Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani — Ħlas għas-servizz ta' helper

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex waqt li koppja anzjana jitqiesu bħala persuna waħda meta jiġu biex jingħataw iż-żieda fil-pensjoni iżda mbagħad jitqiesu bħala żewġ persuni meta jitnaqqsilhom il-ħlas għall-helper?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tnaqqis għas-servizz tal-Home Help hu regolat b’artikolu 95 ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Skond dan l-artikolu, koppja miżżewġa jitnaqsilha Lm1.50 fil-ġimgħa għal dan is-servizz meta persuna waħda biss tkun qiegħda tirċievi pensjoni jew Għajnuna Soċjali. F’każ ta’ persuna waħedha dan it-tnaqqis ikun ta’ Lm1 fil-ġimgħa.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex meta l-home helpers jieħdu l-frank u ma jmorrux jagħtu s-servizz tagħhom, l-anzjani xorta jħallsu għal dan is-servizz li ma jingħatalhomx?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-ħlas tal-Home Help Service isir fuq bażi ta' ġimgħa u mhux bil-ġurnata. Biss, id-Dipartiment qed jagħmel l-arranġamenti meħtieġa ħalli meta xi helper tkun fuq vacation leave jew sick leave tintbagħat persuna oħra minflok.

Sigurta' Soċjali — Talba għall-home help

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se tintlaqa' it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-home help peress li tinsab f'sitwazzjoni diffiċli ħafna?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fil-preżent il-persuna msemmija qegħda tieħu 4 siegħat fil-ġimgħa servizz tal-Home Help u l-każ tagħha sabiex jiżdiedu s-siegħat tas-servizz qiegħed quddiem il-bord tal-allokazzjoni.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' l-awtorita' tad-djar tikkonsidra bis-serjeta' meħtieġa t-talba għal akkomodazzjoni soċjali ta' xebba bi tliet itfal li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha tmien snin pendenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda talba mill-persuna ndikata. Il-każ tal-persuna ndikata qed jiġi kkunsidrat mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u mhux mill-Awtorita’ tad-Djar kif semma l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.

Awtorita' Maltija tal-komunikazzjoni — Nuqqasijiet fis-servizz tal-Maltapost

Question

Tista' l-awtorita' Maltija tal-komunikazzjoni tieħu l-passi meħtieġa dwar in-nuqqasijiet serji fis-servizz tal-Maltapost li wassal biex persuni jitilfu l-benefiċċji soċjali u jinqatgħu mir-reġistrar għax ma rċevewx u allura ma rrispondewx għall-avviżi mibgħuta bis-servizz tal-Maltapost u issa qed ibatu ħafna fil-ħajja tagħhom ta' kuljum? X'passi se jittieħdu u meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa l-Awtorita' għadha ma rċeviet l-ebda lment mill-pubbliku rigward il-problema fid-domanda tieġħu. Ta' min wieħed jirrimarka li l-pubbliku għandu d-dritt li jirreferi l-ilment tiegħu lill-Awtorita' jekk ma jieħux risposta soddisfaċenti mingħand il-Maltapost. Għaldaqstant nissuġġerixxi li bħala l-ewwel pass il-klijenti li, skond l-Onor. Membru, għandhom ilment xi jqajmu jagħmlu dan ma' l-Maltapost. Jekk dan diġa' sar u ma jħossux li kellhom risposta sodisfaċenti mingħand il-Maltapost, il-persuni kkonċernati għandhom id-dritt jirreferu l-każ lill-Awtorita' li mbagħad tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha ma' l-Maltapost u tiddetermina x'miżuri għandhom jittieħdu skond iċ-ċirkostanzi tal-każ.

Mellieħa — Triq Għar u Casa

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq Għar u Casa fil-Mellieħa għax bħalissa tassew hi għarukaża għal min jgħix hemmhekk?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Qrati — Persuni li ntbagħtu l-ħabs fuq manteniment

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn Ottubru 2003 sal-lum kien hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs b'sentenza tal-qorti għax ma setgħux iwettqu l-obbligi li jmantnu l-mara li sseparaw minnha u l-familja tagħhom għax m'għandhomx dħul biżżejjed minħabba li ġew issensjati jew naqsilhom ħafna n-negozju tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-persuni ndikati mill-Onorevoli Interpellant jitressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala kawżi sommarji msejħa "tad-distrett", u dan sabiex jitħaffew il-proċeduri, statistika fir-Reġistru tal-Qorti ma tinżammx. Għalhekk anqas id-dettalji rikjesti minnu fit-tieni parti ma jistgħu jingħataw.

Pulizija/ħaddiema tal-protezzjoni ċivili — Working time directive tal-UE

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'analisi sar dwar kif il-working time directive ta' l-Unjoni Ewropea se tolqot: 1) lill-pulizija; u 2) lill-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili? X'passi se jittieħdu biex il-ħaddiema f'dawn l-oqsma jaħdmu skond il-parametri ta' din id-direttiva?

