Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet qed isiru fuq staff sergeant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Dwar xiex qegħdin isiru? Fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet? X'konklużjonijiet irriżulta minnhom? X'passi se jittieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Forzi Armati qed jinvestigaw allegazzjoni li dehret f’ġurnal lokali xi ġranet ilu. L-investigazzjoni għadha sejra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li kienu jaħdmu fil-qasam tat-tarznari u issa qed jaħdmu fis-settur privat b'nofs il-paga mħallsa mill-fondi pubbliċi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għaddej xogħol preparatorju fuq din l-iskema u għalhekk sal-lum l-ebda mpjegat ma qiegħed jaħdem fis-settur privat kif indika l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex l-Universita' ta' Malta ma tibqax fis-sitwazzjoni prekarja finanzjarja li tinsab fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Ministeru qed iħejji evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni permezz ta' grupp ta' xogħol immexxi mis-Sur Roderick Chalmers. Ir-rapport inizjali mistenni jkun lest sa l-aħħar tas-sena.
Air Malta offers flypass points to its passengers, and, government officials including ministers and parliamentary secretaries can make use of these points for their own personal holidays. Is this system considered to be the best one?
Response (GATT, AUSTIN)
Persons who are Fly-Pass members are members on a personal basis. As such any Fly-Pass member, whoever he is, will be attributed through the KM system the applicable Fly-Pass points. It is not up to Air Malta to decide whether this is the best system for Government Officials.
Tista' il-Maltapost tikkonsidra li għas-sena d-dieħla toħroġ sett ta' bolol biex tfakkar il-500 sena mit-twelid tat-tabib Ġużeppi Callus li kien ingħata l-mewt mill-gran mastru La Valette għax qabeż għall-Maltin li kienu qed jiġu ntaxxati ħafna mill-Kavallieri waqt li kienu qed jitilfu l-ftit sehem li kellhom fit-tmexxija ta' pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra meta l-pensjonanti tal-korporazzjoni Enemalta se tiġi aġġustata l-pensjoni tagħhom skond il-ftehim kollettiv li ġie ffirmat fl-1 ta' Jannar 2002? Ma jaħsibx li għadda żmien biżżejjed biex dan l-aġġustament jiġi fis-seħħ biex il-pensjonanti tal-korporazzjoni Enemalta jieħdu dak li huwa tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li wara li l-Ftehim Kollettiv mal-Genaral Workers Union ġie firmat fit-3 t'April 2003, l-informazzjoni dwar iż-żidiet mogħtija fil-Ftehim Kollettiv 2002 - 2005, ġew mgħoddija lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fis-7 ta' Mejju 2003, ħalli l-pensjonijiet jiġu aġġustati adekwatament.
Internal Audit Investigative Directorate — Uffiċjali
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid xi vjaġġi f'pajjiżi oħra għamlu matul din is-sena l-uffiċjali li jaħdmu mal-Internal Audit Investigative Directorate li jaqa' taħtu? Liema uffiċjali siefru, kemm siefru u fejn marru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Irrid ngħid li naħseb li la huwa xieraq u lanqas huwa meħtieġ li nipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-ismijiet ta’ dawk l-uffiċjali li kienu nvoluti f’dawn il-vjaġġi. Inżid ukoll li l-parti l-kbira ta’ l-ispiża għal dan is-safar uffiċjali ġiet iffinanzjata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Prodotti ta' ikel u xorb f'kontenituri tal-ħġieġ — Ħlas ta' taxxa
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid fuq liema prodotti ta' ikel u xorb f'kontenituri tal-ħġieġ impurtati mill-pajjiżi l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea hemm il-ħsieb li tidħol taxxa fuq il-ħġieġ? B'liema rata se tkun din it-taxxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5957 f’din is-seduta.
Msida — Post ta' segretarju eżekuttiv fil-kunsill lokali
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5667 dwar post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsill Lokali ta' l-Imsida, jista' id-dipartiment tal-kunsilli lokali jinvestiga dan il-każ imsemmi fl-istess mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għamel l-iskrutinju kemm tal-proċess ta' l-għażla tas-Segretarju Eżekuttiv kif ukoll tad-dokumentazzjoni mibgħuta, u ta l-parir tiegħu biex il-kandidata proposta mill-Kunsill tingħata l-ħatra.
Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp — Talba għall-bini ta' fabbrika
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5841 u cioe' jista' jgħid meta se tiġi kkonsidrata t-talba urġenti li għamlet għall-fabbrika l-kumpannija ta' l-għamara li isimha qed jintbagħat separatament, għall-bini addattat ta' fabbrika, li ilha li kitbet liċ-chairman tal-korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp mis-27 ta' Novembru 2003?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 4388 li kienet ingħatat fit-3 ta' Marzu 2004.
