Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji f'Mejju 2004 u bl-etajiet - taħt it-30 sena u 'il fuq minn 30 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li ġew jirreġistraw wara li sfaw issensjati (redundants) f'Mejju 2004 maqsuma skond l-etajiet kien hekk :-
Sensji Taħt il-25 sena Minn 25 sena 'il fuq Total
Mejju 2004 60 123 183
MCAST — Studenti li qed isegwu kors ta' Electrical and Electronics Technician Diploma
Question
Jista' il-Ministru jgħid kif wieġeb l-istut tal-inġinerija tal-MCAST għall-ittra li ntbagħtet xahar ilu (14 ta' Mejju 2004) f'isem studenti li jattendu t-tielet sena tal-kors ta' l-Electrical and Electronics Technician Diploma ta' l-istess istitut u li kopja tagħha ntbagħtet lil diversi istituzzjonijiet u persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi koppja ta' l-ittra tal-Prinċipal ta' l-MCAST dwar il-każi.
S'issa xi qtugħ sar fil-livell tan-nefqa pubblika vvutat f'dan il-parlament is-sena li għaddiet fil-Budget għas-sena 2004? Sa l-aħħar tas-sena, kemm hu mmirat li jkun dan il-livell ta' qtugħ biex jitnaqqas id-deficit pubbliku? F'liema voti sar dan il-qtugħ s'issa? F'liema voti hemm il-ħsieb li se jsir qtugħ ieħor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fid-dawl taċ-Ċirkulari 2//2003, bid-data ta’ l-24 ta’ Jannar 2003, il-Ministeru tal-Finanzi ilu mis-sena l-oħra jattwa s-sistema ta’ Budget li tmexxi id f’id id-dħul mal-ħruġ tal-finanzi pubbliċi. Din is-sistema mhix daqstant immirata biex tnaqqas id-deficit finanzjarju, iżda aktar biex iżżomm fl-istess livell id-deficit li kien ipproġettat meta ġie mniedi l-Budget għal din is-sena, f’Novembru li għadda.
Il-Ministeru tal-Finanzi, meta jiddiriġi lill-Ministeri kollha f’dan ir-rigward, l-ewwelnett, joqgħod attend biex ma jagħmilx suġġerimenti li jxekklu l-operat effiċjenti ta’ l-amministrazzjoni pubblika, u, it-tieninett, iħalli f’idejn id-diskrezzjoni tal-Ministeri konċernati x’attivitajiet għandhom jiġu attwati bil-fondi disponibbli.
F’dan ir-rigward, billi bħal issa l-infiq qed isir b’mod regolari mill-fondi li huma disponibbli, huwa biss fl-aħħar tas-sena li jista’ jkun identifikat l-ammont ta’ tnaqqis (savings) mill-fondi approvati bħala nfiq massimu u mil-liema Voti.
Persuna b'diżabilita' — Talba għal reserved parking
Question
Tista' tiġi kkonsidrata mill-ġdid it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex jitħalla juża r-reserved parking li kellu quddiem id-dar tiegħu għax għalkemm għandu garaxx fejn jipparkja l-karozza, il-mara tiegħu minħabba d-diżabilita' tagħha xorta jkollha bżonn tirkeb mill-karozza pparkjata quddiem il-bieb tad-dar u ma tistax tinżel fil-garaxx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoti ta' permessi għal reserved parking jingħataw mill-Awtorita' għat-Trasport fuq kriterji maqbula bejn l-Awtorita' u l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Jekk il-persuna li tapplika jew il-Kunsill Lokali konċernat ma jaqblux mad-deċiżjoni meħuda mill-Awtorita', dawn jistgħu jitolbu li l-każ jitressaq quddiem Review Panel.
Ninsab infurmata wkoll li t-talba mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet ikkunsidrata mir-Review Panel li kkonferma d-deċiżjoni oriġinali ta' l-Awtorita' għat-Trasport li l-persuna konċernata ma tikkwalifikax għal permess għal reserved parking. Persuni li għandhom garaxx mad-dar tagħhom ma jikkwalifikawx għal reserved parking għax huma biss jistghu jipparkjaw quddiem il-garaxx u għalhekk diġa' jkollhom post fejn jistgħu jipparkjaw il-karozza ħdejn id-dar tagħhom.
