Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10711 u cioe' jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol biex jiġu aġġustati l-pensjonijiet skond il-ftehim kollettiv bejn il-GWU u l-Maltacom għal dawk il-persuni bħalma hi l-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għadhom qed jistennew dan l-aġġustament, jaraw id-dħul tagħhom jibqa' fiss waqt li l-ispejjeż, fosthom tal-mediċini, jogħlew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha direttament mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se joħorġu applikazzjonijiet għall-permanent posts għal speech and language pathologists fis-sajf li ġej jew inkella wara Awissu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa qed jevalwa l-possibilta' li joħorġu xi postijiet fid-dawl tal-prijoritajiet ta' l-istess dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ħarġet ordni mill-ministeru jew mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex l-għajnuna speċjali li kienet tingħata lil tfal bid-dyslexia fl-iskola primarja tal-Mellieħa tiġi rtirata?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf li f'ħaġa bħal din il-Ministeru qatt ma jindaħal. Informat ukoll li lanqas id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tat l-ebda struzzjonijiet kif imsemmi fil-Mistoqsija u d-Dipartiment tal-Kurrikulu, speċifikament l-iSpecific Learning Difficulties Unit, qatt ma ta ordni biex l-għajnuna speċjali tiġi rtirata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm istituti fil-kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija li għal xi raġuni jew oħra għadhom ma ħarġux ir-riżultati ta' l-istudenti, peress li wasluli lmenti li xi żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw iridu l-ewwel ikunu għaddew mill-eżamijiet li għamlu? X'se jiġri fejn hemm studenti li diġa' bdew il-kors u għadhom ma jafux għaddewx jew le? X'se jiġri jekk ikunu weħlu? Meta se joħorġu r-riżultati ta' l-eżamijiet kollha? X'inhi r-raġuni li l-istudenti qed jitħallew jistennew?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex qed tinbena d-drawwa fil-kulleġġ Malti għall-arti, xjenza u teknoloġija li jsiru żewġ tipi ta' okkażjonijiet għall-istudenti li jispiċċaw il-korsijiet tagħhom, okkażjoni ta' filgħodu għall-istudenti li jmorru mhux ħażin u okkażjoni filgħaxija bl-importanza kollha għal dawk l-istudenti li jmorru tajjeb?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġo l-MCAST saru ċerimonji filgħodu u oħrajn filgħaxija fejn tqassmu ċertifikati lil il fuq minn 1200 student li għaddew min korsijiet ta' tlett livelli.
Informat ukoll li dawk kollha li spiċċaw b'suċċess il-korsijiet tal-ewwel u tat-tieni livell saret ċerimonja filgħodu, kemm jekk marru ħażin kif ukoll jekk marru tajjeb ħafna. Ħafna min dawn l-istudenti li spiċċaw l-ewwel u t-tieni livell din is-sena għadhom jattendu l-MCAST għal korsijiet tat-tieni livell rispettivament.
Iċ-ċerimonja għal dawk li spiċċaw it-tielet livell b'suċċess saru filgħaxija. Dawn kważi kollha spiċċaw mill-MCAST u marru fid-dinja tax-xogħol.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom ħadd mill-iskejjel sekondarji u post-sekondarji tal-gvern din is-sena ma ħadu sehem fl-essay competition organizzata mill-British cultural association? Xi promozzjoni saret fl-iskejjel governattivi dwar din il-kompetizzjoni u x'inizjattivi ttieħdu mill-kapijiet u l-għalliema biex jinkoraġġixxu lill-istudenti jieħdu sehem fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena bħas-soltu intbagħtet iċ-ċirkolari fl-iskejjel bħal ma jiġri għal kull kompetizzjoni, imbagħad hu l-kompitu ta' l-iskejjel li jieħdu l-inizjattiva meħtieġa. Huwa evidenti li m'hinix sodisfatt bil-promozzjoni li suppost issir u bl-ispirtu ta' inizjattiva minn dawk li għandhom iħossuha dmir tagħhom jieħdu sehem f'essay competition bħal din. Kelli l-okkażjoni niġbed l-attenzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dwar in-nuqqas ta' parteċipazzjoni minn naħa ta' skejjel ta' l-Istat wara li ġieli presedejt l-għoti tal-premjijiet tal-British Cultural Association essay competition. F'okkażjoni bħal din trid u ma tridtx meta tisma l-ismijiet ta' l-iskejjel li jkunu ħadu sehem tkun fi proċess ta' "name and shame" ta' l-iskejjel li ma jkunux ħadu sehem.
