Jista' il-Ministru jgħid għaliex meta r-residenti tal-Kortin fil-Mellieħa jċemplu għas-servizz tat-tbattil tal-fosos mill-bowser, il-customer care department, meta jindenjaw iwieġbu, jgħidulhom jikkuntattjaw lill-kuntrattur direttament jew jgħidu li d-dipartiment m'għandux awtorita' fuq il-kuntrattur u ma jista' jagħmel xejn biex itejjeb is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li ingħataw struzzjonijiet lil min hu responsabbli għall-Customer Care fil-Kororazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma biex f'kazi bħal dawn t-talbiet li jsiru jgħadduhom mill-ewwel lill-kuntrattur responsabbli.
Ingħataw struzzjonijiet oħra biex il-Unit tal-Customer Care issegwi dawn l-ilmenti billi tikkontatja lil min ikun għamel talba biex tivverifika jekk fil-fatt il-kuntrattur ikunx għamel ix-xogħol mitlub minnu.
Ċertament mhux il-każ li l-Korporazzjoni m'għandiex awtorita' tesiġi mingħand il-kuntratturi li dawn josservaw l-obbligi li jkunu daħlu għalihom meta ħadu l-kuntratt.
Jista' il-Ministru jivverifika jekk fil-fatt fil-Kortin tal-Mellieħa hemmx 13-il dar fi Triq Kepler, 6 fi Triq Isaac Newton u diversi fi Triq Koperniku li mhumiex imqabbdin mas-servizz nazzjonali tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li wara spezzjoni fuq il-post irriżulta li n-numru ta' djar f'Tal-Kortin, Mellieħa li m'għandhomx servizz ta' drenaġġ hu hekk -
Triq G. Galilei - żewġt'idjar (2)
Triq J. Keppler - ħmistax-il dar (15)
Triq I. Newton - erbat'idjar (4)
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu matul dan l-aħħar xahar biex id-djar kollha fil-Kortin tal-Mellieħa jitqabbdu mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4125.
Jiena nfurmat li qed isir studju biex tittieħed id-deċiżjoni dwar is-soluzzjoni għal din il-problema kif diġa kien indikat f'dik it-tweġiba.
Enemalta — Impjegata li ntemmilha l-impjieg tagħha
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-impjegata li isimha qed jintbagħat separatament, tkeċċiet minn mal-korporazzjoni Enemalta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-persuna li kien qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru kienet terminata mill-impjieg wara li l-persuna attendiet Bord Mediku w ġiet terminata fuq raġunijiet ta' saħħa. Din il-proċedura tiġi applikata f'każi simili.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jieħu l-Lm1,400 refund tal-capital gains tax dovuti lilu u li suppost kellu jeħodhom fil-15 ta' Diċembru 2003? Jista' jitħallas dawn il-flus malajr peress li jrid jgħajjex familja u huwa bla xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onororevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista’ jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista jinqeda minn hemmhekk.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm l-MPO s'issa pproċessa talbiet għall-postijiet ta' impjiegi għall-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO? Fejn intbagħtu jaħdmu? Min huma dawn il-persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq il-Ġiżimin fis-Swieqi tinkesa u tingħata t-tarmak?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent hemm ftehim bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi sabiex tkun tista ssir it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4163, jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-figuri perċentwali ta' studenti tal-form 5 mill-area secondaries li kisbu ċertifikati tas-SEC bi gradi 1 sa 5 bejn Mejju u Settembru 2003 fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Malti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mis-786 subien u 685 bniet li kienu jattendu l-Form 5 fl-Area Secondary Schools fl-2003-2004, il-perċentwali li kisbu ċertifikati tas-SEC bi gradi 1 sa 5 bejn Mejju u Settembru 2003 fl-Ingliż, fil-Matematika u fil-Malti kienu kif jidher hawn taħt:
L-Ingliż 3.4% mis-subien u 11.4% mill-bniet
Il-Matematika 8.5% mis-subien u 12.6% mill-bniet
Il-Malti 5.6% mis-subien u 17.2% mill-bniet.
