Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li bħalissa għandhom il-liċenzja ta' part-time fishermen humiex se jidħlu restrizzjonijiet fuqhom fuq il-metodi tas-sajd tagħhom? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' x'metodi se jkun permess għalihom li jużaw fis-sajd tagħhom? Meta huwa maħsub li jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti ġodda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bastimenti li llum huma ikklassifikati bħala PTF ser jiġu kklassifikati bħala MFC. Dan iffisser Malta Fisheries Category "C" u dan meta r-regolamenti l-ġodda jitqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra.
Din il-kategorija ser tkun mgħarufa bħala dik tas-sajd rikrejazzjonali. Dan huwa l-każ għaliex dawn mhumiex sajjieda full time li jaqbdu l-ħut għall-għixien tagħhom u fuq skala kummerċjali.
Ir-regolamenti tal-irkaptu tas-sajd, kemm għas-sajjieda full-time u dawk part-time, fil-preżent qiegħdin jiġu diskussi fil-Bord tas-Sajd u meta din id-diskussjoni tingħalaq, inkun nista’ npoġġi dan ir-regolament fuq il-mejda tal-Kamra.
Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp — Talba għall-bini ta' fabbrika
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi kkonsidrata t-talba urġenti li għamlet għall-fabbrika l-kumpannija ta' l-għamara li isimha qed jintbagħat separatament, għall-bini addattat ta' fabbrika, li ilha li kitbet liċ-chairman tal-korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp mis-27 ta' Novembru 2003?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar Vjolenza Domestika li ilu li tħejja minn Marzu 2000?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jaħdmu normali dawk li fadal mill-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO u ma ntgħażlux għall-Malta Enterprise? X'sar minn Jannar 2004 sal-lum biex jinstab impjieg alternattiv għal dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Msida — Post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-informazzjoni msemmija hawn taħt rigward il-post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali ta' l-Imsida li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-05/03/04: i) għaliex ma ngħatax acknowledgement ta' l-applikazzjonijiet mitfugħa? ii) għaliex l-interviewing board ma ntervistax lil kull applikant? iii) xi kriterji uża l-interviewing board fl-għażla tas-segretarju li diġa' qed jokkupa din il-kariga? iv) għaliex għadha ma ħarġet l-ebda notifika lill-applikanti li għal xi raġuni ma ġewx magħżula?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita` legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita`.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bini ta' Palazzo Pescatore / Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar għandhux il-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet turistiċi biex jopera bħala disco?Jekk għandu l-permessi meħtieġa jista' jgħid meta ħarġu dawn il-permessi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita` tat-Turiżmu, li ħadet ir-risponsabilta` mill-Pulizija ta' liċenzji ta' bars u discos mis-sena 2002, ġeddet il-liċenzja tal-"Palazzo Pescatore" kif kienet fis-snien ta' qabel tinħareġ mill-Pulizija. Din tkopri, fost affarjiet oħra, sub licence ta' Lm 500 "to hold dances from 6.00 pm to 11.00 pm daily".
L-operatur qed jinterpreta din is-sub licence bħala waħda li jista' jżomm disco, filwaqt li l-Pulizija, li oriġinarjament ħarġuha, qed jinterpretawha li ma tagħtix l-operatur id-dritt li jżomm disco. Il-każ qiegħed il-Qorti u l-kawża għadha qed tinstema. Għaldaqstant inħoss li, sakemm ikun hemm is-sentenza tal-Qorti, għandi b'korrettezza u etika, nieqaf hawn.
Tista' l-Awtorita' dwar it-Trasport tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha li tneħħi r-reserved parking minn quddiem id-djar li għandhom garaxx għax l-ewwelnett hemm każi serji fejn persuni bi bżonnijiet speċjali ma jistgħux jinżlu fil-garaxx biex jirkbu ġol-karozza u ħafna aħjar għalihom li jirkbu bil-karozza tistennihom eżatt quddiem il-bieb fejn illum għandhom ir-reserved parking u t-tieni nett hemm sidien li l-garaxx tagħhom qed jintuża biss minn terzi persuni? japrezza li d-deċiżjoni ta' l-Awtorita' dwar it-trasport qed tikkaġuna tbatija ġdida bla ħtieġa lill-persuni diżabbli u lill-anzjani?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-policy li ma jingħatax reserved parking meta l-applikant ikollu garage, parti mir-residenza permanenti tiegħu kienet ġiet stipulata mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u meta l-bord tar-reserved parking għadda taħt l-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta, l-istess awtorita' ma bidlitx din il-policy.
