Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #4364 Sitting 106 2004-03-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Korsijiet M. Psych

Question

X'riżorsi finanzjarji u umani għandha bżonn l-Universita' biex tkun tista' torganizza korsijiet M. Psych. li tant għandha bżonn fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, soċjali u ta' l-impjiegi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' għandha bżonn Lm20,000 oħra fis-sena biex tkun tista' toffri il-Masters fil-Psikoloġija Edukattiva, fil-Psikoloġija Klinika u fil-Counselling. Dan l-ammont ikopri l-bżonnijiet kollha, inklużi dawk umani.

Karkassi sħaħ ta' majjali — Magħtab

Question

Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn l-aħħar tliet xhur intremew karkassi sħaħ ta' majjali u baqar fil-Magħtab?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li bejn Ottubru u Diċembru 2003 fil-Magħtab intremew 954 tunnellata ta' skart minn proċessar ta' annimali u karkassi sħaħ. Din l-istatistika tinkludi wkoll karkassi sħaħ ta' majjali u baqar.
Leg 10 PQ #4268 Sitting 105 2004-02-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Stipendji

Question

X'review qed issir tal-istipendji tal-istudenti post sekondarji u terzjarji? Kif qed issir din ir-review u min huma l-persuni nvoluti f' din ir-review? X'inhuma l-għanijiet tar-review u f'kemm żmien in-nies involuti f'din ir-review huma mistennija li jressqu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għadni qed niffinalizza t-terms of reference u l-kompożizzjoni tal-grupp li ser jaħdem fuq din ir-review, nagħti tweġiba fi stadju ulterjuri.

Awtorita' tad-Djar — Tiswija ta' garaxx

Question

Tista' il-persuna diżabbli d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament isirulha t-tiswijiet meħtieġa fil-garaxx fejn iżżomm il-karozza tant essenzjali għaliha peress li ilha x-xhur tistenna li jsirilha x-xogħol meħtieġ min-nies tal-Awtorita' tad-Djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma tidher ebda talba għal tiswijiet fil-proprjeta’ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Talba għall-home help

Question

Tista' il-persuna marida li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tingħata l-home help li talbet u li tant għandha bżonn? Fiex waslet l-applikazzjoni tagħha għal din l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ilha tibbenefika mis-servizz tal-Home Help ta’ sagħtejn fil-ġimgħa minn Awissu 1999, liema servizz ġie estiż għal erba’ siegħat fil-ġimgħa f’Marzu 2001. Ninsab infurmat ukoll li fl-1 ta’ Diċembru 2003, din il-persuna reġgħet tablet li jiġu estiżi aktar is-sigħat tas-servizzi li qed tirċievi, liema talba qiegħda quddiem il-Bord ta’ l-Allokazzjonijiet.

MEPA — Imġarr Malta - Ragħad

Question

Tista' il-MEPA tinvestiga jekk hux qed isir tħammil fiż-żona protetta u barra l-iżvilupp tal-bini magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr f'Malta għax qed jingħad li sar xogħol ta' tħammil fiha wara li kien hemm min xtraha biex jiżviluppaha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ttieħdet azzjoni t' infurzar immedjata appena rriżulta li beda jsir xi xogħol fuq is-sit in kwestjoni. Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq ECF 39/04 twaħħal fuq il-post skond il-liġi, kontra s-sid u l-okkupant li s' issa m’ hix magħrufa l-identita’ tagħhom. Qegħdin isiru sforzi biex dan isir magħruf kif ukoll spezzjonijiet regolari ħalli jiġi assigurat waqfien ta l-iżvilupp.

Ragħad — Imġarr Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-inħawi magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr ta' Malta humiex art pubblika jew privata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-inħawi magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr ta` Malta hemm art li hija tal-gvern kif ukoll art oħra li tidher li hija privata.

Żona tar-Ragħad — Rabat Malta - Ħarsien kulturali

Question

Jistgħu l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien kulturali tagħna jinvestigaw jekk iż-żona protetta magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr ta' Malta sarx xi tħammil minn min xtara din l-art bil-ħsieb li jiżviluppaha biex fil-kas jittieħdu l-passi kollha biex ma jibqax isir xogħol li jeqred il-wirt storiku tal-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li madwar ġimagħtejn ilu, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju kulturali intalbet minn xi persuni min-naħa tal-pubbliku biex tinvestiga xogħol ta’ tħammil li kien qed isir fiż-żona magħrufa bħala tar-Ragħad, ħdejn l-Imġarr. Din iż-żona hija magħrufa għall-katakombi u oqbri antiki li fiha. Iż-żona hija kkunsidrata bħala waħda ta’ ċertu valur importanti. Ir-rapporti kienu fil-fatt ikkonfermati wara spezzjoni li saret fuq il-post, u passi ġew mittieħda minnufih. Irriżulta li veru kien hemm xi tħammil tal-ħamrija ftit il-bogħod mill-fdalijiet arkaeoloġiċi. Jidher illi dan ix-xogħol ma kellux effetti negattivi fuq il-fdalijiet arkaeoloġiċi. Madankollu, s-Sovrintendenza ħadet passi minnufih permezz tal-Pulizija u l-MEPA kontra dan l-iżvillup illegali. Il-MEPA ħarget Stop works notice (Rif. ECF 00039/04) waqt li l-Pulizija intalbet tinvestiga l-każ biex tkun assigurata l-protezzjoni taż-żona. Għadhom qed isiru spezzjonijiet taż-żona, kif ukoll investigazzjonijiet rigward il-proprjetarji tal-art.