Jista' il-Ministru jara li jinbidel il-kuntratt tal-persuna li tgħallem mal-kulleġġ Malti għall-arti, xjenza u teknoloġija - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - minn full-time ta' tliet snin għal wieħed ta' part-time biex ikun jista' isegwi l-kors masters in clinical psychology li ntgħażel għalih u li żgur ikun investiment tajjeb biex l-istaff tal-kulleġġ jitħarreġ u jifforma ruħu professjonalment aħjar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lecturer konċernat ingħatalu l-permess biex jibdel il-kuntratt tiegħu minn wieħed full-time għal wieħed fuq basi prorata biex ikun jista jsegwi l-kors offrut mill-Universita' ta' Malta.
Il-lecturer s'issa ma setax ikun ċert mis-siegħat li seta joffri minħabba li l-kors kien full-time. Il-Kulleġġ m'għandux oġġezzjoni li l-lecturer jaħdem fuq kuntratt part-time jekk jaħdem fis-sigħat tal-Kuleġġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw għall-aħħar sessjoni tal-Commonwealth scholarships? Jista' jgħid min intgħażel u jagħti l-isem, il-kwalifiki li għandu u f'liema qasam se jsegwi kors post-graduate?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif dwar minn ġie nominat għal dan l-ischolarship ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-għażla finali mhix f'idejn il-Gvern Malti.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-pjan li kellu jfassal il-gvern biex pajjiżna jilħaq il-miri ta' l-istrateġija ta' Lisbona maqbula fis-sena 2000 biex sa ħames snin oħra l-Unjoni Ewropea ssir l-ekonomija l-iżjed kompetittiva' fid-dinja? Jista' ipoġġi fuq mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-pjan ta' pajjiżna biex iwettaq il-miri ta' Lisbona? Fiex wasalna fit-twettiq ta' dan il-pjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bla dubju il-Gvern Malti jaqbel ma’ l-istrateġija ta’ Lisbona bħala mezz li bih jistaw jintlaħqu miri strateġiċi li mhux biss iżidu l-kompetittività ta’ pajjiżna iżda wkoll il-livell u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Għalkemm il-Gvern ma kienx mistenni li jippublika xi pjan uniku għal din l-istrateġija. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li ġew mnieda diversi inizjattivi f’oqsma diversi għal dan il-għan. Fost dawn hemm il-Pjan Nazzjonali dwar l-Impjiegi u ieħor dwar il-Faqar u l-Esklużżjoni Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jgħin lil dawk li jrabbu l-majjali li għaddejjin minn diffikultajiet serji u jpoġġi fuq il-mejda kopja tal-pjan ta' azzjoni li għandu għas-settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern innegozja pakkett ta' għajnuna finanzjarja (sussidji) biex il-prezz tal-majjal joqrob lejn dak tal-pajjiżi produtturi fl-Unjoni Ewropea. Is-sussidju preżenti huwa ta' 16-il ċenteżmu kull kilo għall-produtturi u 2 ċenteżmi kull kilo direttament għall-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjal Ltd (K.I.M.). Fis-sena 2004 tħallsu Lm 1,527,531 f'sussidji. Sadanittant, il-Ministeru huwa dejjem lest li jikkonsidra miżuri oħra li jista' jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jgħin lil dawk li jrabbu t-tiġieġ li għaddejjin minn diffikultajiet