Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jivverifika rapporti li qed jasluli mill-ġenituri ta' tfal f'waħda mill-klassijiet tar-raba' sena tal-primarja San Pawl il-Baħar u jekk jirriżulta li veru jittieħdu passi dwar tfal li qed iħarbtu l-klassi u t-tagħlim ta' l-għalliema u jitfgħu lura lill-sħabhom kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li ma jirriżultax li f'xi klassi tar-raba' sena ta' l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar hemm xi tfal li qed iħarbtu l-klassi u t-tagħlim ta' l-għalliema u li qed jitfgħu lura lill-sħabhom kollha.

Mġarr — Trakkijiet li jieħdu r-radam lejn il-barriera ta' l-Imselliet

Question

Peress li t-trakkijiet li qed jieħdu r-radam lejn il-barriera f'Ta' l-Imselliet fl-Imġarr qed jimlew it-triq li tagħti għall-barriera b'ħafna tafal jiżloq, jistgħu jittieħdu passi biex ir-roti tat-trakkijiet jitnaddfu biex jonqos il-periklu ta' inċidenti tat-traffiku fl-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-provvedimenti neċessarji ttieħdu, u se jkomplu jittieħdu sabiex il-kuntrattur jagħmel dak kollu neċessarju sabiex jiġi evitat dan l-inkonvenjent f'dawn it-toroq.

Sptarijiet — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kien hemm twelid f'kull sptar privat u dak pubbliku u kemm minn dawn it-twelid kienu permezz ta' ċesarja għas-snin 2000 sa 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minkejja li għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' m'hiniex ser nagħmel pubblika din l-informazzjoni, ser ngħaddi din l-istess informazzjoni b'mod kunfidenzjali lill-Onor. Interpellant.

Saħħa — Twelid ta' trabi permezz ta' ċesarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tad-dipartiment tas-saħħa rigward twelid permezz taċ-ċesarja meta r-rata f'Malta hija kważi d-doppju tar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-World Health Organisation?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni tas-Saħħa la għandha u l-anqas tista' tagħmel policy dwar twelid permezz ta' ċesarja minħabba li tali deċiżjoni hija waħda purament klinika.

Perit Richard England — Kuntratti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid mill-1992 sal-lum kemm kien hemm drabi li l-Perit Richard England ngħata xi kuntratt mill-gvern u xi ħlas ingħata f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 8591.
Leg 10 PQ #8593 Sitting 183 2004-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi f'Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn lukandi f'Malta u f'Għawdex, kif inhuma klassifikati f'kull każ u kemm għandhom sodod f'kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.

Soċjeta' Mużikali Astra — Festival Mediterranea

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat mill-Ministeru s-soċjeta' mużikali Astra li organizzat il-festival Mediterranea din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru tiegħi mhux il-Ministeru responsabbli għall-politika dwar organizazzjonijiet kulturali.
Leg 10 PQ #8596 Sitting 183 2004-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Servizz bl-Ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda jopera s-servizz ġdid bl-ajru bejn Malta u Għawdex wara li waqaf is-servizz tal-helicopter fi tmiem Ottubru 2004?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għaddejjin negozjati ma' kumpannija rinomata fl-għoti ta' dan is-servizz u huwa ttamat li fi żmien qasir ikun jista' jingħata s-servizz li kien jingħata s'issa. Wara li saret l-analizi kollha, il-Gvern deherlu li tajjeb li jitkomplew in-negozjati ma' din il-kumpannija iżda ma jingħalqux il-bibien għal proposti oħrajn li jista' jkun hemm.

Mellieħa — Qortin - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8495 u cioe' jista' jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ biex id-djar kollha fil-Qortin tal-Mellieħa jkollhom is-sistema tagħhom imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-proposta l-aktar 'cost effective' biex jingħata dan is-servizz tinvolvi l-ħolqien ta' servitu' biex il-mejn tad-drenaġġ jgħaddi minn propjeta privata. Hu ppjanat li dan ix-xogħol isir għal-aħħar tal-2005.

Ħal Ferh Complex

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8469 u cioe' jirrispondi mistoqsija parlamentari 8235 u jgħid fiex waslu t-trattattivi biex Ħal Ferħ jgħaddi għand kumpannija privata? Kemm hemm kumpanniji privati interessati f'Ħal Ferħ?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Air Malta ser tbigħ l-ishma tagħha fil-kumpanija Ħal-Ferħ Co. Ltd permezz ta' sejħa għall-offerti. Il-preparamenti għal-ħruġ ta' din is-sejħa huma mexjin b'ritmu mgħaġġel u huwa stmat li s-sejħa ssir sa l-ewwel nofs tal-2005.

Manikata — Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul it-12-il xahar li għaddew jekk sarx, u jekk sar meta sar, ix-xogħol li kellu jsir fuq is-sistema tad-drenaġġ fil-Manikata għax sal-ġimgħa li għaddiet reġa' far u nitten l-inħawi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li x-xogħol ta' bdil ta' parti żgħira mill-mejn tal-Manikata bħala miżura temporanja għadu ma sarx minħabba li s-sezzjoni tal-Wastewater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kellha prijoritajiet oħra aktar urġenti fis-sajf u x-xogħol issa ingħata lil kuntrattur privat. Dan ix-xogħol issa hu mistenni li jinbeda fit-tieni nofs ta' Novembru. Il-bdil tas-sistema kollha huwa parti mill-proġett 'Malta North Sewage Treatment Plant and Sewage Treatment Infrastructure', liema xogħol mistenni jibda fl-aħħar nofs tas-sena 2005.

