Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4902 u cioe' jistgħu l-awtoritajiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol f'pajjiżna jiġbdu l-attenzjoni ta' min iħaddem li jkun qed jabbuża meta jagħti s-sensji u flok jgħid li lill-ħaddiema bagħathom hu qed jgħid li telqu minn jeddhom meta dan ma jkunx veru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li meta l-uffiċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jinġiebu għall-attenzjoni tagħhom każijiet simili bħal dawk li irrefera għalihom l-Onor. Interpellant, il-persuni konċernati jingħataw parir jirreferu l-każ lill-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jew lit-Tribunal Industrijali, skond kif meħtieġ, għal rimedju għaliex dawn huma l-organi kompetenti li jistgħu jinvestigaw l-ilment msemmi u jagħmlu d-dikjarazzjoni rilevanti

ETC — Kumpannija li ma ġedditx il-kuntratt ta' impjegat

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4903 u cioe' tista' il-korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ tieħu passi kontra l-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament, li ma ġeddidtx il-kuntratt ma' l-impjegat tagħha li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu wkoll separatament, u wara li temmitlu l-impjieg niżżlet fil-formola tat-temm ta' l-impjieg li telaq hu minn jeddu u hekk telfitlu anke ċ-ċans li jirreġistra għax-xogħol fuq Part I?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif weġibt fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 5475 ta' l-istess Onor. Membru, l-organi kompetenti dwar din il-mistoqsija huma jew l-Awtorita' Nazzjonali għax-Xogħol jew it-Tribunal Industrijali.

Skola Mikiel Anġ Refalo — Student li qed jitlob għajnuna speċjali biex jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jwieġeb iċ-chairman tal-MATSEC board lill-iskola Mikiel Anġ Refalo ta' Victoria Għawdex dwar it-talba ta' l-aġent kap li ilha li saret mid-29 ta' Marzu 2004 biex l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, jingħata l-għajnuna speċjali li għandu bżonn biex jagħmel l-eżamijiet tal-MATSEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li t-talba ta' l-iskola Mikiel Anġ Refalo ta' Victoria, Għawdex waslet fl-uffiċju tal-Matsec fil-bidu ta' April 2004, iktar minn erba' xhur tard wara d-data tal-għeluq għal talbiet simili, li kienet il-25 ta' Novembru 2003. Din it-talba biex l-istudent jingħata xi konċessjoni minħabba li l-kitba tiegħu ma tantx tingħaraf xorta waħda tressqet lill-Kumitat Għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Matsec ingħata tweġiba fl-20 ta' April 2004. Din it-tweġiba issa twasslet lill-istudent.

UE — Applikazzjonijiet għal fondi strutturali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se jinħadmu l-applikazzjonijiet għal fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea? Peress li ġewwa l-pajjiżi kollha l-oħra - membri u kandidati - il-prinċipju mħaddan huwa li m'hemm l-ebda restrizzjoni biex korpi governattivi, privati u volontarji japplikaw għal dawn il-fondi, jista' jispjega fid-dettall kif individwi, aġenziji, dipartimenti u l-oqsma kummerċjali u non-governattivi kif ukoll l-imsieħba soċjali se jkunu jistgħu japplikaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ewwel sejħa għall-applikazzjonijiet għall-fondi strutturali ħarġu kollha minbarra xi sub-miżuri taħt miżura 3.3. L-applikazzjonijiet kienu miftuħa għall-organizzazzjonijiet pubbliċi, dawk volontarji u oqsma oħra non-governattivi li jinkludu l-imsieħba soċjali. Il-proċeduri ta’ l-applikazzjonijiet kienu spjegati fid-dettal f’linji ta’ gwida li ħarġet il-Managing Authority għal dawk kollha li kienu eliġibbli li japplikaw. Dawn il-linji ta’ gwida kif ukoll il-mili ta’ l-applikazzjoni nnifisha ġew spjegati f’sessjonijiet ta’ informazzjoni (information sessions) li saru kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għall-oqsma non-governattivi.

UE — Politika ta' koeżjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega fid-dettall il-politika ta' koeżjoni (cohesion policy) li se tiggwida l-fondi ta' koeżjoni u strutturali mogħtija lil Malta? Saret xi forma ta' konsultazzjoni bħalma sar u qed isir kemm fil-pajjiżi membri u dawk li se jidħlu fl-Unjoni fl-2004? Fil-każ, x'tip ta' konsultazzjoni saret u ma' min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Politika ta’ koeżjoni li ser tigwida l-fondi strutturali 2004-2006 u l-fond ta’ koeżjoni 2004-2006 hija spjegata fid-dettal fir-regolamenti kollha taħt kapitlu 21 ta’ l-Acquis Communitaire u ġiet tradotta fil-konkret fil-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni (Single Programming Document) ta’ Malta 2004-2006. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar hu spjegat fl-istess document. Dan id-dokument jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt. Barra minn hekk il-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-programm, li qed isegwi mill-qrib l-implementazzjoni tal-programm, hu kompost mis-settur pubbliku kif ukoll minn rappreżentanti tas-settur non-governattiv, inkluż għaqdiet u msieħba soċjali. L-abbozz tad-dokument dwar il-politika ta’ koeżjoni għal wara s-sena 2007 qed jiġi diskuss bħalissa fl-istrutturi u l-kumitati ta’ l-Unjoni Ewropea kollha wara l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena.

