Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan — Triq Brydone

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tinkesa Triq Brydone f'San Ġiljan li ilha s-snin tistenna biex issir u għadd ta' familji ilhom is-snin jgħixu bil-faċċata tad-dar fit-trab u t-triq maqlugħa biex jaslu fi djarhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport qed tipprepara programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm. Sadanittant il-periti ta' l-Awtorita sejrin imorru jagħmlu survey ta' l-area.

Mellieħa — Skola primarja

Question

Peress li wasluli rapporti ta' ħsarat serji fl-istruttura ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa, jista' il-Ministru jivverifika n-natura ta' dawn il-ħsarat u jekk jirriżulta li hemm bżonn it-tiswijiet fil-bini jgħid meta se ssir din it-tiswija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li rapport li sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada f'Novembru tas-sena l-oħra, kien jindika xi ħsarat fil-blajjet ta' fuq it-twieqi tal-faċċata. Madankollu, dawn il-ħsarat ma jaffetwawx l-istruttura ta' l-iskola. Minn dak iż-żmien l'hawn, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ħarġet tender għal bdil ta' dawn il-blajjet, li fil-preżent qiegħed jiġi pproċessat.

Rabat — Skejjel primarji - tfal tal-kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jgħid min għandu l-kuntratt biex iġorr it-tfal tal-kindergartenlejn l-iskejjel primarji tar-Rabat, Malta? Jista' jgħid x'tip ta' karozza juża għal dan il-ġarr? Jirriżulta li qed tintuża karozza bil-bieb miftuħ u li t-tfal jinġarru ma' tfal ta' eta' ikbar minnhom? Min kellu l-kuntratt qabel u x'tip ta' karozza kien juża u x'inhuma r-raġunijiet li dan il-kuntrattur m'għadux jitħalla jġorr tfal tal-kindergarten?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kuntrattur li jġorr tfal tal-kindergarten lejn l-iskola Primarja tar-Rabat huwa l-Public Transport Association. Il-karozzi li jintużaw huma xarabanks li jintużaw għall-ġarr tal-passiġieri (tal-linja). Kienu qed jintużaw xarabanks li xi wħud minnhom kellhom bibien u oħrajn li ma kellhomx. It-tfal tal-kindergarten qed jinġarru ma' tfal li jattendu l-Iskola Primarja A tar-Rabat jiġifieri ma' tfal ta' eta' bejn ħames u seba' snin. Informat ukoll li l-għaqda tal-Mini Buses kienet tipprovdi s-servizz flimkien mal-Public Transport Association. Ir-raġuni li tneħħiet il-Mini Bus kien minħabba l-fatt li xarabank hija biżżejjed għan-numru ta' tfal li jeħtieġu s-servizz. Ninsab informat li sar arranġament biex it-tfal li jattendu l-iskola A tar-Rabat (jiġifieri tal-kindergarten u tfal bejn ħames u seba' snin) jitwasslu bix-xarabank tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li għandha il-faċilita' ta' bibien li jingħalqu.

Kulleġġ Madre Tereża — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li din is-sena jidħlu 30 biss għall-kors tan-Nursing fil-livell tad-diploma meta s-soltu jitħallew jidħlu 120? Għaliex lill-istudenti li għaddew mill-eżamijiet tal-Kulleġġ Madre Tereża l-ewwel qalulhom li se jdaħħluhom imbagħad għarrfuhom li mhux se jdaħħluhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat mill-Universita' (IHC) li d-deċiżjoni għan-numru limitat ta' l-istudenti għall-kors tan-nursing fil-livell ta' Diploma ittieħdet wara diversi laqgħat u diskussjonijiet li saru matul dawn l-aħħar snin. Informat li fost il-fatturi li ġew konsiderati hemm il-fatt ta' l-ammont kbir ta' studenti tan-nursing (550) li qed jistudjaw fl-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, u l-pariri akkademiċi li ngħataw mill-eżaminaturi esterni li n-numru kbir ta' studenti li qed jistudjaw ġewwa l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, għandu effett negattiv fuq l-istaff student ratio u n-numru ta' placements li huma disponibbli għal dawn l-istudenti biex kull wieħed u waħda minnhom ikopru 2,200 siegħa biex jotjenu r-reġistrazzjoni ta' infermiera. Għar-rigward tat-tieni mistoqsija, informat li f'dawn l-aħħar snin l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, permezz taċ-Chairman u d-Direttur, dejjem kien qrib il-Prevocational School u f'diversi laqgħat mal-Kapijiet u l-Għalliema ta' din l-iskola, kif ukoll fil-preżenza ta' uffiċjali għolja mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ġie diskuss u anke miftiehem li l-istudenti tal-Prevocational School kellhom jiġu preparati għall-eżamijiet nazzjonali (Sec) biex b'hekk jinfetħu l-orizzont għal dawn l-istudenti u ma jibqgħux jiġu ppreparati biss għad-dħul fil-korsijiet tad-Diploma offruti mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa.