serji u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' azzjoni li għandu għas-settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern innegozja pakkett ta' għajnuna finanzjarja (sussidji) biex il-prezz tat-tiġieġ joqrob lejn dak tal-pajjiżi produtturi fl-Unjoni Ewropea. Matul is-sena 2004, is-sussidju kien ta' 6 ċenteżmi kull kilo għall-produtturi u ċenteżmu kull kilo lill-proċessuri biex jgħin fir-ristrutturar tal-impjant taghħom. Ninsab informat illi għas-sena 2004 tħallsu madwar Lm345,000 f'sussidji f’dan is-settur. Sadanittant il-Ministeru huwa dejjem lest li jikkonsidra miżuri oħra li jista' jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-ministeru biex jinxtraw basktijiet tad-drapp biex jintużaw flok dawk tal-plastik? Mnejn inxtraw dawn il-basktijiet u xi sforzi saru biex jinxtraw wara li jkunu nħadmu lokalment? Bdiet tiffunzjona?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva biex jinxtraw il-basktijiet tad-drapp ħaditha il-kumpanija Wasteserv Malta Co. Ltd sabiex isservi ta' katalist u tħeġġeġ lill-kumpaniji oħrajn jagħmlu l-istess u joffru basktijiet tad-drapp flok dawk tal-plastic.
Din l-inizjattiva seħħet bil-parteċipazzjoni ta' sponsors li koprew parti sostanzjali ta' l-ispejjeż. Il-kunsinna ta' 15,000 baskett li ġiet direttament mill-Indja swiet lill-kumpanija Wasteserv Malta Ltd 35 ċenteżmu kull baskett, wara li kienu evalwati numru ta' offerti kemm lokali kif ukoll barranin. Kull basket qed jinbiegħ għall-prezz ta' 25 ċenteżmu.
Fl-evalwazzjoni tagħha, il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd ħadet in konsiderazzjoni, barra l-prezz l-aktar vantaġġjuż, il-kwalità tal-materjal li huwa reżistenti, jiflaħ xirja mdaqqsa, jista' jintmesaħ minn ġewwa, u jista' jieqaf sabiex jagħmilha faċli li titpoġġa x-xirja ġo fih.
Nittama li l-Onor. Interpellant ma jsibx problema li pajjiż mit-Tielet Dinja ssodisfa l-kriterji kollha mixtieqa għax-xiri ta' dawn il-basktijiet.
Ta' min isemmi wkoll inizjattiva oħra li se ssir biex jingħataw basktijiet tad-drapp li nħadmu Malta bħala parti mill-kampanja ta' promozzjoni "Naturalment Malti".
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġet l-awtorita' Maltija tat-turiżmu għall-musical 1565? Kemm ħareġ il-ministeru tal-kultura għall-istess musical? Xi kriterji ntużaw biex tkun proprja din il-produzzjoni li tintgħażel biex tingħata fondi pubbliċi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se toħroġ Lm 10,000 biex tkopri l-ispejjeż tal-kostumi li ntużaw għal dan il-musical. Dawn il-kostumi huma proprjetà ta’ l-MTA u se jintużaw fir-Re-enactments u attivitajiet ta’ l-In Guardia li l-istess Awtorità torganizza matul is-sena. Il-kostumi li kienu qed jintużaw f’dawn l-attivitajiet saru fl-1993. Minn dak iż-żmien sallum ma sarux kostumi ġodda minkejja l-użu qawwi tagħhom.
Dan il-musical attira madwar 800 turist. Din il-produzzjoni ġiet ukoll immarkitjata mill-uffiċini barranin ta’ l-Awtorità.
L-organizzaturi tal-musical ressqu ukoll talba għal sponsorshipgħal Lm 500 quddiem il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, liema talba għadha qed tiġi kkunsidrata.