Issa li għadda kważi xahar u nofs mindu kellu joħroġ it-tender għax-xogħol ta' bdil ta' soqfa ta' l-asbestos f'Pembroke, tista' il-Ministru tgħid fiex wasal dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tender li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi aġġudikata u mistennija tingħata fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li toħroġ is-sejħa biex jiġu reklutati nursing aides? Xi kwalifiki se jkollhom bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li għad ma hemmx data stabbilita għal meta se toħroġ is-sejħa biex jiġu reklutati nursing aides. Il-kwalifiki li se jkun hemm bżonn għadhom qed jiġu stabbiliti.
SVPR — Talba ta' anzjana biex tidħol fir-residenza
Question
Tista' tiġi kkonsidrata b'mod urġenti t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tintbagħat fir-residenza San Vinċenz de Paule għax mhijiex f'kondizzjoni li tinżamm id-dar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni msemmija issottomettiet l-applikazzjoni biex tidħol San Vinċenz fil-03/12/03. Din l-applikazzjoni ġiet mressqa quddiem l-Admission Board u tpoġġiet fil-lista tal-prijorita'. Nixtieq inżied illi din l-anzjana ilha rikoverata ġewwa l-isptar San Luqa Ward M6 mill-15 ta' Mejju 2004 minħabba raġunijiet mediċi.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet biex jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi fost il-bdiewa Maltin u Għawdxin? Kemm hemm il-ħsieb li jitwaqqfu minn dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk inġabux xi Taljani biex jgħinu fit-twaqqif ta' dawn l-organizzazzjonijiet? Jista' jgħid jekk il-korsijiet u t-taħriġ li għamlu kienx bit-Taljan u jekk min attenda għalihom kienux kollha jafu bit-Taljan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fit-28 ta' Ġunju 2002 ġie ppubblikat l-Att Nru. IX ta' 2002 li jirregola it-twaqqif ta' l-għaqdiet tal-produtturi. Sussegwentament inħarġet legal notice (LN 62/2004) li tagħti aktar dawl fuq l-istess Att. M' hemm l-ebda limitu ta' kemm jistgħu jitwaqqfu għaqdiet tal-produtturi dment li jirrispettaw l-istess Att, pero' fil-kuntest lokali in-numru ta' l-għaqdiet tal-produtturi li jistgħu jitwaqqfu jista' ma jkunx kbir ħafna. Interess fost il-bdiewa hawn, tant hu hekk li taħt il-pre-accession aid biex jitwaqqfu għaqdiet ta’ produtturi applikaw erbgħa u l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi pproċessata. L-applikazzjonijiet għal skemi simili post-accession dalwaqt jinfetħu.
Permezz tal-V Protokol Taljan, l-Istituto Agronomico Mediterraneo (IAM) ta' Bari qiegħed jorganizza programm ta' informazzjoni u taħriġ, li jkopri ix-xhur ta' Ġunju u Lulju dwar it-twaqqif u l-immaniġġjar ta' għaqdiet tal-produtturi fil-kuntest tal-biedja. Is-suġġetti li qed ikunu ttrattati jieħdu in konsiderazzjoni kull aspett tal-liġi lokali, kif ukoll dik ta' l-Unjoni Ewropea.
Fil-korsijiet ta' taħriġ tista' tintuża sew il-lingwa Taljana kif ukoll Ingliża. F' każijiet fejn xi ħadd ma jifhimx bit-Taljan (f' dan il-każ kienet persuna waħda), jien infurmat li ssir traduzzjoni għal Malti mill-uffiċċjali tal-Ministeru.