Impjiegi — Ħaddiema li ngħataw is-sensja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji f'April 2004 u maqsuma skond l-etajiet - dawk taħt it-30 sena u dawk ta' 'il fuq minn 30 sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' sensji li ngħataw f'April 2004 maqsuma skond l-etajiet kien hekk :- Sensji Taħt il-25 sena Minn 25 sena 'il fuq Total April 2004 71 126 197 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma tiġborx statistika skond il-faxex ta' eta' kif indikat fil-mistoqija.

MFSA

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatajt għall-mistoqsija 6496, jista' il-Prim Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija din id-darba b'referenza għal dawk maħtura biex imexxu l-MFSA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-membri tal-Bord tal-MFSA huma maħturin mill-Prim Ministru skond Kap 330 tal-liġijiet ta’ Malta, kif emendat. Din il-ħatra tinsab regolata skond il-kriterji u fit-termini tal-limitazzjonijiet li hemm stabbiliti fl-artikolu 6 ta’ din il-liġi, li fosthom wieħed isib il-kompetenza professjonali fis-setturi nvoluti u kompetenzi u kapaċitajiet oħra relevanti, kemm f’Malta u kemm barra minn Malta. L-għażla tal-membri issir b’mod li kemm jista’ jkun (a) il-membership tal-Bord ikopri firxa wiesgħa tas-setturi li jaqgħu taħt il-funzjonijiet statutorji tal-MFSA u (b) jiġi assigurat illi l-Bord igawdi minn taħlita ta’ skills relevanti għat-twettiq ta’ dmirijietu.

GPS — Mediċini

Question

Kemm huwa stmat li fl-aħħar tliet snin, sena b'sena, kien il-valur tal-mediċini li ntremew mill-GPS wara li jkunu nxtraw minn fondi publiċi għas-servizz nazzjonali tas-saħħa f'pajjiżna? X'kienu r-raġunijiet li ntremew dawn il-mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern kellu dawn l-ammonti ta' mediċini skaduti għas-snin 2001, 2002, u 2003. 2001 2002 2003 2004* Lm Lm Lm Lm Mediċini skaduti 236,651.59 362,171.10 142,224.81 57,063.15 * Il-figuri tas-sena 2004 huma għall-perjodu ta' bejn Jannar u Ġunju 2004. Il-G.P.S. jixtru l-mediċini fuq bażi ta' konsum ta' l-ispiżerija tal-Gvern. Raġunijiet li jiskadu l-mediċini huma bosta fosthom li konsum jinżel fi żmien qasir jew li sfortunatament pazjenti li għalihom ikunu nxtraw il-mediċini jmutu. Madankollu b'miżuri li ttieħdu u qegħdin jittieħdu fil-GPS l-ammont ta' mediċini li qiegħdin jiskadu qiegħed jonqos minn sena għall-oħra.

Awtoritajiet tas-Saħħa — Rimi ta' skart

Question

Jistgħu l-awtoritajiet tas-Saħħa jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-effett tal-iskart li qed jintrema l-Magħtab u jitħalla mikxuf u jitħassar u jinten fix-xemx? Jistgħu l-awtoritajiet tas-Saħħa jibagħtu uffiċjali jispezzjonaw is-sit biex jinvestigaw l-effett ta' x'qed isir hemmhekk fuq is-saħħa tan-nies?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-responsabbilita' tas-sit indikat hija tad-Dipartiment ta' l-Ambjent, u huwa l-istess Dipartiment li għandu l-mezzi neċessarji biex isir il-monitoring biex jinvestiga l-effetti ta' x'qed isir hemmhekk fuq is-saħħa tan-nies tal-madwar.