Applikazzjonijiet ta' l-INTERREG

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min se jkun jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-: INTERREG, LEADER + URBAN II u EQUAL? Kif se jiġi garantit il-proċess trasparenti ta' l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Inizjattivi Komunitarji Malta, bħad-disa’ pajjiżi membri ġodda l-oħra, qed tibbenefika minn tnejn minn dawn l-Inizjattivi Komunitarji, li huma l-Interreg III u EQUAL. L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III L-Inizjattiva Komunitarja Interreg III hija maqsuma fi tlett tipi ta’ kooperazzjoni: Kooperazzjoni bejn il-fruntieri , kooperazzjoni transnazzjonali, u kooperazzjoni interreġjonali. Fil-każ ta’ Malta, il-kooperazzjoni bejn il-fruntieri ser issir bejn Malta u l-Italja (Sqallija). Taħt il-kooperazzjoni transnazzjonali, Malta qiegħda tipparteċipa f’żewġ Programmi: Medocc u Archimed. Taħt il-kooperazzjoni interreġjonali, Malta hija membru taż-żona tan-Nofsinhar. Il-programmi msemmija hawn fuq kollha għandhom struttura separata li tikkoordina l-proċess ta’ l-applikazzjonijiet. Dawn jikkonsistu f’Awtorità ta’ Ġestjoni, Awtorità tal-Pagament, u Joint Technical Secretariat għal kull programm, kif ukoll Kumitat ta’ Programmazzjoni u Kumitat ta’ Sorveljanza. L-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni jippubblikaw is-sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-websites tagħhom. Il-Joint Technical Secretariat tagħmel l-evalwazzjoni preliminarja ta’ dawn l-applikazzjonijiet. Dawn imbagħad jiġu diskussi u evalwati wieħed wieħed f’kumitat flimkien mal-koordinaturi nazzjonali. Bir-rappreżentazzjoni tal-koordinaturi nazzjonali fil-kumitati, l-pajjiżi kollha (inkluża Malta) jissorveljaw u jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-programmi. Il-proċess trasparenti huwa garantit ukoll billi sejħa għall-applikazzjonijiet hija pubblika. L-Inizjattiva Komunitarja EQUAL Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-proġetti taħt il-Programm EQUAL ser tiġi pproċċessata mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali bħala waħda mill-funzjonijiet li ġew iddelegati lilu mill-Awtorità ta’ Ġestjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali għandu joħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Wara li tagħlaq din is-sejħa, l-istess Ministeru għandu jevalwa l-proġetti, jinnumerhom skond l-importanza u jgħaddihom lill-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-approvazzjoni.

UE — Fondi strutturali

Question

Jista' il-gvern jagħti dettalji ċari kif se juża l-fondi strutturali u dawk ta' koeżjoni? Min jiddeċiedi fejn u kif se jintnefqu l-fondi? Għaliex il-gvern ma ħalaqx mekkaniżmu parlamentari kif qed jużaw l-Ungerija, l-Estonia, il-Latvia u Ċipru biex jikkordinaw dawn il-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawn id-dettalji jinsabu fil-Programme Complement li jinsab fuq il-website: ppcd.gov.mt u li ġie approvat mill-Kumitat ta’ Sorveljanza (li l-Gvern ħoloq apposta) fit-23 ta’ Jannar 2004 u amendat mill-istess kumitat fil-21 ta’ April 2004. Dan id-dokument jinkludi wkoll il-kriterji li fuqhom ser issir l-għażla tal-proġetti taħt kull miżura. Is-selezzjoni tal-proġetti ssir minn kumitat apposta u l-approvazzjoni finali tal-proġetti issir mill-kabinett tal-Ministri. Il-proċess ta’ koordinament tal-fondi mhux preskritt mir-Regolamenti Ewropej, għalkemm irid jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea bħala parti min-negozjati dwar il-Programm Uniku ta’ Programmazzjoni ( Single Programming Document ). Kull Stat Membru joħloq is-sistema ta’ koordinament tiegħu skond il-liġijiet ta’ pajjiżu.