Minn Mejju 2004 sal-lum kemm-il darba bħala Ministeru tat-Turiżmu, ntbagħtulu dokumenti dwar proposti, direttivi u regolamenti fil-pipeline acquis ta' l-Unjoni Ewropea biex jagħti l-veduti dwar kif jintalaqat is-settur turistiku? X'konsultazzjoni għamel mas-settur privat dwar dawn il-proposti? Jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista sħiħa b'dawn il-proposti leġislattivi u regolamentari?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li, minbarra li jirċievi proposti fil-pipeline acquis mingħand is-Segretarjat ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u mill-Ministeru Ewlieni konċernat, id-Direttorat għall-Affarijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura jidentifika hu stess proposti li jista’ jkollhom impatt fuq is-settur turistiku. Ma ssirx distinzjoni bejn proposti li jaslu lid-Direttorat u dawk li jidentifika id-Direttorat stess.
In-numru ta’ proposti li eżamina id-Direttorat mill-1 ta’ Mejju 2004 kien ta’ 22. L-ismijiet jidhru fit-tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal- Kamra. Il-lista tinkludi ukoll:
· proposti li eventwalment ġew irtirati mill-Kummissjoni Ewropea
· proposti li, wara li kienu eżaminati, instab li ma kinux rilevanti għas-settur
· proposti li, għalkemm huma taħt il-kategorija ta’ kultura u allura huma wkoll responsabbiltà tal-Ministeru, jimpinġu wkoll fuq il-qasam turistiku
· proposti li, wara li kienu eżaminati, instab li kienu ta’ nteress ekonomiku ġeneriku u allura il-veduti tal-Ministeru kienet identiċi għall-opinjoni tal-Ministeru Ewlieni, ħafna drabi il-Ministeru għall-Kompetittività u l-Komunikazzjoni
· proposti mhux leġislattivi
Il-Ministeru ikkonsulta b’mod ġenerali mas-settur turistiku fil-każ tal-proposta għal Direttiva dwar Servizzi fis-Suq Intern (COM (2004) 0002). Fil-każ dwar il-proposta għal Direttiva dwar il-Kimiċi (REACH) (COM (2003) 0644) u il-proposta għal Direttiva dwar il-Kundizzjoni ta’ Xogħol ta’ Ħaddiema Temporanji saru talbiet għal reazzjonijiet lil oqsma speċifiċi.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista bil-programmi kollha ta' l-Unjoni Ewropea li l-awtorita' Maltija tat-turiżmu esplorat s'issa u beħsiebha tesplora dwar il-possibbilta' li ġġib fondi diretti għall-qasam turistiku f'pajjiżna u kemm minn dawn il-fondi jistgħu japplikaw għalihom direttament l-imprendituri privati tas-settur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar snin, u b’mod partikolari minn meta bdew it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-Fondi Strutturali, l-Awtorita’ Maltija ghat-Turiżmu esplorat kif ukoll ipparteċipat f’numru ta’ progetti finanzjati mill-UE. Ħafna minn dawn il-proġetti ġew ikkoordinati minn lis-Strategic Planning and Research Division, li kienet ukoll responsabbli għall-affarijiet relatati ma’ l-UE ta’ l-istess Awtorita’.
Tlett proġetti ġew iffinalizzati matul dawn l-aħħar xhur:
(a) Feasibility Study for Tourism Satellite Accounts;
(b) Skills Analysis and Employment Forecasts 2004-2008 for the Maltese Tourism Industry;
(c) TAIEX Expert Mission on EU Travel & Package Directives.
Fl-ewwel wieħed, l-Awtorita’ mexxiet proġett b’valur ta’ EUR48,000, li fih iparteċipaw ukoll l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, kif ukoll il-Bank Ċentrali ta’ Malta. 30% ta’ l-ispejjes taħt dan il-progett ġew koperti minn skema ta’ għajnuna għal dan it-tip ta’ studju, imnedija mit-Tourism Unit fi ħdan DG Enterprise (Kummissjoni Ewropeja).
Fit-tieni proġett hawn fuq imsemmi, l-Awtorita’ ibbenefikat minn għajnuna ta’ EUR5,000 (pre-accession funding) sabiex tħejji studju dwar il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani fl-industrija tat-turiżmu għall-perijodu 2004 - 2008. Dan l-istudju qed jiġi użat bħalissa fl-implimentazzjoni ta’ proġetti, li l-Awtorita’ waslet biex tniedi u li huma iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.
