Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bank Ċentrali — Karigi fl-istrutturi ta' l-impjiegi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi ġodda maħluqa fl-istrutturi ta' l-impjiegi tal-Bank Ċentrali? Minbarra bidliet fl-isem ta' dawn il-karigi, x'kondizzjonijiet ġodda (salarji, allowances, fringe benefits ....) hemm marbuta magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra. (Tweġiba mogħtija: 17/01/2005PM) (Seduta Numru: 220)

Surcharge fuq id-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9453 u 9722 u cioe' jgħid meta stabilixxa s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma l-gvern b'liema mod ikkalkola l-prezz taż-żejt? F'liema żmien u b'liema valur tad-dolllaru kkalkola li nxtara dan iż-żejt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-valur tal-prezz taż-żejt ta' meta ġiet stabbilita s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma kien kif ġej : Fuel Oil $196.50 Gas Oil $447 Dan kien ibbażat fuq dak li jissejjaħ "spot Platts CIF Med High" fil-5 ta' Novembru 2004. Ir-rata tal-kambju tad-dollaru mal-lira Maltija kien ta' 2.98.
Leg 10 PQ #9791 Sitting 217 2005-01-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' San Ġorġ — Triq Santu Wistin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'irriżulta mill-verifiki li għamel dwar is-suġġeriment li għamilt f'mistoqsija parlamentari 9729?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li matul is-sajf li għadda id-dawl kien qed jiġi provdut matul il-lejl kollu bi flood lights mwaħħla ma' l-arbli tad-dawl eżistenti biswit il-Bajja ta' San Ġorġ. Dan kien qed isir biex ma jitħalliex li jsir xi forma ta' abbuż fuq il-bajja matul il-lejl. Fil-preżent dan id-dawl huwa mitfi sa kemm jitkomplew ix-xogħolijiet matul ix-xhur li ġejjin, peress li m'hemmx il-bżonn li dan jibqa' mixgħul. Huwa maħsub li l-fanali dekorattivi jitwaħħlu matul il-promenade il-ġdid fix-xhur li ġejjin.

Kontijiet Pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9450 u 9721 u cioe' jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Emigranti Maltin — Awstralja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu u x'laqgħat u inizjattivi ta' tagħrif biex l-emigranti Maltin fl-Awstralja jingħataw spjegazzjoni dettaljata ta' kif se jintlaqtu mill-aħħar ftehim iffirmat bejn il-gvernijiet ta' Malta u l-Awstralja fil-qasam tal-ħarsien soċjali?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fis-16 ta' Ġunju ta' din is-sena ġie ffirmat Ftehim Reċiproku rivedut dwar is-Sigurta' Soċjali bejn Malta u l-Awstralja. Dan l-iffirmar huwa biss pass ieħor fil-proċeduri meħtieġa biex dan il-Ftehim Reċiproku Rivedut jieħu s-sura legali tiegħu u effettivament jibda jseħħ. Infatti, wara l-iffirmar tal-Ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi jibqa' pass ieħor importanti, dak li dan il-Ftehim Rivedut jiġi ratifikat mill-Parlament taż-żewġ pajjiżi kkonċernati. Huwa biss meta jiġi ratifikat mill-Parlament taż-żewġ pajjiżi li dan il-Ftehim Reċiproku Rivedut jista' jibda jitħaddem. Fil-jum ta' l-iffirmar tal-Ftehim Reċiproku Rivedut msemmi, kienet ħarġet stqarrija għall-istampa f'Malta li tagħti stampa tajba tal-kontenut tal-Ftehim Reċiproku rivedut kif ukoll ir-reazzjoni taż-żewġ Gvernijiet. Ta' min jgħid li ħarġet stqarrija oħra mill-Kummissjoni Għolja Maltija f'Kanberra fit-2 ta' Settembru 2004 li kienet tinkludi ukoll l-istqarrija maħruġa f'Malta. Irid jingħad li fil-proċess li wassal għal Ftehim Reċiproku Rivedut, il-Gvern Malti sema' l-fehmiet u s-suġġerimenti ta' dawk il-persuni jew għaqdiet kemm f'Malta kif ukoll fl-Awstralja li wasslu dawn il-fehmiet u suġġerimenti, jew direttament, jew permezz ta' xi Għaqda li tirrapreżenta lill-Maltin ta' l-Awstralja jew permezz tal-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja. Dwar il-pubblikazzjoni uffiċċjali tal-Ftehim tajjeb li wieħed jgħid li peress li l-Ftehim għad irid ikun ratifikat mill-Parlamenti taż-Żewġ pajjiżi, id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali f'Malta mhux f'qagħda li jippublika dan il-Ftehim. Appena jintemmu l-proċeduri kollha meħtieġa dan il-Ftehim jiġi ppublikat uffiċċjalment, jiġifieri jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u sussegwentament jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Jiena nfurmat ukoll li l-Gvern Awstraljan qed jittama li l-proċeduri Parlamentari meħtieġa minn naħa tiegħu jitlestew sa Lulju tas-sena d-dieħla. F'dan l-istadju ssir ukoll kampanja ta' tagħrif għall-emigranti Maltin.