Little Armier — Servizz ta' drenaġġ u ilma f'beach rooms

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandha l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex twassal is-servizzi tad-drenaġġ u l-ilma lill-iżjed minn 1,500 beach room li saret applikazzjoni għalihom biex jinbnew fl-inħawi tal-Little Armier? Kemm hi stmata li se tkun in-nefqa għal kull wieħed minn dawn is-servizzi u min se jġorr l-ispiża biex dawn is-servizzi jiġu estiżi f'dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

IL-KSI m'ghandha l-ebda applikazzjoni ghall-provista ta' ilma f'1500 beach room fl-Little Armier. Madwar sentejn u nofs ilu l-Works Division fi hdan il-Ministeru ghall-Ambjent talab stima fuq l-infrastruttura necessarja biex jigi provdut is-servizz ta' l-ilma ghal zvilupp imsejjha "Armier Develoment Project". Din l-istima saret u ntbagħtet lill-Works Division fis 27 ta' Marzu 2002. Dak iz-zmien din kienet tlaħħaq bejn Lm180,000 u Lm235,000. Dak iz-zmien, meta il-possibilita' ta' dan l-izvilupp kienet qed tigi kkunsidrata, id-Dipartiment tad-Drenaġġ kien parti mill-istess Ministru ghall-Ambjent u mhux parti mill-KSI.

Fondazzjoni għas-servizzi edukattivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rapporti saru s'issa mill-fondazzjoni għas-servizzi edukattivi biex jevalwaw ix-xogħol tagħha? Min għamel dawn ir-rapporti? Kemm sewa kull rapport? Jista' ipoġġi kopja tar-rapporti kollha fuq il-mejda tal-Kamra? X'passi prattiċi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwel nixtieq nirreferi lill-Onor. Evarist Bartolo għall-Mistoqsija Parlamentari numru 988 dwar l-istess suġġett li twieġbet fis-Seduta Nru 21 tas-7 ta' Lulju 2003 . Fl-2002, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ikkummissjonat evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet ta' Klabb Ħilti. Din l-evalwazzjoni ġiet ikkumissjonata 4 xhur biss mill-ftuħ ta' l-ewwel sitt ċentri ħilti sabiex jiġu identifikati, fil-fażi bikrija ħafna, dawk l-elementi li jinħtieġu tisħiħ jew bidla. L-evalwazzjoni saret fiċ-Ċentri l-aktar vulnerabbli sabiex setgħet tittieħed azzjoni korrettiva immedjatament. L-evalwazzjoni twettqet minn Dr. Carmel Borġ u Dott. Denise Chircop. Qed inpoġġi kopja tas-Suċċint ta' l-evalwazzjoni minħabba li r-rapport jagħmilha faċli li jiġu identifikati skejjel u persuni. L-evalwazzjoni qamet Lm984. Il-Fondazzjoni qiegħda fil-proċess li tevalwa żewġ servizzi: (a) Il-Programm Nwar u (b) wieħed mill-programmi marbuta mal-Proġett PEFAL (Parent Emplowerment for Family Literacy). Ir-rapport ta' dawn iż-żewġ evalwazzjonjiet għandhom ikunu lesti f'Settembru 2004. Barra minn dawn, internament, il-Fondazzjoni kontinwament tevalwa ħidmiet bl-użu ta' diversi għodod. L-evalwazzjoni interna hi parteċipativa u tinvolvi ġenituri, ħaddiema ta' l-FES, l-għalliema u Kapijiet ta' skejjel. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument "Evaluation of the Id f'Id f'Hilti Programme".

Freeport — Privatizzazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Freeport ta' Malta? X'passi qed jittieħdu biex meta l-Freeport jgħaddi għand tmexxija privata barranija jitħares l-interess komuni ta' pajjiżna u nkunu moqdija sew għal skop ta' importazzjoni u esportazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dħalna fil-fażi finali ta' dan il-proċess. Il-ħarsien ta' l-interess ta' l-ekonomija Maltija huwa wieħed mill-objettivi primarji ta' dan l-eżerċizzju u se jiġi trattat f'wieħed mill-kuntratti konnessi mal-privatiżżazzjoni.

