Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mġarr — Ħarsien tal-wirt storiku

Question

Jista' issa l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi 4033 u cioe' xi pjanijiet hemm għal matul is-sena 2004 għall-ħarsien tal-wirt storiku fl-Imġarr, Malta u l-limiti tiegħu mill-istrutturi li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li d-doveri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali jkopru bosta miżuri ta' protezzjoni tal-patrimonju kulturali. Din is-sena is-Sovrintendenza diġa ħadet azzjoni kontra żvilupp illegali li kien qed isir fl-inħawi tar-Ragħad fejn jinsab katakombi kristjan u fdalijiet arkaeoloġiċi oħra. Din l-azzjoni qed tkun ikkordinata mall-M.E.P.A. u il-Pulizija. F'dawn il-ġranet diġa' ttieħdet azzjoni mill-M.E.P.A. li ħarġet stop works order (ECF 00039/04) kontra dan l-iżvilupp illegali. Min-naħa l-oħra it-taqsima ta' l-arkaeoloġija f'Heritage Malta qiegħda tfassal proposta għall-proġet għall-konservazzjoni u preżentazzjoni aħjar tal-Banji Rumani f'Għajn Tuffieħa. Id-dettalji ta' din il-proposta ser ikunu mgħarufa sa tmiem is-sena preżenti. Matul is-sena 2004, Heritage Malta qiegħda wkoll tkompli x-xogħol ta' manutenzjoni ta' rutina u kontroll ta' ħaxix ħażin, li huwa dejjem meħtieġ f'siti bħat-tempji ta' Ħaġrat u ta' Skorba. Fl-inħawi ta' Ħaġrat ukoll, riċentament intgħaraf il-bżonn li l-ilmijiet li jinġabru mit-toroq waqt l-għargħar jiġu kkontrollati aħjar sabiex ma ssirx ħsara fit-tempju. Dan ix-xogħol ser jeħtieġ il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti, u għandu jitwettaq sa tmiem din is-sena. Riċentament ukoll inbdew taħditiet bejn il-Kunsill Lokali ta' din il-lokalita', Heritage Malta, u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, sabiex jinstabu mezzi biex il-wirt kulturali għani li hemm f'din il-lokalita' jitgawda aħjar.
Leg 10 PQ #4163 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu biex fl-eżamijiet tas-SEC ma jibqax ikollna biss ir-rata baxxa ta' 2% tas-subien u 9% tal-bniet tal-popolazzjoni ta' form 5 ta' l-area secondaries li jgħaddu mill-Ingliż?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-figuri perċentwali ta' studenti tal-Form 5 mill-area secondaries li kisbu ċertifikati tas-SEC bi gradi 1 sa 7 bejn Mejju u Settembru 2003 fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Malti huma: L-Ingliż 14.4% mis-subien u 31.5% mill-bniet Il-Matematika 20.0% mis-subien u 22.3% mill-bniet Il-Malti 15.0% mis-subien u 28.9% mill-bniet. Biex dawn il-figuri jitjiebu fil-futur, qed ikunu studjati x'passi iridu jittieħdu biex iktar studenti minn dawn l-iskejjel jitħajjru jersqu għall-eżamijiet u biex jitfasslu eżamijiet li jkunu iktar addattati għalihom.
Leg 10 PQ #4164 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu biex jibdew jgħaddu iżjed studenti mill-eżamijiet tas-SEC tal-Matematika peress li r-rata ta' dawk li jgħaddu fl-area secondaries tlaħħaq madwar 6% biss għas-subien u 9% biss għall-bniet mill-popolazzjoni tagħhom ta' form 5?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4163.
Leg 10 PQ #4165 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi konkreti se jittieħdu biex fl-eżamijiet SEC tal-Malti jgħaddu iżjed studenti mill-area secondaries peress li bħalissa qed jgħaddu 4% biss mis-subien u 14% biss mill-bniet mill-popolazzjoni tal-form 5 tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4163.
Leg 10 PQ #4227 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Laqgħat mal-MAM u mal-MUMN — Trasferimenti mill-isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru laqgħat minn wara l-elezzjoni mal-MAM u mal-MUMN dwar it-trasferiment mill-isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid u meta saru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed isiru laqgħat biex jiġi finaliżżat il-ftehim settorali kollettiv. Ladarba jiġi finaliżżat dan il-ftehim jibdew it-taħdidiet dwar it-trasferiment lejn Mater Dei.
Leg 10 PQ #4228 Sitting 102 2004-02-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħal Luqa — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol li kien għaddej fl-iskola primarja ta' Ħal Luqa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ix-xogħol fuq l-ewwel fażi ta' estensjoni ta' l-iskola Primarja ta' Ħal Luqa jinsab fi stadju avvanzat. Bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħolijiet ta' finitura fuq l-estensjoni l-ġdida. Huwa ippjanat li l-estensjoni l-ġdida tkun tista' tibda tintuża sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.