Każi quddiem it-tribunal industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4097 u cioe' jista' jgħid kemm hemm każi li qed jiġu ttrattati quddiem it-tribunal industrijali? Kemm hemm minnhom li huma sospiżi? X'inhuma r-raġunijiet għal din is-sospensjoni? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-każi jkomplu jiġu mismugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2004 kien hemm 468 każ pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Ninsab infurmat ukoll li m’hemm ebda każ sospiż, iżda hemm 21 każ minnhom li huma diferiti sine die għal diversi raġunijiet.

Istituzzjonijiet finanzjarji Maltin

Question

B'referenza għal dak li qal kif l-istituzzjonijiet finanzjarji Maltin qdew demirhom sew fl-investigazzjonijiet li saru dwar il-Parmalat, x'żamm lill-istess istituzzjonijiet jaqdu dmirhom sewwa bl-istess mod fil-każ tad-Daewoo?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onorevoli Interpellant jaf sew, jew imissu jaf sew, li il-każ tal-grupp multinazzjonali Parmalat u il-każ tad-Daewoo ma għandhom xejn x'jaqsmu ma' xulxin, u l-attentat sabiex jipprova jikkonsidrahom bħala simili huwa eserċizzju pwerili.

Deficit tal-pajjiż

Question

B'liema mod jista' jiftaħar li l-Gvern laħaq il-miri tiegħu meta żamm id-deficit għal Lm105 miljun fis-sena 2003 meta kien qed jippjana li dan kellu jkun ta' Lm75 miljun, jiġifieri Lm30 miljun inqas milli fil-fatt laħaq?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li din mhix kwistjoni ta' ftaħir imma fatti, u t-tweġiba diġa ngħatat fid-Diskors tal-Budget għas-sena 2004. Il-Lm75 miljun deficit għas-sena 2003 kien ibbażat fuq ċertu livelli ta' dħul li kien mistenni kemm għas-sena 2002 u għas-sena 2003. Minħabba varjazzjoni f'dawn l-istimi, li r-raġunijiet għalihom issa ħerġin minn widnejna, kieku l-Gvern ma ħax passi immedjati fl-2003, id-deficit għall-2003 kien ser ikun bejn Lm126 miljun u Lm135 miljun. Bl-għaqal tal-Gvern, permezz ta' trażżin fl-infiq, li xorta permezz tiegħu ma tnaqqsitx l-effiċċjenza fl-operat ta' l-Amministrazzjoni, u permezz ta' aktar effiċċjenza fil-ġbir ta' flejjes dovuti lid-Dipartimenti, il-Gvern irnexxilu jnaqqas dan il-livell għoli ta' deficit.
Leg 10 PQ #4265 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti tal-mediċina min-Norveġja — Universita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk wara l-1 ta' Mejju 2004 meta pajjiżna jidħol ukoll fl-Arena Ekonomika Ewropea l-Universita' hix se tkun tista' tibqa tiċċarġja Lm10,000 fis-sena lill-studenti tal-mediċina minn Norveġja biex isegwu korsijiet magħha? Kemm se tiċċarġjhom tal-kors tal-mediċina?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li wara l-1 ta' Mejju 2004, meta Malta tidħol bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, l-istudenti tal-mediċina minn Norveġja xorta jibqgħu jiġu mitluba jħallsu l-miżati ta' Lm6,000 fis-sena bħal issa.
Leg 10 PQ #4266 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti barranin

Question

Bħalissa fl-Universita' ta' Malta kemm hemm studenti minn xi pajiż tal-Unjoni Ewropea jew se jkun membru wara l-1 ta' Mejju 2004 li qed iħallsu biex jattendu kors? Kemm qed iħallsu? Kemm se jibdew iħallsu wara Mejju 2004?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena akkademika 2003/04 hemm 72 student minn xi pajjiż ta' l-Unjoni Ewropeja jew minn pajjiż li se jkun membru wara l-1 ta' Mejju 2004. Minn wara Mejju 2004, studenti mill-Unjoni Ewropeja se jidħlu taħt l-istess skema bħal dik li jaqgħu taħtha studenti Maltin. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda dwar ħlas li jsir minn studenti barranin li jattendu l-Universita'.
Leg 10 PQ #4267 Sitting 104 2004-02-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Bħalissa fl-Universita' ta' Malta kemm hemm studenti minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea jsegwu xi kors? Kemm qed iħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena akkademika 2003/04 hemm 553 student minn xi pajjiż minn barra l-Unjoni Ewropeja. Il-ħlas li jsir minn studenti barranin li jattendu l-Universita' huwa indikat fit-tagħrif li ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 10 PQ #4229 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universitajiet Ingliżi — Ħlasijiet għal studenti Maltin