PBS — Programmi ta' aħbarijiet

Question

Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-programmi ta' l-aħbarijiet mill-PBS jintbagħtu fil-ħin biex jintwerew fuq SBS television għax mhux l-ewwel darba li fil-ħin li suppost jintwerew ma jixxandar xejn għax il-programm ma jkunx wasal u b'hekk il-Maltin minbarra nuqqas ta' tagħrif dwar pajjiżhom iħossuhom ridikolati ħdejn gruppi etniċi oħra li jkollhom regolarment il-programmi tagħhom fuq SBS television?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Freeport

Question

Jista' l-Minstru jgħid liema rata ta' ħlas intrabtet li tħallas il-kumpanija CMA CGM meta ddeċidiet li topera mill-Freeport u kif titqabbel din ir-rata ma' ħlasijiet li ntalbu jħallsu kumpaniji oħrajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokumenti li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra li jirreferu għall-ftehim kollu li sar bejn il-Gvern/Malta Freeport Corporation ma' CMA/CGM. Ir-risposta tista' tinġabar minn dawn id-dokumenti.

Freeport — CMA CGM

Question

B'liema rata fis-siegħa ntrabtet li tħallas is-CMA CGM għall-ħatt tal-containers mill-vapuri tagħha u f'każ li ma żammitx mal-ftehim x'penali kellha tħallas? Kemm kienu telgħu dawn il-penali sakemm laħqet ftehim biex tmexxi l-Freeport għat-30 sena li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għal-PQ 9732.
Leg 10 PQ #9734 Sitting 213 2004-12-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Operaturi turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-operaturi fit-turiżmu li ntgħażlu biex jikkwalifikaw għall-fondi mill-UE u l-gvern Malti fi skema kordinata bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Bank of Valletta? Jista' jgħid f'kull każ fiex jikkonsisti l-proġett li se jagħmlu u kemm se jingħataw fondi għalih? Jista' jgħid kemm applikaw għal dawn il-fondi u meta se ssir sejħa oħra għall-użu ta' fondi simili?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din l-iskema ġiet organizzata mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu biss. Il-Bank of Valletta sellef l-ammont rimanenti (oltre l-parti finanzjata mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern) lil dawk li riedu japplikaw għal-Grant Scheme. Kien hemm 53 applikant li bbenefikaw mill-fondi. Il-fondi intużaw kollha. Sejħa oħra issir jekk u meta fondi simili jkunu disponibbli għal eserċizzju simili. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant.

Kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi il-mistoqsija parlamentari numru 9450 u ċioe' jgħid x'arranġamenti qed isiru mal-banek biex min għandu kontijiet pendenti tad-dawl u l-ilma jissellef mill-banek biex iħallas il-kontijiet? X'arranġamenti se jagħmlu l-banek ma' dawk il-persuni li jifilħu jħallsu biss sa ċertu livell għax jgħixu bl-assistenza soċjali biss?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Surcharge fuq id-Dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 9453 u cioe' jgħid meta stabilixxa s-surcharge fuq id-dawl u l-ilma l-gvern b'liema mod ikkalkola l-prezz taż-żejt? F'liema żmien u b'liema valur tad-dolllaru kkalkola li nxtara dan iż-żejt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentri numru 9448 u ċioe' jgħid meta jiġu biex jintalbu ħlasijiet għall-kontijiet tad-dawl u ilma l-korporazzjonijiet u l-gvern qed jagħtu kas fejn il-posta jeħodha r-raġel li ma jgħix id-dar u allura l-mara ma tkunx taf li qed jiġu l-kontijiet, ma tkunx taf li ma tħallsux u lanqas ma tkun taf b'avviż li jekk ma tħallasx se jaqtgħulha d-dawl u l-ilma bħal fil-każ ta' persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li f'każijiet ta' separazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma toqgħod attenta ħafna biex ma tieħux passi li jiffavorixxu parti waħda. Il-każ li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalih, qed jiġi kkunsidrat.

Kont tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 9445 u cioe' jista' jara li jsiru arranġamenti mal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament biex tħallas il-kont tad-dawl u ilma gradwalment (Lm50 fix-xahar) peress li tinsab fi proċess ta' separazzjoni mar-raġel u tgħix biss bl-assistenza soċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persuna indikata tista' tmur l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex tagħmel arranġament ma' bank kummerċjali għall-ħlasijiet permezz ta' Standing Order, b'mod li l-kont pendenti jitħallas fi żmien sitt xhur.

Pulizija — Ħanut tax-xorb

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed tkompli tieħu l-pulizija dwar il-kwestjoni mqajma f'mistoqsija parlamentari numru 9499?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tkompli tagħmel spezzjonijiet fil-ħanut imsemmi sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż. Fil-fatt minn dawn l-ispezzjonijiet jirriżulta li l-ħanut mhux qed ikun miftuħ u lanqas ma kien hemm ilmenti mal-Pulizija.
Leg 10 PQ #9729 Sitting 212 2004-12-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bajja ta' San Ġorġ — Triq Santu Wistin

Question

Peress li meta sar it-tisbiħ ta' Triq Santu Wistin ġewwa l-Bajja ta' San Ġorġ, madwar sentejn ilu, kienu saru bollards ħomor u faċċata tagħhom kien hemm erba' arbli li kollha kienu jixgħelu, pero' għal ftit tal-ġranet biss għax wara z-zona reġgħet baqgħet fid-dlam, jista' l-Ministru jara li dawn jerġgħu jibdew jinxtegħlu speċjalment issa li ġejjin il-Festi tal-Milied?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Se nivverifika x'jista jsir fuq is-suġġeriment ta' l-Onor. interpellant.

San Pawl il-Baħar — Bini bla Permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min għandu responsabbilta' jiċċekkja jekk hix tiġi mħarsa l-liġi waqt li tiela' bini fuq it-tafal fi Triq Isuoard f'San Pawl il-Baħar, b'sogru li jċedi iżjed 'il quddiem b'konsegwenzi koroh għal min jgħix fih u għall-ġirien?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma naħseb jaf l-Onorevoli Interpellant, permessi għal bini jinħarġu mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Membru li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.