Każini tal-Baned — Banek tal-Lottu

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'arranġamenti saru biex il-każini tal-baned jibqgħu jgawdu mid-dħul li kellhom mill-banka tal-lottu li kellhom, issa li dan il-qasam qed jitmexxa minn kumpannija privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jikkonferma li ser ikompli jħallas il-kummissjoni lis-soċjetajiet u każini tal-baned li magħhom hemm assoċjata banka tal-lottu. Il-kummissjoni li ser iħallas il-Gvern ġejja minn fond li twaqqaf taħt l-Att Dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Kapitlu 438 tal-Liġijiet ta’ Malta, para 50 – Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti

Malta Darts Association — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat il-Malta darts association għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali fis-snin li għaddew, wara li kienet imwegħda għajnuna finanzjarja mill-Ministru ta' l-isports?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports, li ha 'over' mingħand id-Dipartiment ta' l-Isports, ma sab l-ebda commitment finanzjarju fir-rigward tal-Malta Darts Association bħala għajnuna għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali li saret din is-sena.

Perit Richard England — Kuntratti

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8492 u cioe' mill-1992 sal-lum kemm kien hemm drabi li l-Perit Richard England ingħata xi kuntratt mill-gvern u xi ħlas ingħata f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li mill-1992 sal-lum ma ngħata l-ebda kuntratt mill-Ministeru tal-Finanzi lill-Perit Richard England filwaqt li minn naħa ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ngħata kuntratt wieħed sabiex isir survey ġenerali fuq il-bini tal-Berġa ta’ Kastilja. Għal dan ix-xogħol l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħallas is-somma totali ta’ Lm4887.50.

Għaqda ta' Żfin għall-Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna lest li jagħti l-Ministeru lill-għaqda lokali li qed torganizza f'pajjiżna kompetizzjoni taż-żfin għall-persuni b'diżabilita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports irċieva talba għall-assistenza mingħand l-Għaqda f'Ġunju li għadda. L-allokazzjonijiet tal-budget fir-rigward t'attivitajiet internazzjonali għas-sena 2004 kien diġa ġie committed. Bħala għajnuna l-Kunsill ser jgħin lill-Għaqda billi tingħata sussidju fuq il-ħlas tal-post li ser jintuża għal kompetizzjonijiet taż-żfin għall-persuni b'diżabilita' f'Diċembru li ġej.

Tarzna ta' Malta — Pagi tal-Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8261 u cioe' jwieġeb mistoqsija parlamentari 7955 u jgħid jekk għal din is-sena t-tarzna hux se jkollha biżżejjed flus biex tħallas il-pagi tal-ħaddiema tagħha jew il-gvern hux se jkollu jgħaddilha iżjed flus biex ikollha mnejn tħallas il-pagi kollha tal-ħaddiema? Fil-każ li iva, kemm se jkollu jgħaddilha iżjed flus sa l-aħħar tas-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat illi t-tarzna ser ikollha flus biżżejjed biex tħallas il-pagi sa l-aħħar tas-sena. Is-sussidju, skond il-budget tal-kumpanija, jammonta għal kważi Lm10 miljuni li fil-parti l-kbira minnhom tmur għall-ħlas tal-pagi. Jeżisti massimu ta' kemm il-Gvern jista' jagħti sussidju lit-tarzna, liema massimu kien stabbilit fil-pjan tat-tarzna u huwa maqbul ma l-Unjoni Ewropeja. Għalhekk il-Gvern irid jiffinanzja is-sussidju mingħajr ma jaqbeż il-massimu stabbilit.

MEPA — Imġiebah - Mellieħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA dwar irregolaritajiet li twettqu dan l-aħħar fl-Imġiebah, limiti tal-Mellieħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettieq ECF 493/04. Wara li għadda it-terminu legali l-Awtorita' marret fuq il-post darbtejn u ħadet dawk il-passi biex titneħħa l-illegalita’ u s-sit jerġa' jiġi fl-istat oriġinali tiegħu.

Impjiegi — Trattament Diskriminatorju kontra l-Ħaddiema

Question

Tista' il-Ministru tindika fiex waslu r-regolamenti li l-Ministru għall-Politika Soċjali ta' dak iż-żmien, u li llum huwa Prim Ministru, kien irrifera għalihom fit-tweġiba tiegħu għal żewġ mistoqsijiet parlamentari li kont għamiltlu jien, jiġifieri mistoqsijiet parlamentari 4392 u 4393?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proċess ta' preparazzjoni għall-publikazzjoni ta' l-Avviż Legali, li l-Ministru ta' dak iż-żmien kien irrefera għalih fir-risposta għad-domandi parlamentari 4392 u 4393, wasal fi tmiemu wara li saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa mal-Bord tar-Relazzjonijiet ta' l-Impjieg, u mistenija li tiġi ppublikata fil-ġranet li ġejjin.

ITS — Tracer Study

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-istitut għall-istudji turistiċi għandux tracer studies biex jistabilixxi kemm fil-fatt dawk li jagħmlu l-korsijiet tiegħu jidħlu fil-qasam tat-turiżmu u kemm jaqbdu oqsma oħra fl-impjieg tagħhom? Jekk sar xi tracer study, jista' ipoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx jista' jara li l-istitut jagħmel studju bħal dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istitut Turistiċi għandu 'Tracer Study of 1987-2000 Graduates'. Hemm il-ħsieb li fil-futur isir studju li jkopri l-perjodu għas-sena 2000 sa 2004. Ser ngħaddi kopja tat- Tracer Study imsemmi hawn fuq lill-Onor. Membru.