MEPA — Bini fuq il-lukanda ex Cavalieri f'San Ġiljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex f'dawn l-aħħar xahrejn jiġi żgurat li l-bini li qed isir fuq il-lukanda ex Cavalieri fi Triq Spinola, f'San Ġiljan qed isir skond l-obbligi li ħarġu l-MEPA dwar l-istrutturi li jistgħu jsiru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li numru ta' spezzjonijiet saru mit-taqsima ta' l-infurzar ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tul dawn l-aħħar xahrejn. Mill-aħħar spezzjoni li saret ma jirriżulta li hemm l-ebda struttura li m' hix skond il-pjanti approvati.

Sptar San Luqa — Gradwati fil-mediċina

Question

Jikkonferma l-Minsitru li din is-sena l-gradwati l-ġodda fil-mediċina se jibdew jaħdmu l-isptar mill-15 flok mill-1 ta' Lulju bħas-soltu? X'kienet ir-raġuni għal din il-bidla? Se jibda jiġri hekk kull sena jew din is-sena kienet eċċezzjoni? Fil-każ, għaliex?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li din ma hix l-ewwel darba li ngħatat konċessjoni bħal din. Dan sar fuq talba ta' l-istudenti nfushom permezz tar-rappreżentanti tagħhom stanti li r-riżultat finali ħareġ fil-25 ta' Ġunju 2004 u xtaqu li jkollhom ftit jiem mistrieħ wara l-istress ta' l-eżamijiet qabel jibdew ix-xogħol. Fil-fatt ser jsir induction programme fid-9 ta' Lulju u ser jibdew jaħdmu mit-12 ta' Lulju 2004.

Little Armier — Raba'/spejjer/ġwiebi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-MEPA beix ma tħallix iżjed raba', spejjer u ġwiebi ta' bdiewa jinqerdu fl-inħawi tal-Little Armier biex jagħmlu wisa' għall-bini ta' iżjed minn 1,500 beach room skond applikazzjoni li saret fi Frar ta' din is-sena mill-kumpannija Armier Development Co. Ltd.?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Abbozz tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Marfa jara li ma jkunx affettwat raba’ saqwi.

Manikata — Problema dwar ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tinbidel il-parti mis-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata biex titranġa problema qadima tal-ħruġ tad-drenaġġ fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ġie deċiż li dan ix-xogħol isir direttament mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dan ix-xogħol hu mistenni jibda f'Awissu.

Borża ta' Malta

Question

Jista' jiġi verifikat jekk fil-bord li jmexxi l-Borża ta' Malta hemmx min għandu konflitt ta' interess peress li għandu kumpanniji fil-qasam finanzjarju? Tista' din il-persuna titneħħa mill-ħatra biex ma jkun hemm ebda suspett li xi ħadd jista' jieħu vantaġġ mill-mod kif taħdem u titmexxa l-Borża ta' Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nikkonferma li fost il-membri tal-Kunsill tal-Borża hemm min hu attiv fis-settur finanzjarju, ma jirriżultax li hemm xi persuna li għandha konflitt ta’ interess li jimpedih jew jillimitah milli jaqdi dmiru bl-ogħla integrità u imparzjalità. Dan qed jingħad anke in vista tal-funzjonijiet tal-Borża kif ġew ridefiniti bl-Att XVII ta’ l-2002, liema Att għadda r-responsabbiltajiet regolatorji u ta’ sorveljanza tal-Borża kif ukoll il-liċenzjar ta’ l- istockbrokers lill-Awtorità Kompetenti ( MFSA ), filwaqt li l- Listing Authority assumiet ir-responsabbiltà għall-awtorizzar ta’ l-ammissibilità tat-titoli għall-Lista Uffiċjali.

Sptar Mater Dei — Kuntratti

Question

Jista' il-Prim Minisru jgħid jekk dan l-aħħar wasallux tagħrif dwar kif ingħataw kuntratti fl-isptar il-ġdid u jekk ħax passi dwar dan it-tagħrif u fil-każ x'passi ħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-kuntratt ma’ l-iskanska, allura nikkonferma li kelli laqgħat ma’ uffiċjali għolja ta’ din is-soċjetà biex jibdew laqgħat tekniċi intensivi ħalli tiġi kristallizzata l-kwistjoni dwar l-ispiża kapitali ta’ l-isptar. Jekk l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għal għoti tal-kuntratt ta’ apparat, allura, min għandu interess jista’ jeżerċita d-dritt li tagħtih il-liġi u jirrikorri lejn l-awtoritajiet kompetenti.