Matul din is-sena, jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' sussidji se jingħataw il-bdiewa lokali? Fuq liema prodotti? Kemm se jkun dan is-sussidju? Kif se jinħadem il-livell tas-sussidju lil kull bidwi? Meta hu maħsub li jitħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija nru. 3157, fejn jista’ jsib it-tagħrif mitlub dwar it-tip u l-ammont ta’ sussidji li se jingħataw lill-bdiewa lokali matul din is-sena. Il-metodu kif jinħadem il-livell ta’ dawn is-sussidji lil kull bidwi jvarja minn settur għal ieħor, iżda, f’ kull każ huwa marbut mal-livell ta’ produzzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li applikat għal xogħol - file no: PA 6986/99 - inħarġilhiex refusal għat-talba tagħha? Meta wasal għand din il-persuna dan ir-refusal? X'passi se tieħu l-MEPA biex tinforza d-deċiżjoni tagħha dwar ix-xogħol illegali li sar f'dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-applikant irċieva r-Refusal Notice mingħand l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fis-27 ta' Mejju 2004, wara diversi attentati. L-applikant għandu tletin (30) ġurnata mid-data tas-27 ta' Mejju 2004 sabiex jissottometti Appell quddiem il-Bord ta' l-Appell dwar l-Ippjanar. Fl-assenza ta' dan, il-MEPA taddotta l-proċeduri normali kif stipulat mill-liġi.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tipproċessa l-appell PA 0726/01 għax id-dewmien li jsir ix-xogħol meħtieġ qed iwassal għal tbatija kbira għall-persuna anzjana li ma tistax titla' taraġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li rigward l-appell PA 0726/01
· l-appell ġie deċiż fis-16 ta' April 2004.
· Fl-10 ta' Mejju 2004, intbagħtet ittra lill-Perit ta’ l-applikant sabiex jissottometti żewġ pjanti.
· Dawn waslu fl-uffiċċju tal-Bord ta' l-Appell nhar il-Gimgħa 11 ta' Ġunju 2004 u ġew iffirmati miċ-Chairman tal-Bord dak inhar stess.
· Fis-16 ta' Ġunju, is-Sanitary Engineering Officer bagħat il-file lura lill-Bord ta' l-Appell li għadda l-file lis-Segretarju tad-Development Control Commission (DCC) sabiex toħroġ il-permess.
Jista' il-Ministru jgħid liema inħawi f'Malta u Għawdex hemm il-ħsieb li jiġu kklassifikati bħala special area of conservation u liema bħala special area of protection skond direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet għal skrutinju pubbliku numru ta’ siti. Preżentament il-Gvern qed jevalwa s-siti proposti u fi żmien qasir ikun hemm deċiżjoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Kuntratti Pubbliċi huwiex armat biżżejjed b'riżorsi meħtieġa biex jipproċessa x-xogħol ġdid li żdiedlu bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-offerti għall-kuntratti li għandhom x'jaqsmu ma' proġetti/programmi li fihom hemm finanzjament mill-Unjoni Ewropea? Qed jaqa' lura dan ix-xogħol b'periklu li jitilfu l-fondi mfittxija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-aħħar sentejn id-Dipartiment tal-Kuntratti ssaħħaħ kemm f’dak li hu personnel kif ukoll apparat (computers) biex ikun jista’ jlaħħaq max-xogħol addizzjonali li ser jiltaqa’ miegħu b’riżultat tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Ingħata wkoll ħafna training. Id-dipartiment issa ser ikollu wkoll żewġ Diretturi oħra biex jgħinu lid-Direttur Ġenerali. Ma jidhirx li x-xogħol qed jaqa’ lura jew li ntilfu xi fondi tort tad-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-korsijiet tal-M.Psych li hemm talba għalihom fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni lest biex tibda l-M.Psy f'Ottubru li ġej. Il-Fakulta' qablet li n-numru ta' parteċipanti fil-kors jitla' minn 9 għal 12 (4 f'kull speċjalizzazjoni - Psikoloġija Klinika, Psikoloġija Edukattiva u Counselling Psychology). Il-kors se jkun organizzat b'mod li anke jimpenja lill-parteċipanti f'lezzjonijiet wara l-ħamsa ta' filgħaxija.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa mill-ministeru u mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex pajjiżna jieħu sehem fil-pjan ta' azzjoni ta' tagħlim tal-lingwi 2004-2006 ta' l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq it-tagħlim ta' l-ilsien Malti, l-ilsien Ingliż u ilsien ieħor sa mill-Kindergarten?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu sejjer iniedi programm ta' Language Awareness. Matul is-sena skolastika 2003-2004 id-Dipartiment tal-Kurrikulu ħadem pjan biex ifassal strateġiji fuq il-politika tal-lingwi.