Wara li fl-10 ta' Frar 2004 il-president tal-Kummissjoni Ewropea Romano Prodi ħabbar il-proposta tal-budget tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 u pajjiżi oħra diġa' qed jistmaw kemm se jagħtu lill-Unjoni Ewropea u kemm se jieħdu lura f'fondi, jista' il-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se tagħti u tieħu Malta fis-snin 2007-2013 skond il-proposta ta' Prodi?
Response (DALLI, JOHN)
Fid-diskors tiegħu ta’ l-10 ta' Frar li għadda, fil-Parlament Ewropew fi Strasbourg, il-President tal-Kummissjoni Ewropeja, Romano Prodi, ta l-orjentazzjoni jew perspettiva politika u finanzjarja għall-futur ta' Unjoni għall-perjodu 2007-2013.
Mill-aspett finanzjarju, għall-istess perjodu, ingħata qafas ta' approprijazzjonijiet annwali li fuqhom il-Kummissjoni se tikkommetti ruħha. Ma' dan, iżda, ngħatat ukoll indikazzjoni ta’ l-approprijazzjonijiet ta' ħlasijiet annwali kif ukoll il-persentaġġ li dawn jilħqu kull sena tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri matul l-imsemmi perjodu. Dan il-persentaġġ ġie relatat mal-persentaġġ massimu tad-Dħul Gross Nazzjonali globali ta’ l-iStati Membri. Dan il-persentaġġ, li se jkun ikkapjat għal 1.24% għal kull sena, m'għandux jinqabeż mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-iStati Membri.
L-ammont li Malta se tirċievi kull sena matul dan il-perjodu għad irid jiġi determinat u jiddependi minn diversi fatturi.
L-ammont li Malta se tikkontribwixxi kull sena matul dan il-perjodu mhux daqs tant negozjabbli għax hu bbażat fuq parametri stabbiliti. Dawn il-parametri, iżda, għajr għad-dħul fuq importazzjoni minn pajjiżi terzi, huma marbuta ħafna mad-Dħul Gross Nazzjonali tagħna, jiġifieri mat-tkabbir ta’ l-ekonomija ta' pajjiżna. Dan għad irid jiġi mbassar għall-imsemmi perjodu sena b'sena.
Jista' il-Ministru jgħid fix-xhur ta' Jannar u Frar (s'issa), kemm-il darba mar il-bowser ibattal il-fosos tad-djar fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li min din is-sena sal-25 ta' Frar, il-bowser mar darbtejn ibattal il-fosos fl-inħawi tal-Kortin fil-Mellieħa.
B'kollox hemm tlett residenzi li jitolbu biex jitbatlulhom il-fosos.
Jekk hemm xi individwi li għandhom bżonn jitbatlilhom il-fossa dawn għandhom jikkuntatjaw lill-Customer Care tal-Korporazzjoni biex tittieħed azzjoni immedjata.
Jista' il-Ministru jgħid meta tħallas l-aħħar darbtejn il-kuntrattur tal-bowser li jbattal il-fosos tal-Kortin fil-Mellieħa u d-dewmien li jipprovdi s-servizz hux marbut mal-fatt li jdum ix-xhur ma jitħallas għas-servizz li joffri?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-ewwel pagament minn W.S.C. sar fis-26 ta' Frar 2004 li kien jkopri minn Ottubru sa Diċembru 2003 fil-waqt li l-pagament ta' qabel sar mill-Ministeru tar-Rizorsi u Infrastuttura f'Diċembru 2003, li kien jkopri minn Mejju sa Settembru 2003.
Quarterly panorama of European business statistics
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom Malta hija l-uniku pajjiż li ma pprovdiex statistika għall-quarterly panorama of European business statistics li għadha kemm ħarġet il-Eurostat għas-sena 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Nippreżumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għat-tabelli:
1.4
Total value added in constant 1995 prices in the candidate countries, gross data (EUR million)
u
1.7 Industrial confidence indicator in the candidate countries, seasonally adjusted data (balance) li dehru fil-Quarterly panorama of European business statistics, 4 ta’ l-2003.