It-tielet proġett ibbenefika minn għajnuna teknika provduta minn DG Enlargement (TAIEX Office) sabiex iħarreg l-uffiċjali fid-Direttorat ta’ l-Enforcement dwar direttivi ġodda Ewropej fil-qasam ta’ l-ivjaġġar (direttivi dwar Timeshare u Package Travel).
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Awtorita’ kienet qed timplimenta l-ewwel fażijiet ta’ proġett ta’ għajnuna indirizzata lejn l-operaturi fil-qasam turistiku, permezz ta’ skema taħt il-Fondi Strutturali. Din l-iskema tkopri proġetti b’valur totali ta’ EUR2.5 miljuni; 35% minn dan il-valur se jiġi kopert b’Fondi Strutturali Ewropej u 25% b’fondi mill-Gvern Malti
Fix-xhur li ġejjin, l-Awtorita’ sejra tibda programm ta’ riċerka dwar għajnuna finanzjarja li l-industrija tat-turiżmu f’Malta tkun tista’ tibbenefika minnha. Din ir-riċerka se tiffoka l-aktar fuq għajnuna diretta Ewropeja f’erbgħa oqsma prinċipali:
(a) żvilupp sostenibbli u użu ta’ enerġija alternattiva;
(b) l-użu ta’ l-informatika fil-qasam turistiku;
(c) promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs, fosthom miżuri għal aċċessibilita’ aħjar tal-faċilitajiet turistiċi; u
(d) taħriġ tar-riżorsi umani f’dan il-qasam. Għal dan il-għan, l-Awtorita’ sejra tkun qed tfittex x’opportunitajiet u xi programmi se jkunu miftuħa taħt Interreg, FP6, Leonardo u Grundvig, kif ukoll direttament mid-diversi Direttorati tal-Kummissjoni Ewropeja, b’enfasi fuq programmi ta’ għajnuna, li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw direttament l-operaturi privati tas-settur.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'pożizzjoni se jieħu l-gvern biex iħares l-interessi ta' pajjiżna fix-xhur li ġejjin, issa li qed jitfasslu l-financial perspectives ta' l-Unjoni Ewropea 2007-2013, bl-istatistika bħalissa turi li l-GDP ta' pajjiżna huwa 75.9% tal-medja Ewropea u allura ma nikkwalifikawx iżjed għall-fondi taħt Objective 1?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10708.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10525 u cioe' jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li l-gvern jifli sewwa l-istrutturi li għandu pajjiżna biex jevalwaw il-miżuri, proposti, regoli fiskali, ambjentali u ta' saħħa, kundizzjonijiet tax-xogħol, fost l-oħrajn, li ġejjin mill-obbligi tagħna bħala membri fl-Unjoni Ewropea biex jibdew jaraw sew l-impatt tagħhom fuq il-qasam turistiku? Jaħseb li s'issa m'għandhiex dawn l-istrutturi meħtieġa peress li l-Unjoni Ewropea nnifisha nieqsa minn dawn l-istrutturi u aħna kulma għamilna s'issa rreplikajna l-istrutturi ta' l-Unjoni Ewropea fix-xogħol ta' skrutinju tagħna fid-delegazzjoni Maltija fi Brussel u fil-working committees tal-parlament u għalhekk it-turiżmu huwa nieqes minnhom, minkejja li hemm dak li joħroġ mill-Unjoni Ewropea spiss jaffettwa l-qasam turistiku, qasam ewlieni għall-impjiegi u l-ġid f'pajjiżna u bħalissa dan l-impatt mhux qed jiġi skrutinizzat b'mod adegwat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' il-kumitat inter-ministerjali dwar it-turiżmu tul ix-xahar ta' Jannar 2005? Jista' jgħid x'terms of reference għandu dan il-kumitat u min qed jattendi għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10040.