Huwa maħsub li fl-iskejjel Primarji jsir proġett pilota fejn f'xi skejjel ser ikun hemm numru ta' taħdidiet u żjarat fiċ-Ċentri tal-Lingwi fi ħdan id-Dipartiment. Dan bl-iskop li eventwalment it-tfal jkunu jistgħu jagħmlu għażla iktar informata meta jiġu biex jagħżlu it-tielet/ir-raba' lingwa fil-livell Sekondarju. Il-ħsieb huwa li t-tfal ta' l-iskejjel Primarji jiġu esposti għal numru ta' lingwi b'mod uniformi. Il-lingwi li fuqhom ser jiffukaw huma l-Franċiż, l-Għarbi, l-Ġermaniż, it-Taljan u possibilment l-Ispanjol. Mhux maħsub f'dan l-istadju li jkun hemm tagħlim formali tat-tielet lingwa fl-iskejjel Primarji.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5968 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' tista' il-Maltapost tikkonsidra li għas-sena d-dieħla toħroġ sett ta' bolol biex tfakkar il-500 sena mit-twelid tat-tabib Ġużeppi Callus li kien ingħata l-mewt mill-gran mastru La Valette għax qabeż għall-Maltin li kienu qed jiġu ntaxxati ħafna mill-Kavallieri waqt li kienu qed jitilfu l-ftit sehem li kellhom fit-tmexxija ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta' settijiet ta' bolli jittieħdu mill-Bord Konsultattiv dwar Disinji tal-Bolli. se ngħaddi t-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Bord biex din tkun kunsidrata minnhom meta jkun qed jitfassal il-programm għas-sena d-dieħla.
Fil-garaxx ta' Kordin tad-dipartiment tal-manifattura u servizzi, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi kaxxa kbira li fiha xi statwa/monument ta' daqs kbir? Kemm ilha tistenna hemm? Kemm tiswa? Għaliex ġiet ikkummissjonata? X'użu se jsir minnha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-garaxx ta' Kordin tad-Dipartiment tal-Manifatturra u Servizzi hemm kaxxa li fiha monument tal-bronż. Din ilha hemm mill-24 ta' Frar tas-sena 2003. Il-fużjoni fil-bronż ta' dan il-monument ġiet tiswa Lm18,084.
Dan il-monument ġie kkommisjonat biex ifakkar l-għaxar anniversarju mit-twaqqif tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Bħalissa qed issir evalwazzjoni ta' diversi postijiet f'Malta biex jinstab post fejn jista' jitpoġġa dan il-monument.
Jista' il-Ministru jinvestiga jekk parti mix-xogħol tal-pavimentar ta' Paceville fil-proġett ta' tisbiħ ta' l-inħawi sarx ħażin u residenti qed jirrappurtaw li qed jinkisru spiss mill-piż ta' vetturi li jitilgħu fuq il-bankini u qed joħolqu perikli għar-residenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-kaptelli tad-drenaġġ fil-bankini, jiena nfurmat li dawn il-kaptelli mhumiex iddisinjati biex jifilħu vetturi, iżda peress li huma fil-bankini dawn huma ntenzjonati għat-traffiku tar-riġel biss. Il-Ministeru qiegħed f'diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali biex ikun hemm iżjed ħarsien tal-liġijiet tat-traffiku, speċjalment biex vetturi ma jitħallewx jitilgħu fuq il-bankini.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bankini f'Paceville ġew imwessa' tant li ntilfu ħafna parkeġġi għar-residenti, li ħafna minnhom huma anzjani, u tilfu l-ispazju biex jipparkjaw qrib id-dar tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li x-xogħol li sar f'Paceville sar skond il-pjanti li ġew approvati mill-MEPA.