Għalkemm Malta tgħaddi b’mod regolari data dwar in-national accounts fuq bażi ta’ tliet xhur lill-Eurostat, sa żmien il-pubblikazzjoni imsemmija hawn fuq, din id-data kienet għada mhix skond il-metodoloġija ESA95. Dan se jkun jista’ jsir sad-data tas-sħubija. Infakkar li data fuq bażi ta’ sena skond il-metodoloġija ESA95 ġiet ippublikata fis-17 ta’ Diċembru 2003 mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika permezz ta' News Release 195/2003.
Ħarsa lejn it-tabella numru 1.4 tindika li barra Malta, diversi pajjiżi li jinkludu lill-Ungerija u lill-Polonja ukoll ma kellhomx data riċenti ppublikata f’din it-tabella. Anke Diversi pajjżi membri (ara tabella 1.3 fuq l-istess suġġett) ma għandhomx data ppublikata u dawn huma il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugal u l-Ingilterra.
Rigward it-tabella 1.7 din id-data tiġi kkumpilata mill-Kummissjoni (ECFIN) li s’issa għad ma għamlitx dan l-eżerċizzju għal Malta u, kif jidher mit-tabella, anqas għat-Turkija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-qorti matul l-aħħar ħames snin għax waqt li kienu qed iservu ta' ġurati nstab li kienu mxaħħma minn akkużati biex jagħtu l-verdett li jaqblilhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin ma kienx hemm ebda persuna li tressqet il-Qorti fuq l-akkuża msemmija mill-Onor. Interpellant.
Peress li l-artiklu dwar fastidju fuq il-post tax-xogħol (ad esklużjoni ta' fastidju sesswali) fl-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi (jiġifieri artiklu 29(1) jillimita l-projbizzjoni ta' fastidju għal dik bażata fuq diskriminazzjoni sesswali, u peress li legal notice 297 ma tkoprix każijiet ta' fastidju iżda hija limitata għal każijiet ta' diskriminazzjoni, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta l-projbizzjoni ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol, fil-forom kollha li dan il-fastidju jista' jieħu, a bażi tar-reliġjon, eta' jew orjentazzjoni sesswali tal-vittma, kif kontenuta fid-direttiva 2000///78/EC ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond id-Direttiva ndikata mill-Onor. Interpellant “fastidju” hu kkunsidrat forma ta’ diskriminazzjoni.
Għalhekk, il-provedimenti ta’ l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali kif ukoll l-Avviż Legali 297 ta’ l-2003, li jagħmel referenza speċifika għad-Direttiva msemmija, huma kkunsidrati li jkopru l-provedimenti tad-Direttiva għal dak li jirrigwarda “fastidju” fuq il-post tax-xogħol.
Impjiegi — Trattament diskriminatorju kontra l-ħaddiema
Question
Peress li d-direttiva 2000/78/EC ta' l-Unjoni Ewropea teħtieġ li organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u organizzazzjonijiet professjonali ma jiddiskriminawx kontra individwi a bażi tar-reliġjon, eta' u orjentazzjoni sesswali, kemm fis-sħubija tagħhom kif ukoll fil-benefiċċji li joffru u peress li l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi jillimita l-projbizzjoni ta' "trattament diskriminatorju" għal atti diskriminatorji magħmula minn min iħaddem, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan l-aspett tad-direttiva, kif għamel fil-każ ta' diskiminazzjoni minħabba diżabilita' permezz ta' artiklu 9 ta' l-Att dwar l-Opportunitajiet Indaqs, 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li Regolamenti biex jimplimentaw l-aspett indikat tad-Direttiva ġew abbozzati u mistennija jiġu ppubblikati wara l-konsultazzjoni meħtieġa mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi.