Mellieħa — Il-Kortin - servizz tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fl-inħawi magħrufa bħala Il-Kortin fil-Mellieħa li għadhom mhumiex imqabbdin mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ u għadhom bis-sistema tal-fosos?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn stħarriġ li sar irriżulta li hemm madwar tmien (8) residenti fi Triq Kepler li ma humiex mqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ tat-tramuntana u dan minħabba li ma hemmx mains tad-drenaġġ fil-parti ta' triq li qegħda quddiemhom. It-triqat l-oħrajn kollha għandhom mains imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ.

Mellieħa — Il-Kortin - Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li r-residenti kollha fl-inħawi magħrufa bħala Il-Kortin fil-Mellieħa jkunu mqabbdin mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4124. Jiena nfurmat li in-nuqqas ta' servizz li qed jonqos lil madwar tmien (8) residenti mhux b'kapriċċ iżda minħabba li parti minn Triq Keppler msemmija taqleb 'l isfel, il-main ma setax jiġi mqabbad mal-mains ezistenti li saru xi sentejn ilu. Hemm żewġ soluzzjonijiet għal din il-problema: (i) jew li ssir pompa għal dawn it-tmien (8) residenti biss, bil-konsegwenza ta' possibilita' ta' rwejjaħ għar-resident nfushom jew (ii) id-drenaġġ ta' dawn it-tmien (8) residenzi jitqabbad mas-sistema ta' Santa Marija Estate (aktar 'l isfel). Din il-konnesjoni tkun trid tgħaddi mill-irdum u minn ġo proopjetajiet privati. Dwar dawn ta' l-aħħar, diġa kien hemm oġġezzjoni verbali min-naħa tal-propjetarji. Il-Korporazjzoni għada trid tiddeċiedi liema soluzzjoni sejra taddotta.

Servizz ta' drenaġġ

Question

Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex ir-residenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ikollhom id-dar tagħhom imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ? Meta se jittieħdu dawn il-passi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li d-dettalji tar-residenti ndikata mill-Onorevoli Interpellant ġew mgħoddija lis-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. F'kull każ ser issir spezzjoni ħalli tkun stabbilita r-raġuni għaliex ir-residenza għadha mhix imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ u/jew jekk hemmx bżonn ta' estensjoni tas-sistema eżistenti.

Mellieħa — Il-Kortin - fosos tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema struttura pubblika hija responsabbli biex tara li l-fosos tar-residenti privati fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa jitbattlu regolarment? B'liema regolarita' jitbattlu dawn il-fosos peress li jasluli ilmenti li ġieli bowser tal-gvern idum għaxar ġimgħat biex imur ibattal fossa ta' xi residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-kuntrattur li jbattal il-fosos ġie mwissi biex ibattal il-fosos regolarment kif inhu l-obbligu tiegħu. Huwa sostna illi qatt ma ħalla xi fossa mingħajr ma titbattal għal tul ta' żmien indikat fil-mistoqsija. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi indiriżż speċifiku ta' fejn mhux qiegħed jingħata s-servizz regolari, nissuġġerixxi li l-individwu kkonċernat jikkuntatja lill-Customer Care tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex tittieħed ażżjoni mmedjata.

Servizz tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Mellieħa, l-Imġarr, San Pawl il-Baħar, il-Għargħur, in-Naxxar, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u Tas-Sliema li d-djar tagħhom mhumiex imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ, lokalita' b'lokalita'? Xi pjan hemm biex din is-sistema tilħaq lil dawk ir-residenzi li għadhom mingħajr dan is-servizz bażiku fil-bidu tas-seklu 21?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba tieħu ħafna ħin biex tinġabar b'mod korrett u eżawrjenti. Għaldaqstant tweġiba tingħata aktar 'il quddiem.
Leg 10 PQ #4129 Sitting 101 2004-02-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Skond l-istatistika miġbura mill-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ, jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol: a) b'faxex ta' eta' differenti; b) irġiel u nisa: fil-Mellieħa, fl-Imġarr, f'San Pawl il-Baħar, fil-Għargħur, fin-Naxxar, fis-Swieqi, f'Pembroke, f'San Ġiljan u f'Tas-Sliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Leg 10 PQ #4102 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Bord tal-gvernaturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-bord tal-gvernaturi tal-MCAST jiġi kostitwit għal kollox kif suppost?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li qed jiġi konsidrat tibdil fl-Istatut ta' l-MCAST ser nistenna it-terminu oriġinali tal-Bord preżenti jiskadi tul din is-sena bl-iskop li jinħatar Bord skond it-tibdil imsemmi.

Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika — Koppji li jikkoabitaw flimkien

Question

Skond it-tagħrif miġbur mill-Uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika, jista' il-Ministru jgħid kemm jirriżulta li għandna koppji li jikkoabitaw flimkien u mhux miżżewġa bil-Knisja jew biċ-ċivil fil-gżejjer tagħna?

Response (DALLI, JOHN)

Skond l-istħarriġ dwar l-istil tal-ħajja (Lifestyle 2003) tal-Maltin li sar bejn Ġunju u Lulju 2003, ġie stmat li hawn madwar 3000 koppja li jikkoabitaw flimkien u mhumiex miżżewġin bil-Knisja jew biċ-Ċivil fil-gżejjer tagħna.

Aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3966 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' x'passi ħa l-gvern s'issa biex l-aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri u li se tibda taħdem sena oħra tiġi stabbilita f'Malta peress li pajjiżi oħra, fosthom il-Polonja, diġa' bdew il-pressjoni tagħhom mal-Presidenza Irlandiża biex jieħdu huma din l-aġenzija?

Response (BORG, TONIO)

Wara konsultazzjoni mal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin, Malta ser tesprimi l-interess tagħha li aġenzija tal-kontroll tal-fruntieri tiġi stabbilita f`Malta. Peress li hemm diversi pajjiżi oħra li esprimew l-istess xewqa, din il-materja finalment tiġi deċiża mill-ogħla organu ta` l-Unjoni.
Leg 10 PQ #4117 Sitting 100 2004-02-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Użu mill-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3986 u cioe' kemm hemm skejjel primarji u sekondarji statali li qed jużaw il-faċilitajiet tar-Razzett tal-Ħbiberija matul din is-sena skolastika? Jista' jgħid kemm kien hemm skejjel jużaw dawk il-faċilitajiet is-sena skolastika li għaddiet? Jista' jgħid kemm ħallsu l-iskejjel s-sena li għaddiet u din is-sena għall-użu ta' dawn is-servizzi?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.

Koppji li jikkoabitaw — Benefiċċji soċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern jaddotta politika li jneħħi mill-qasam tax-xogħol kull diskriminazzjoni li għad hemm kif jiġu ttrattati koppji miżżewġa u koppji li jikkoabitaw (bħal fil-każ ta' benefiċċji li jikkwalifikaw għalihom fl-impjieg tagħhom l-imsieħba ta' koppji miżżewġa iżda mhux l-imsieħba ta' koppji li jikkoabitaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-benefiċċji relatati mal-qasam tax-xogħol jingħataw għaliex il-persuna tkun qed taħdem u mhux għaliex għandha stat ċivili partikolari. Għalhekk ma naqbilx mal-premessa li hemm fil-mistoqsija.

Każi quddiem it-tribunal industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm każi li qed jiġu ttrattati quddiem it-tribunal industrijali? Kemm hemm minnhom li huma sospiżi? X'inhuma r-raġunijiet għal din is-sospensjoni? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-każi jkomplu jiġu mismugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Koppji li jikkoabitaw — Urgent family leave

Question

L-imsieħba ta' koppji li jikkoabitaw għandhom l-istess drittijiet għal urgent family leave li għandhom dritt għalih l-imsieħba ta' koppji miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dritt għall-leave urġenti għal raġunijiet ta’ forza maġġuri hu regolat bil-provedimenti tar-Regolamenti ta’ l-2003 dwar Leave Urġenti tal-Familja li ġew ippubblikati b’Avviż Legali Nru. 296 ta’ l-2003. Sub-regolament (3) ta’ Regolament 4 ta’ dawn ir-Regolamenti jiddefinixxi b’mod ċar il-parentela bejn l-impjegat u l-persuna li tkun teħtieġ il-preżenza ta’ dak l-impjegat biex ikun hemm dritt għal dan il-leave.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar omm xebba

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex it-tfajla ta' 15-il sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha tarbija b'ċertifikat tat-twelid unknown father qed jiġu miċħuda lilha l-benefiċċji li hi ntitolata għalihom? Għaliex id-dipartiment qed jinsisti li jkompli jabbuża b'dan il-mod li jispiċċa jdaħħal lil din it-tfajla f'iżjed spejjeż legali biex tfittex id-drittijiet tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartment tas-Sigurta’ Soċjali qed jinvestiga l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant u ser jinfurmha bid-deċiżjoni li tittieħed. Irrid ngħid li d-Dipartiment imsemmi għandu mhux biss id-dritt imma wkoll id-dover li jagħmel dawk l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jassigura li ma jkunx hemm abbużi fit-teħid ta’ benefiċċji soċjali.