Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' dwar is-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx każi fejn l-awtorita' tas-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol tiċċekkja jekk bini hux qed jinbena b'periklu kbir fuq it-tafal bis-sogru li jċedi 'l quddiem b'konsegwenzi traġiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din mhix materja li taqa' direttament taħt l-Att dwar l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-post tax-xogħol (Kap 424), iżda hija regolata minn liġijiet li jikkontrollaw il-professjoni tal-periti.

Kont tad-Dawl u Ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li jsiru arranġamenti mal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex tħallas il-kont tad-dawl u ilma gradwalment (Lm50 fix-xahar) peress li tinsab fi proċess ta' separazzjoni mar-raġel u tgħix biss bl-assistenza soċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija se tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta' Dawl u Ilma

Question

Meta jiġu biex jintalbu ħlasijiet għall-kontijiet tad-dawl u ilma l-korporazzjonijiet u l-gvern qed jagħtu kas fejn il-posta jeħodha r-raġel li ma jgħix id-dar u allura l-mara ma tkunx taf li qed jiġu l-kontijiet, ma tkunx taf li ma tħallsux u lanqas ma tkun taf b'avviż li jekk ma tħallasx se jaqtgħulha d-dawl u l-ilma bħal fil-każ ta' persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija se tingħata f'xi seduta oħra.

Kontijiet Pendenti tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija se tingħata f'xi seduta oħra.

MEPA — Permessi

Question

Qabel ma l-awtorita' ta' l-ippjanar u l-ambjent toħroġ il-permess għall-bini tiċċekkja jekk il-bini jistax jitla' peress li l-inħawi jkunu kollha tafal, bħal fil-każ ta' applikazzjoni PA4436/04 fi Triq Isouard f'San Pawl il-Baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li PA 4436/04 hija applikazzjoni għal żieda ta' żewġ sulari fuq bini eżistenti. F'dan il-każ, u fuq siti simili ġewwa l-iskema ta' l-iżvilupp, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma titlobx studji ġeoloġiċi iżda tara li l-iżviluppi proposti huwa konformi mal-Liġi ta' l-Ippjanar. Il-permess ta’ l-iżvilupp ma’ jeżonorax il-Perit inkarigat milli jiżgura l-istabbilita’ tal-bini propost.

Pulizija — Ħanut tax-Xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-pulizija tistax tivverifika rapporti li qed jasluli li l-ħanut tax-xorb Pantheon fi Triq il-Ħġejjeġ f'San Pawl il-Baħar, qed jibqa' miftuh ħinijiet twal matul il-ġurnata u l-lejl b'inkonvenjent għall-ġirien fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.

ETC — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex mas-settur pubbliku u mas-settur privat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar ta’ Ġunju 2004 kien hemm 5,213 residenti Għawdxin jaħdmu ‘full time’ jew ‘part time’ ma’ ditti privati Għawdxin u 27 residenti Għawdxin jaħdmu ma’ Kunsilli Lokali f Għawdex. Informat ukoll li kien hemm ukoll 947 residenti Għawdxin jaħdmu ‘full time’ jew ‘part time’ ma’ ditti privati Maltin u 634 residenti Għawdxin jaħdmu ma’ Korporazzjonijiet / entitajiet pubbliċi Maltin. M’ahniex infurmati jekk il-lokalita tal-post tax-xogħol tagħhom huwiex f’Għawdex jew f’Malta. Nixtieq ninforma lil Onorevoli interpellant biex jirreferi l-mistoqsija rigward ħaddiema mas-settur pubbliku lill- Ministru responsabbli mis-Servizz Pubbliku.

Tkabbir ekonomiku ta' Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 9141 u cioe' jista' jgħid kemm kien it-tkabbir ekonomiku għal Għawdex fis-snin 2000 sa 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju jista’ jingħata biss it-tkabbir ekonomiku ta’ Għawdex fis-snin 2000 u 2001, li f’termini nominali kien ta’ 3.5 u 2.7 fil-mija rispettivament. Hu mistenni li t-tagħrif għas-sena 2002 ikun ippubblikat fl-aħħar ta’ Diċembru 2004. Għal raġunijiet metodoloġiċi mhux mistenni li jkun ippubblikat it-tagħrif relattiv għall-2003 qabel Diċembru 2005.