Rigward l-użu tal-garage minn terzi persuni, il-policy tibqa' l-istess jekk it-terzi persuni għandhom ir-residenza permanenti fl-istess indirizz ta' l-applikant.
Sistema CCTV — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif inxtrat is-sistema tas-CCTV li twaħħlet fil-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk saritx sejħa għall-offerti u meta? Min tefa' l-offerti u b'liema prezzijiet u kundizzjonijiet u min intgħażel u b'liema prezz u kundizzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Is-sistema tas-CCTV inxtrat wara sejħa għall-oferti nru. 32/03. Seba' kumpaniji tefgħu l-offerti tagħhom. Intgħażlet il-kumpanija li offriet l-orħos offerta.
L-informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet hija ta' natura kummerċjali għalhekk ma jistax jingħata dettalji dwarhom.
Korporazzjoni Enemalta — Triq San Franġisk - San Pawl il-Baħar
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Korporazzjoni Enemalta wara l-oġġezzjoni li rċeviet bid-data tal-14 ta' April 2004 dwar twaħħil ta' arblu ġdid tad-dawl li jgħarraq il-panorama fi Triq San Franġisk f'San Pawl il-Baħar. (Ittra miktuba minn Dr David Cassar, Apartment 2, Sea View Court, St Francis Street, St Paul's Bay)?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li biex tkun tista' tilqa' t-talba li saretilha, l-Enemalta applikat għand l'Awtorita Dwar it-Trasport biex tingħata permess tagħmel trinka meħtieġa. Kif jinħareġ dan il-permess ix-xogħol meħtieġ jkun jista' jitkompla u b'hekk ikun jista' jitneħħa l-arblu.
Huwa permess li banek qed jiktbu lill-persuni li kienu ħadu laon skond kif tħabbar fil-budget 1997 biex jistudjaw l-Universita' u issa qed jgħidulhom li jridu jagħlqu l-kontijiet issa u jħallsu dak li baqagħlhom jagħtu? Jista' il-Ministeru jinvestiga dawn il-każi u jara jekk il-banek humiex korretti f'dak l qed jagħmlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-ftehim li l-Gvern kien għamel mal-banek f'Mejju 1998, il-Gvern intrabat li jħallas l-imgħax tas-self ta' studenti universitarji li jiddeċidu li jieħdu s-self bħala parti integrali tas-sistema tal-ħlas ta' l-istipendji. Il-Gvern intrabat li jħallas dan l-imgħax għal matul il-kors u sa sentejn wara, jew sa kemm l-istudent isib impjieg wara li jkun iggradwa, liema data tiġi l-ewwel.
Informat ukoll li bil-ftehim il-Gvern qatt ma' ggarantixxa s-self; tant hu hekk li l-imgħax mitlub mill-banek kien
0.5%
'l fuq mir-rata basi ta' self. Għalhekk kien dejjem fid-diskrezzjoni tal-banek li jitolbu lura s-self meta jidhrilhom. Jekk l-Onor. Membru għandu xi każ partikulari fejn student għadu jistudja u l-bank talbu jħallas lura s-self, inkun lest li ninvestiga l-każ.
X' pożizzjoni se jieħu l-Gvern Malti u l-Ministeru tal-Finanzi fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi fejn hemm proposta mill-Kummisjoni Ewropea li tiddaħħal it-taxxa tal-VAT fuq is-servizzi postali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea li tiddaħħal il-VAT fuq is-servizzi postali hija li tinżamm il-pożizzjoni preżenti, jiġifieri eżenti mingħajr kreditu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ilqugħ imsemmi fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 4908 għadu sal-lum ma sarx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hux magħruf għaliex is-sid naqas milli jibni qlugħ mad-dawra ta' din l-art. Pero' in vista ta' dan in-nuqqas, il-Pulizija qed tieħu proċeduri quddiem il-Qorti kontra s-sid.
Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħu separatament tingħata l-home help li għandha bżonn u li fil-fatt kellha għax l-arranġament preżenti mhux adekwat għall-bżonnijiet tagħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-anzjana li dwarha qiegħed isaqsi kienet tirċievi 6 sigħat fil-ġimgħa għajnuna fid-dar. Peress li l-Part Time Social Assistant li kellha itterminat l-impjieg, ingħatat sagħtejn fil-ġimgħa temporanjament sakemm tiġi allokata Part Time Social Assistant oħra biex eventwalment jerġgħu jingħataw in-numru ta' sigħat f'servizz allokati lilha.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mediċina Aridia hix tintuża għall-kura ta' persuni li jbatu bi problemi tal-bone density u li tiġi amministrata lilhom intra-venous fl-isptar San Luqa? Kemm ilha tintuża din il-mediċina? Kull pazjent kemm qed jintalab iħallas biex jingħata din il-mediċina? Minn meta bdew jintalbu ħlasijiet? Il-pazjenti kollha qed jintalbu jħallsu? Fuq liema bażi jiġi deċiż min iħallas u min ma jħallasx?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid liema stabbilimenti fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala discos?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozji msemmija, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sit magħruf bħala Palazzo Pescatore/Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar għandux il-permessi meħtieġa biex jopera bħala disco?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qatt ma ħarġet permessi biex il-Palazzo Pescatore jopera bħala disco.
Palazzo Pescatore / Ex Puschka — Enforcement Notice 297/04
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq l-Enforcement Notice 297/04 wara spezzjoni f'sit magħruf bħala Palazzo Pescatore / Ex Puschka f'San Pawl il-Baħar u nstabulu twieqi magħluqa biċ-ċnagen tal-franka u bricks bla permess? Jekk għadhom ma ttieħdux il-passi meħtieġa, meta se jittieħdu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-5 ta' April 2004, nħareġ Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq b' referenza ECF 297/04, mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), talli ġew magħluqa twieqi bil-ġebel u bricks, kif ukoll minħabba t-twaħħil ta' airconditioning unit mingħajr permess. Fil-21 ta' April il-MEPA kienet infurmata li dan l-Avviż ma ġiex "claimed" bil-posta u għaldaqshekk l-Avviż se jiġi mgħoddi lis-sid personalment, u fin-nuqqas, jitwaħħal mal-faċċata tal-post skond il-liġi.
Budget rebate tar-Renju Unit — Fondi lill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' il-Ministru jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħall-pajjiżi l-oħra membri ta’ l-Unjoni Ewropea, Malta ser tikkontribwixxi sehemha lejn il-budget ta’ l-Unjoni u ser tieħu lura wkoll fondi mill-istess budget għal diversi inizjattivi. Ir-riżultat ser ikun li Malta ser iddaħħal mill-Unjoni madwar Lm90 miljun aktar milli ser toħroġ u ebda kontribut m’hu ser imur minn Malta lejn il-budget ta’ xi pajjiż ieħor membru ta’ l-Unjoni.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4771 u cioe' jista' jikkonferma li parti mill-fondi 2.4 miljun euro fis-sena li Malta se tagħti lill-Unjoni Ewropea se jmorru għall-budget rebate tar-Renju Unit biex tieħu lura dak li ħallset żejjed lill-fondi tal-UE? Għal kemm snin mistennija nħallsu dawn iż-2.4 miljun euro fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt bi tweġiba għall-mistoqsija numru 4771 fl-istess seduta.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 4901 u cioe' jista' jgħid kemm l-awtorita' nazzjonali tax-xogħol għandha każijiet quddiemha ta' persuni li min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom niżżel li telqu minn jeddhom u hekk tellifhom id-dritt li jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel parti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm għoxrin appell quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol, ta' persuni li allegatament min iħaddimhom temmilhom l-impjieg tagħhom iżda flok qal li bagħathom iddikjara li telqu minn jeddhom.