Proġetti ta' priorita' nazzjonali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru li f'Malta huwa l-gvern li ddeċieda fejn u kif se jintnefqu l-fondi strutturali u ta' koeżjoni biex jgħattu d-deficit tal-gvern fi proġetti ta' priorita' nazzjonali? Jista' jagħti rendikont ċar fejn se jmorru dawn il-flus u jikkonferma li l-komunita' kummerċjali u dik non-governattiva s'issa tħalliet barra minn din l-area biex il-gvern juża l-flus kollha hu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Fondi Strutturali ta’ kull pajjiż jintefqu skond programm strateġiku li jħejji l-Gvern u li fuqu jrid jintlaħaq qbil mal-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel abbozz ta’ dan il-Programm intbagħat lill-Kummissjoni f’Mejju 2003 wara li kien ukoll diskuss fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku. L-istess programm kien ukoll miftuħ għall-kummenti mill-pubbliku permezz ta’ website u pubbliċità li saret fil-paviljun tal-Gvern fil-fiera nazzjonali ta’ Malta f’Lulju tas-sena l-oħra fejn tqassmu kopji tad-dokument u fuljetti ta’ informazzjoni. Dan id-dokument kif ukoll il-Programme Complement jinsabu fuq il-website ppcd.gov.mt. Fost il-prijoritajiet hemm ukoll diversi miżuri u azzjoni fejn il-komunità non-governattiva (kummerċjali, agrikola, dik tas-sajd u organizzazzjonijiet oħra) se tkun il-benefiċjarja prinċipali. Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant hu mistieden jaġġorna ruħu mal-fatti qabel jagħmel dikjarazzjonijiet żbaljati u partiġjani kif għamel fil-mistoqsija tiegħu.

Dipartiment tas-saħħa — Slow release methylphenidate

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom mhix qed tiġi mportata s-slow release methylphenidate li tintuża għall-persuni ADHD? Meta hemm il-ħsieb li tibda tiġi mportata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kif kien ikkonfermat mill-Medicines Authority methylphenidate slow release ma tistax tiġi mportata f'Malta għax m'hemm l-ebda CCP (Certificate of Pharmaceutical Product) għal dan il-prodott. Sal-ġurnata tal-lum il-Medicines Authority ma kellha l-ebda talba għar-reġistrazzjoni tal-methylphenidate sr fis-suq Malti.

Dipartiment tas-saħħa — Mediċina non-stimulant strattera

Question

Jikkonsidra l-Ministru li tibda tiġi mportata l-mediċina non-stimulant Strattera peress li hemm każi fejn ir-Ritalin ma taħdimx u Strattera tista' tkun sostitut tajjeb?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li kif kien ikkonfermat mill-Medicines Authority, Strattera ma tistax tiġi mportata f'Malta għax m'hemm l-ebda CPP (Certificate of Pharmaceutical Product) għal dan il-prodott. Sal-ġurnata tal-lum il-Medicines Authority ma kellha l-ebda talba għar-reġistrazzjoni ta' Strattera fis-suq Malti.

WSC — CCTV cameras

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twaħħlu CCTV cameras fil-kuriduri u fil-bini tal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma f'Ħal Luqa? Jista' jgħid x'użu hemm għal dawn il-cameras fil-partijiet tal-bini li jintużaw biss mill-ħaddiema tal-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

L-informazzjoni mitluba hi ta' natura kunfidenzjali għaliex tirrigwarda sigurta'. Għaldaqstant mhix informazzjoni li tista' tingħata pubblikament.

Ħitan tas-sejjiegħ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed jingħataw il-bdiewa li jkunu jridu jsewwu l-ħitan tas-sejjiegħ tagħhom b'ġebel addattat iżda ma jsibux minn dan il-ġebel u x-xogħol ma jsirx jew idum ma jsir u jintilef ħafna ħamrija u tikber il-ħsara fl-għelieqi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kien hemm sejħiet għall-offerti ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea għal qabel is-sħubija li fetħu fit-23 ta' Jannar 2004, u għalqu fl-20 ta' April 2004. L-għajnuna kienet tikkonsisti f' pagament ta' 20 Ewro għal kull metru kwadru għar-restawr ta' selħiet f' ħitan tas-sejjiegħ li jkunu ta' lqugħ għall-ħamrija. Din l-għajnuna jistgħu japplikaw għalija wkoll bħala parti mill-assistenza ta' wara is-sħubija pero’ din l-għajnuna hija ta' natura finanzjarja biss u tkopri parti mill-ispiża totali biex jitranġaw is-selħiet. Ix-xogħol u l-materjal biex jitranġaw dawn is-selħiet hija f' idejn l-applikant, peress li ħafna drabi il-ġebel ikun preżenti fuq is-sit. Il-materjal jista’ jinxtara mill-barrieri.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħaddiema ingħataw sensji matul Marzu 2004 u kemm kien hemm minnhom fl-eta' bejn is-16 u t-30 sena, bejn il-31 u l-44 sena, bejn l-45 u l-55 sena u minn 56 sena 'il fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' kemm ħaddiema ingħataw sensji matul Marzu 2004 hu kif ġej:- Sensji Marzu Taħt il-25 sena Minn 25 sena 'il fuq Total 2004 71 129 200