Impjiegi — Diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol
Question
Peress li d-direttiva 2000/78/EC teħtieġ li fi proċeduri ċivili dwar il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol l -oneru tal-prova jinqasam bejn il-partijiet, u peress li l-proċeduri f'każijiet ta' diskriminazzjoni taħt l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi huma ta' natura ċivili u minħabba anke li l-artiklu 19(2) fl-Att dwar l-Ugwaljanza bejn l-Irġiel u n-Nisa huwa llimitat għal diskriminazzjoni sesswali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan il-prinċipju tad-direttiva fir-rigward ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba r-reliġjon, l-eta' jew l-orjentazzjoni sesswali tal-vittma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma tgħidx li fi proċeduri ċivili dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-oneru tal-prova għandu jinqasam bejn il-partijiet, iżda tgħid li jekk persuna li tikkunsidra li nkiser dan il-prinċipju fil-konfront tagħha tistabbilixxi fatti li jippreżumu dan il-ksur, jkun l-akkużat li jrid jipprova li dan il-ksur ma seħħx.
Regolamenti li jkopru din id-Direttiva ġew abbozzati u mistennija jiġu ppubblikati wara l-konsultazzjoni meħtieġa mal-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi.
Peress li d-direttiva 2000/78/EC teħtieġ li l-istati membri jippermettu organizzazzjonijiet b'interess leġittimu li jkunu jistgħu jassistu vittmi ta' diskriminazzjoni, fastidju jew vittimazzjoni fuq il-post tax-xogħol fi proċeduri legali u peress li la l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi u lanqas legal notice 297 ma jimplimentaw dan l-aspett tad-direttiva, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif il-gvern qed jippjana li jimplimenta dan l-aspett tad-direttiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Sub-artikolu 78(2) ta’ l-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali fil-fatt jipprovdi li quddiem it-Tribunal Industijali l-każ għal kull parti fit-tilwima jista’ jiġi ppreżentat mill-parti nnifisha li tista’ tagħżel li tiġi rappreżentata jew mgħejjuna minn persuna jew persuni tal-fiduċja tagħha.
Meta huwa kkunsidrat li s-servizz tal-karozzi tal-linja jibda jaħdem mingħajr sussidju mit-taxxi taċ-ċittadini u allura jkun iffinanzjat kollu kemm hu mill-biljett tal-passiġieri li jużaw dan is-servizz? Kemm kien dan is-sussidju s-sena li għaddiet u kemm huwa stmat li jridu jogħlew il-biljett tal-karozzi tal-linja biex is-servizz jitħaddem mingħajr sussidju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi f'Novembru 2003 sar qbil bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku fejn ġie maqbul illi s-sussidju għandu jispiċċa fi żmien tlett snin. Madankollu l-gvern huwa kommess li jibqa jissusidja n-noll tal-karta anzjan u ta' l-istudenti. Sadanittant l-ADT u l-ATP għadhom għaddejjin bid-diskussjonijiet kemm fuq it-tariffi kif ukoll fuq ir-riforma globali tas-servizz. Dan il-ministeru jikkunsidra bidla fit-tariffi kemm -il darba dan il-proċess ikun parti integrali mill-imsemmija riforma.
Is-sussidju matul is-sena 2003 ammonta għal Lm1,405,000.
Jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jinstab jekk il-problema tad-drenaġġ fil-Manikata hix maħluqa wkoll minn persuni li jrabbu l-majjali u li xi drabi jarmu l-ħmieġ tagħhom fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li għalkemm l-użanza li semma l-Onor. Interpellant spiss tikkawża problemi fis-sistema tad-drenaġġ, tkun fejn tkun, il-problema tad-drenaġġ fil-Manikat, hi riżultat ta' l-istat ħażin tal-mejn.
Fil-fatt, bħala miżura temporanja biex tittaffa l-problema aktar minn 200m ta' dan il-mejn ser jinbidlu fi żmien qasir.
Eventwalment trid tinbidel is-sistema kollha.