Tista' il-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar vjolenza domestika li ilu li tħejja minn Marzu tas-sena 2000?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-intenzjoni tiegħi hi li l-Abbozz tal-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika jiġi ppublikat u mressaq quddiem il-Parlament fl-aqsar żmien possibbli wara li jiġi finalizzat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5843 u cioe' jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jaħdmu normali dawk li fadal mill-persuni li qabel kienu jaħdmu mal-MDC, IPSE jew METCO u ma ntgħażlux għall-Malta Enterprise? X'sar minn Jannar 2004 sal-lum biex jinstab impjieg alternattiv għal dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, JOHN)
Sa mill-bidu ta' din is-sena, il-Ministeru, f'kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u l-MIMCOL, qegħdin jieħdu diversi inizjattivi biex l-impjegati ta' l-MDC, METCO u IPSE jinstabilhom xogħol mad-Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern. Bħalissa hemm inizjattiva oħra bejn il-FOI u l-IPSL biex dawn l-impjegati jiġu ingaġġati mall-privat.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5845 u cioe' jista' jgħid f'liema oqsma ekonomiċi ngħataw sensji minn Jannar 2004 sa l-aħħar ta' April 2004 u x'kien in-numru tal-persuni milquta f'kull qasam?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu tas-sena sa l-aħħar ta' April ,2004, 982 persuna, 513 mis-settur industrijali u 469 mis-settur tas-servizzi, irreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC. Minn dan l-istess numru 486 persuna ma baqgħux jirreġistraw u allura sa l-aħħar ta' April 2004 il-bilanċ li baqa' jirreġistra' kien ta' 496 persuna.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5844 u cioe' jista' jgħid kemm ingħataw sensji f'April 2004 u maqsuma skond l-etajiet - dawk taħt it-30 sena u dawk ta' 'il fuq minn 30 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'April 2004, 91 persuna ingħataw is-sensja mis-settur industrijali u 106 persuna mis-settur tas-servizzi. Tagħrif dwar l-etajiet ma wasallix u inkun nista' nagħtih f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li t-tfal kollha ta' Birżebbuġa li suppost qed jattendu l-iskola primarja, fil-fatt qed jagħmlu hekk? Ittieħdu xi passi dwar tfal li jgħixu fil-familji li t-tagħrif dwarhom qed jingħata separatament biex jibdew jattendu l-iskola primarja peress li dawn ma jattendux regolarment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-attendenza tat-tfal li huma miktubin fl-iskejjel Primarji A u B Birżebbuġa issir kuljum u regolarment jintbagħtu noti ta' assenteiżmu lil ġenituri tat-tfal li jkunu fallew. Fi tmiem ix-xahar isir rendikont u jekk tifel jew tifla tkun falliet mill-iskola għal aktar minn tlett ijiem mingħajr ċertifikat mediku jiġu kkuntattjati l-ġenituri ħalli jagħtu raġuni għal dan in-nuqqas. Jekk ir-raġuni ma tingħatax jew ma tkunx ġustifikata, jintbagħat rapport lis-Section Co-Ordinator (Accredited Social Worker) fil-Head Office sabiex jittieħdu l-passi neċessarji. Sal-lum iż-żewġ skejjel hawn fuq imsemmija dejjem hekk imxew, anke mat-tfal li joqgħodu fiż-żewġ toroq imsemmija separatament mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5558 u cioe' jista' jgħid jekk il-mediċina Aridia hijiex tintuża għall-kura ta' persuni li jbatu bi problemi tal-bone density u li tiġi amministrata lilhom intra-venous fl-isptar San Luqa? Kemm ilha tintuża din il-mediċina? Kull pazjent kemm qed jintalab iħallas biex jingħata din il-mediċina? Minn meta bdew jintalbu ħlasijiet? Il-pazjenti kollha qed jintalbu jħallsu? Fuq liema bażi jiġi deċiż min iħallas u min ma jħallasx?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-mediċina Aredia ġiet introdotta fl-isptar San Luqa fil-bidu tas-snin 90. Għall-ewwel bdiet tintuża f'pazjenti li jsofru minn Paget's disease. Maż-żmien bdiet tintuża wkoll f'pazjenti li jkollhom livell ta' calcium għoli fid-demm, kif ukoll għal xi pazjenti li kellhom severe osteoporosis.
Skond il-protokol stabbilit mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-2002, il-pazjenti ntitolati għal Aredia huma pazjenti li:
ibatu minn Paget's
disease of bone
;
għandhom
cancer
fil-għadam;
żviluppaw
osteoporosis
minħabba kura ta' xi kundizzjoni li taqa' taħt Schedule V (per eżempju
asthma
,
rheumatoid arthritis
,
s
ystemic lupus
,
ulcerative colitis
,
multiple sclerosis
);
għandhom livell ta'
calcium
għoli fid-demm.
Pazjenti li jsofru minn primary osteoporosis mhumiex eliġġibli għal din il-kura bla ħlas. Bħal ma ġara f'sitwazzjonijiet simili, id-Dipartiment aċċetta li pazjenti li kienu diġa qed jircievu dan it-trattament qabel ma daħal il-protokol jibqgħu joħduh mill-isptar bla ħlas, pero li pazjenti ġodda ma jibdewx b'dan it-trattament jekk mhux eliġġibli.
Il-prezz ta' din il-mediċina huwa bejn wieħed u ieħor ta' LM1 kull mg u d-doża għall-osteoporosis tvarja bejn 30 u 60mg kull erba' jew sitt xhur, skond il-każ.
Jistgħu jsiru l-ispezzjonijiet neċessarji biex jiġi stabbilit jekk l-iżviluppaturi humiex jimxu ma' l-obbligi kollha tal-permess tal-MEPA li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret, minn uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), jirriżulta li x-xogħolijiet li għaddejjin fuq is-sit tal-Lukanda Cavalieri, San Ġiljan, liema xogħolijiet huma komformi mal-kondizzjonijiet tal-permess PA7622/03 maħruġ fit-12 ta' April 2004, u l-pjanti approvati li jiffurmaw parti mill-istess dokument.