Response (BORG, TONIO)

Għandu jingħad li permezz ta' Art 18 tad-Direttiva, ħaddiem jista' jagħżel li jaħdem għal aktar sigħat mill-massimu stipulat mid-Direttiva. Minkejja dan, iż-żewġ dipartimenti konċernati qegħdin kontinwament janalizzaw is-sitwazzjoni.

San Pawl il-Baħar — Kap ta' l-iskola għall-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinħatar persuna bħala kap ta' l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar biex ma jintilifx ix-xogħol tajjeb li sar fl-aħħar snin fit-titjib edukattiv f'dik l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-proċess biex jinħatar kap ta' l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar inbeda. Malli jispiċċa l-proċess kollu, il-Kap il-ġdid jintbagħat jaqdi d-doveri tiegħu f'din l-iskola.

ETC — Persuna li nqata' minn fuq ir-reġistru ta' l-impjieg

Question

Huwa ġust li persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jinqata' mir-reġistrar għax ma weġibx formola li suppost irċieva bis-servizz tal-Maltapost u li fil-fatt qatt ma rċieva? Jista' il-Ministru jgħid biex se jgħix u jgħajjex lill-famila tiegħu dan ir-raġel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna msemmija ilu jirreġistra mit-8 ta' Mejju 1995. Informat ukoll li b'ittra reġistrata li ġġib d-data tat-13 ta' Jannar 2004, ir-reġistrant ġie mitlub jattendi intervista l-ETC Head Office - Ħal Far, fis-Sezzjoni ta' l-Ispettorat nhar id-29 ta' Jannar 2004 fit-8.15 ta' filgħodu. Skond il-customer care tal-Maltapost, il-pustier ipprova jqassam l-ittra fl-20, 21, 23 u 24 ta' Jannar 2004, iżda s-sinjur qatt ma nzerta d-dar. Skond il-proċedura tal-Maltapost, meta dan jiġri, titwaddab nota fil-letter box tal-persuna kkonċernata biex tavżaha li hemm ittra reġistarta f'isimha tistennijha il-posta. Jekk wara ġimgħa mid-data li tkun intbagħtet in-nota, l-ittra ma tiġix miġbura, tintbagħat lura unclaimed lil min ikun bagħtha oriġinarjament, f'dan il-każ lill-ETC. Fid-dawl ta' dan kollu, l-ETC iddeċidiet li l-persuna konċernata tinqata' mir-reġistrar u tpoġġiet fuq it-tieni parti tar-reġistru fis-17 ta' Frar 2004. L-individwu skond l-Att tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. (Kap. 343) għandu dritt ta' apell.

Kunsilli lokali — Fondi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'fondi se jingħataw għas-sena 2004 il-kunsilli lokali tal-Mellieħa, Mġarr, San Pawl il-Baħar, Għargħur, Naxxar, Swieqi, Pembroke, Sliema u San Ġiljan, lokal b'lokal?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-fondi li kull Kunsill Lokali ser jingħata bħala allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2004 - 2005 skond il-formola li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att dwar Kunsilli Lokali.

Dipartiment ta' l-artijiet — Beach concessions

Question

Il-beach concessions li ġġeddidilhom il-permess fl-aħħar snin, ingħataw permess ikunu b'żewġ sulari? Dawk li se jinħarġilhom il-permess fiż-żmien li ġej u għandhom sular wieħed se jkunu mċaħħdin milli jistgħu jibnu t-tieni sular?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art fejn hemm il-Beach Establishments kienet ingħatat taħt titolu ta` ċens temporanju ta` 25 sena. Iċ-ċenswalisti bnew l-Establishment huma wara li otjenew il-permessi meħtieġa skond il-liġi. Illum li skada ċ-ċens, il-proprjeta` tal-Gvern qegħda terġa` tiġi offerta li tingħata b`enfitewsi permezz ta` sejħa għall-offerti.