Question

Jistgħu jittieħdu passi mal-gvern Ingliż biex issir pressjoni fuq dawk l-universitajiet Ingliżi, b'mod partikolari l-University of Central England ġewwa Birmingham, li għal din is-sena akkademika wara Mejju jridu jibqgħu jżommu livell ta' ħlasijiet għall-istudenti Maltin biex jattendu universita' fl-Ingilterra daqslikieku kienu studenti mhux mill-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa mill-1 ta’ Mejju 2004, student Malti li jiddeċiedi jkompli jistudja barra minn Malta jista’ jagħmel dan liberament u hu ntitolat għall-istess kundizzjonijiet illi japplikaw kemm għal studenti ta’ dak il-pajjiż partikolari, kif ukoll għal dawk l-oħra illi ġejjin minn Stati membri oħra. Dan ifisser li student Malti se jħallas l-istess miżata ta’ student ta’ pajjiż membru ieħor fejn il-miżata teżisti. Madanakollu, ġaladarba l-istudent ikun ħallas l-ammont kollu dovut minnu għas-sena Universitarja 2003-2004, id-dritt illi jirċievi lura l-ammont żejjed illi ħallas għall-ahhar xahrejn (Mejju – Ġunju 2004) tas-sena Universitarja, mhux wieħed awtomatiku iżda huwa fid-diskrezzjoni ta’ l-istituzzjoni involuta, f’dan il-każ l-Universita’ ta’ Central England ġewwa Birmingham – marbut mal-prinċipju tas-sussidjarjeta'. L-uffiċċju Ewropew ta’ l-Universita ta’ Malta, kien ta parir lil dawk l-istudenti li avviċinawh u li kellhom l-intenzjoni li jkomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta għas-sena Universitarja 2003-2004, sabiex ma jħallsux l-ammont dovut minnhom għas-sena sħiħa, iżda jħallsu by instalments. Din il-problema ma tolqotx biss lil Malta. Fil-fatt fil-perjodu tal-Presidenza Olandiża, ġie varat studju f’Lulju 2004 bl-isem, ‘study of portability of the maintenance grants and University fee structures’ propju sabiex jinvestiga din il-problema partikolari.
Leg 10 PQ #4230 Sitting 103 2004-02-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti tal-mediċina Norveġiżi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellna studenti tal-mediċina min-Norveġja fl-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm ħallas kull student ta' kull sena akkademika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li in-numru ta' studenti tal-mediċina min-Norveġja f'dawn l-aħħar ħames snin, kif ukoll kemm ħallas kull student, huwa indikat hawn taħt: Sena Akkademika Numru ta' Studenti Total ta' kull student Norveġiżi Lm 1999/2000 13 10,000 2000/2001 10 6,000 2001/2002 9 6,000 2002/2003 6 6,000 2003/2004 3 6,000

Kumpannija Ġermaniża ta' l-elettronika

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk matul Jannar 2004 bdietx topera f'pajjiżna kumpannija Ġermaniża ta' l-elettronika?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi fil-perjodu imsemmi, ġiet reġistrata kumpannija waħda b'shareholding Ġermaniż li fost attiviatjiet oħra twettaq xogħol ta' elettronika.

Mdina — Xogħol ta' pavimentar

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' pavimentar ta' l-Imdina?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għall-paviment ta' l-Imdina qiegħda fi stadju ta' aġġudikazzjoni. Kif tingħata l-offerta jibda x-xogħol.

Mdina — Sidien ta' bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex sidien ta' bini fl-Imdina ma jibqgħux jaqbdu u jiftħu bibien u twieqi u jħassru d-dehra tal-belt?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mdina — Sidien ta' bini

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex ma jkunx hemm residenti ta' l-Imdina li jqaxxru u joborxu il-faċċati tal-bini tagħhom għax hekk qed iħassru l-ġebla u din se titmermer iżjed malajr u titħassar id-dehra tal-belt antika?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta l-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina jiġi mitlub permess biex isir xogħol bħal dan qatt ma jkun favorevoli. Infakkar ukoll li l-Kumitat għandu skema ta' għajnuna għal min irid jirrestawra l-faċċati ta' bini fl-Imdina. Iżda l-permessi għal xogħol bħal dan joħorġu mill-MEPA.