San Ġiljan — Triq Brydone

Question

Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex f'kantuniera ta' Triq Brydone, f'San Ġiljan il-partijiet li għadhom ma ngħatawx wiċċ diċenti minkejja li għaddew 18-il sena mindu saret, jitnaddfu sew u ssir bankina biex ma tibqax isservi ta' miżbla għal min jarmi l-iskart fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Sptarijiet — Twelid ta' trabi permezz ta' ċesarja

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm mit-twelid mibdija (induced births) fl-isptarijiet privati u pubbliċi jispiċċaw f'ċesarja?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fis-snin 2002-2003, 15.5% mit-twelid irreġistrati bħala mibdija (induced births) fl-ispartijiet privati u pubbliċi spiċċaw f'ċesarja.

San Pawl il-Baħar — Ġrieden

Question

Jistgħu l-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu passi dwar il-ħafna ġrieden li qed jidhru fl-inħawi fil-bidu ta' San Pawl il-Baħar fejn hemm jarma wieħed bejjiegħ tal-ħaxix ħdejn il-pompi tal-petrol?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika għamlu t-trattamenti neċessarji għal kontra l-ġrieden bi tqegħid ta' velenu fi Triq Mosta, San Pawl il-Baħar, speċifikament fejn jarmaw il-bejjiegħa tal-ħaxix ħdejn il-pompi tal-petrol. Il-problema ser tibqa' tiġi segwita regolarment sakemm l-infestazzjoni tal-ġrieden tiġi taħt kontrol. Sussegwentament, uffiċjali ta' dan id-Dipartiment mir-Reġjun tat-Tramuntana, ħadu l-passi neċessarji fuq żamma ta' akkumulu ġo għalqafil-viċinanzi tal-post indikat li jista' jikkontribwixxi għat-tkattir ta' ġrieden fl-inħawi.

Finanzi — Statistika dwar il-gżira Għawdxija

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip ta' statistika dwar Għawdex qed tinġabar separatament minn dik ta' Malta għal finijiet ekonomiċi sabiex ikun ikkalkulat ir-rata ta' tkabbir ekonomiku għal Għawdex bħala reġjun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-iStatistika qiegħed iħejji statistika separata għal Malta u Għawdex dwar dawn is-suġġetti: Popolazzjoni Enerġija Użu ta’ l-Art Ilma Trasport Skart Edukazzjoni Turiżmu Ekonomija (Prodott Gross Domestiku) Kultura Impjiegi

Servizz Ċivili — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm Għawdxin jaħdmu f'Għawdex mas-settur pubbliku, mas-settur privat u f'liema oqsma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 2915 Għawdxin fis-Servizz Pubbliku jaħdmu Għawdex. Dwar in-numru ta’ Għawdxin mal-kumplament tas-settur pubbliku u mas-settur privat, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. (Tweġiba mogħtija: 23/11/2004AM) (Seduta Numru: 192)

Rabat — Triq San Pawl

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex jitneħħa l-inkonvenjent fi Triq San Pawl, ir-Rabat, Malta peress li hemm residenti f'din it-triq li minħabba kif taqleb it-triq u minħabba li l-ilma li jinġabar m'għandux mnejn jitlaq, kull darba li tagħmel ix-xitta kollox jaqleb għandhom, l-ilma jitla' fuq il-bankina u jidħol fl-ispralli u l-kantina tegħrqilhom b'inkwiet għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika xahar b'xahar u raħal b'raħal tan-nies li qed jirreġistraw għax-xogħol minn Jannar 2004 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

In-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti mir-reġistru lokal b'lokal f'Malta u Għawdex minn Jannar 2004 sa Settembru 2004, ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.