Istituzzjonijiet finanzjarji Maltin

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 4259, jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadu l-istituzzjonijiet finanzjarji dwar: 1) il-każ tal-Parmalat; 2) il-każ tad-Daewoo; u jekk hux sodisfatt li fiż-żewġ każi l-istituzzjonijiet finanzjarji aġixxew bis-serjeta' ir-responsabbilta' kollha meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dwar il-passi li ħadet l-MFSA (flimkien mar-Reġistratur tas-Soċjetajiet li jagħmel parti minnha) fir-rigward tal-Parmalat, diġà ngħatat l-informazzjoni relattiva permezz tar-risposti għad-domandi parlamentari numru 3624 u 3631. Ninsab infurmat ulterjorment illi mill-bidu nett l-MFSA ħadet il-passi li dehrilha xierqa sabiex tissalvagwardja l-integrità tad-dokumenti tal-kumpaniji Parmalat f’Malta sabiex tqegħdhom għad-dispożizzjoni ta’ min għandu dritt jarahom, inklużi investigaturi u persuni awtorizzati oħra. Id-dokumenti tal-kumpaniji Parmalat ġewwa Malta għal issa jinsabu taħt il-kustodja ta’ l-MFSA. L-MFSA qegħda tagħti l-assistenza tagħha kollha lid-diversi entitajiet u Awtoritajiet li qegħdin jiflu u jeżaminaw din il-kwistjoni. L-MFSA għamlet u żammet kuntatt sħiħ mal-persuni u d-ditti li kellhom x’jaqsmu mal-Parmalat u rnexxilha tiġbor l-informazzjoni li kienet meħtieġa. Għaldaqstant ninsab sodisfatt bl-għemil ta’ l-MFSA f’dan il-każ ma hemm ebda indikazzjoni għala għandi naħseb li ma mxietx b’serjetà u b’responsabbiltà. L-istess nista’ ngħid għall-imġieba tal-Bank Ċentrali fil-każ tad-Daewoo. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fuq dan il-każ diġà ngħatat l-informazzjoni relattiva permezz tar-risposti għad-domanda numru 19392 tas-seduta 375 tat-28 ta’ Settembru 2000. Nirrepeti li f’dak iż-żmien il-Bank Ċentrali, li allura kien l-awtorità kompetenti fuq is-settur bankarju, ħa l-azzjonijiet kollha li bħala l-awtorità kompetenti kien jidhirlu li hu xieraq u skond il-liġi. Ninsab infurmat ukoll li l-istess tagħmel, u hekk qegħda tagħmel, l-MFSA li llum hija l-awtorità kompetenti fuq is-settur finanzjarju kollu, f’każijiet simili. Għaldaqstant ma għandi l-ebda dubju li kemm il-Bank Ċentrali kif ukoll l-MFSA imxew b’mod responsabbli u serju kif inhu xieraq u meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Ħaddiema fuq xogħol ma' pompi tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li l-persuni li bħalissa huma xogħol mal-pompi tad-drenaġġ f'inħawi differenti tal-pajjiż jitneħħew mix-xogħol li qed jagħmlu? Jekk iva, għaliex? Fil-każ, meta u fejn se jintbagħtu jaħdmu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proċess tar-riorganizazzjoni tas-Sezzjoni tad-Drenaġġ għadu fil-bidu tiegħu. Għaldaqstant f'dan l-istadju l-mistoqsijiet ta' l-Onor. Interpellant huma prematuri.

Taqsima tad-drenaġġ — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jserraħ ras il-ħaddiema fit-taqsima tad-drenaġġ li mhux se jitilfu l-impjieg tagħhom bid-tibdiliet li hemm maħsuba f'dan il-qasam, peress li fosthom hemm min qed jinkwieta dwar il-futur ta' l-impjieg tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħaddiema fit-Taqsima tad-Drenaġġ huma ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li ġew 'detailed' mall-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Għaldaqstant għandhom l-istess drittijiet li għandu kull ħaddiem ieħor fis-Settur Pubbliku. Naturalment il-Gvern għandu l-istess obbligi mal-ħaddiema kollha fis-Settur Pubbliku.

Maltapost — Persuni li tilfu l-benefiċċji soċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Maltapost biex tirrimedja għal dawk il-persuni li tilfu l-benefiċċji soċjali jew inqatgħu mir-reġistrar għax ma rċevewx kif suppost avviżi mibgħuta lilhom?

Response (GATT, AUSTIN)

F'kaz li jkun ippruvat li dak li qed jallega l-Onor. Interpellant ġara minħabba dewmien fit-tqassim tal-posta f'xi perjodu speċifiku, Maltapost dejjem lesta tgħarraf b'dan lid-dipartimenti konċernati.

Mellieħa — Proġett fi Triq Napuljun Caruana Dingli

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-kunsill lokali tal-Mellieħa għand il-MEPA għall-proġett li se jsir fi Triq Napuljun Caruana Dingli, fil-Mellieħa flimkien ma' l-awtorita' tad-djar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed titlob aktar informazzjoni rigward l-applikazzjoni li rrefera għalija l-Onor. Interpellant.

Mellieħa — Pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-pelican lights fit-triq ewlenija tal-Mellieħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li hemm 3 Pelican Lights li qed isir xogħol fuqhom fil-Mellieha u fil-preżent għaddej ix-xogħol fuq tnejn minn dawn, dik ta' Main Street u l-oħra fil-Bajja tal-Mellieha. Dan ix-xogħol qed isir mill-Electronics Section tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Servizzi tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fuq inkarigi separati ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali.

Bini ta' toroq ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid ma' liema kunsilli lokali d-dipartiment tat-toroq għandu l-ħsieb li jidħol bi sħab u b'finanzjament komuni għal-bini ta' toroq ġodda?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi diversi kunsilli qegħdin fil-proċess li jagħmlu l-proposti tagħhom biex jiġu nklużi f'dan il-program ta' ftehim. L-Awtorita` dwar it-Trasport għandha ħsieb tidħol f'dawn il-kuntratti ma' dawk il-kunsilli li jaslu biex jiffinalizzaw proposti għal dan il-għan.

Mellieħa — Proġett tal-pjazza parrokkjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jitkompla l-proġett tal-pjazza parrokkjali fil-Mellieħa flimkien mal-kunsill lokali tal-Mellieħa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tax-Xogħlijiet tinsab f'kuntatt mall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex jiġi stabbilit kif ser nipproċedu fuq it-tieni fażi ta' dan il-proġett bi sħab bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.