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 4601, jista' il-Ministru jgħid kemm minn dawk li ngħataw sensja f'Jannar u Frar 2004 kien hemm minnhom fl-eta' bejn is-16 u t-30 sena, bejn il-31 u l-44 sena, bejn il-45 u l-55 sena u minn 56 sena 'il fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' ħaddiema li ngħataw sensji matul ix-xahar ta' Jannar u Frar 2004 kienu: Sensji Taħt il-25 sena Minn 25 sena 'il fuq Total Jannar 2004 128 217 345 Frar 2004 98 142 240

ETC — Persuna li ma tħallietx tirreġistra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta mar jirreġistra qalulu li ma jistax jirreġistra u lanqas mhu intitolat għal xi benefiċċji soċjali tal-qgħad?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-persuna msemmija qatt ma ġiet imwaqqfa mill-Korporazzjoni milli tirreġistra. Fil-fatt il-persuna msemmija waqfet tirreġistra fit-3 ta' Novembru 2003. Il-Korporazzjoni mhux inkarigata mill-benefiċċji soċjali.

Skejjel — Għalliema li qed tagħmel xogħol klerikali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-għalliema li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ngħatat xogħol klerikali fl-iskola li isimha wkoll qed jintbagħat separatament? Tista' tintbagħat f'xi skola oħra fejn tkun tista' tgħallem?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-persuna konċernata ma għaddietx mill-interviewmeta applikat biex terġa tidħol tgħallem it-Taljan fl-iskejjel statali. Ġejt informat wkoll li hija iżda intagħżlet biex tgħallem suġġett ieħor. Bħalissa, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari ta' din il-persuna, id-Diviżjoni ħasset li kellha temporanjament tagħtiha xogħol alternativ għal raġunijiet umani.

Mosta — Triq il-Fortizza - Stabbilimenti li jenħtieġu servizz tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li s-servizz nazzjonali tad-drenaġġ jingħata lill-istabbilimenti kummerċjali li joperaw fi Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza, fil-Mosta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li bħalissa qed tinbena il-pumping station li hi neċessarja biex l-istabilimenti msemmija jkollhom serviżż tad-drenaġġ. Din hi ppjanata li tibda topera sa l-aħħar ta' Mejja 2004.

Mosta — Triq il-Fortizza - Barriera perikoluża

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex ineħħu l-periklu kbir li hemm bl-ispeċi ta' barriera fonda li tħaffret fi Triq il-Ġdida, fi Triq il-Fortizza u paralella ma' Triq in-Naġġar, fil-Mosta li fiha jistgħu jaqgħu persuni u vetturi li jgħaddu mill-inħawi, meta dan jista' jiġi evitat jekk is-sid itella' ħajt għoli madwar is-sit kif suppost?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet stħarriġ u rintraċċat sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Huwa ġie mwissi sabiex jibni lqugħ mad-dawra ta` din l-art.

Mellieħa — Passi kontra persuni li jikkampjaw fl-Aħrax

Question

Peress li hemm ħafna li qed imorru jikkampjaw fl-Aħrax tal-Mellieħa u jivvandalizzaw is-siġar u jħallu ħafna ħmieġ, tista' il-pulizija tieħu l-passi meħtieġa kontra dawn il-persuni li jikkampjaw hemmhekk? X'permessi qed jitolbu biex jikkampjaw fl-inħawi? Għandhom dritt jibqgħu kkampjati wara li jidlam?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern din is-sena ma ħarġet l-ebda permess sabiex isir ikkampjar fl-Aħrax tal-Mellieħa. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fil-post imsemmi sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm ksur ta` liġi, u fil-każ li jkun hemm, jittieħdu l-passi meħtieġa.

Mosta — Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza

Question

Jista' id-dipartiment tal-kunsilli lokali jara li għallinqas il-kunsill lokali tal-Mosta jindenja jwieġeb għat-talba ta' dawk li joperaw fl-inħawi ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza fil-Mosta li għandhom bżonn isem għat-triq tagħhom biex ikunu jistgħu jindikaw sew fejn huma għal dawk li jkunu jridu jaħdmu għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Mosta sejjer jibgħat il-proposti tiegħu dwar isem ġdid għal triq ġdida fi Triq il-Fortizza skond kif stipulat fir-Regolamenti ta` l-1995 dwar Tismija ta` Toroq.