d-deċiżjoni tkun tinkludi l-informazzjoni li jista’ jsir appell, it-terminu taż-żmien li fih dan għandu jsir u fejn dan għandu jiġi ndirizzat.
Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi każ speċifiku fejn dawn id-dettalji ma kienux inklużi fid-deċiżjoni suġġetta għal appell, nitolbu jgħaddili kopja tad-deċizjoni, anki b’mod kunfidenzjali, biex nitlob lid-Dipartiment konċernat jinvestiga.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Quantity Surveyor
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta saret sejħa għall-quantity surveyor mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada? Jista' jgħid kemm applikaw u b'liema kwalifiki? Kemm intagħżlu u b'liema kwalifiki? Min intagħżel u b'liema kwalifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa saret nhar il-15 ta' Ġunju 2003, u applikaw sitt persuni. S'issa ma ntagħżel ħadd minn dawn l-applikanti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm skejjel primarji u sekondarji statali li qed jużaw il-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija matul din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm kien hemm skejjel jużaw dak il-faċilitajiet is-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm ħallsu l-iskejjel s-sena li għaddiet u din is-sena għall-użu ta' dawn is-servizzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li it-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar mill-iskejjel kollha, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.