Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-bord ta' Dar il-Mediterran għall-konferenzi ċaħħad l-użu tal-faċilitajiet biex tittella' wirja/attivita' ta' trasvestiti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala regola, hija l-proċedura tal-Ministeru li ma jindaħalx f’deċiżjoni ta’ natura ordinarja fi ħdan l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu. Ninsab infurmat li din id-deċiżjoni kienet waħda li ħa l-Bord responsabbli mit-tmexxija ta' Dar il-Mediterran skond id-deskrezzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid għal min ġie organizzat il-kors mill-istitut għall-istudji turistiċi, magħruf bħala PT/3013/2005 - tour guides evening course 2005/6? Min seta' japplika għalih? Fejn ġie pubbliċizzat? Xi kwalifiċi kellhom bżonn il-parteċipanti? Kif ġew magħżula? Kemm minnhom bdew il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Tour Guides Evening Course (PT/3013/2005) se jkun organizzat mill-Istitut
ta' l-Istudji Turistiċi fuq talba tal-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, u
għandu jibda f'Mejju li ġej. Il-kors kien miftuħ għal persuni li kienu
attendew kors preċedenti u simili u li kien organizzat mill-MTA flimkien ma'
l-MUS. L-Istitut irċieva 20 applikazzjoni u kollha jistgħu jibdew il-kors.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema każi huma intitolati għall-mediċina Aredia bl-infusion? Meta ġew imfassla r-rekwiżiti li jintitolaw persuna għal din il-mediċina mħallsa mill-fondi pubbliċi? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kundizzjonijiet li persuna trid tissodisfa biex tingħata din il-mediċina Aredia?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta tad-Domanda numru 5838 tas-Seduta numru 132.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex jitwaħħlu dwal pubbliċi adattati f'Santa Maria estate u fil-Kortin, fil-Mellieħa peress li hemm inħawi sħaħ bla dawl adekwat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dwal ġodda huma r-responsabilita' tal-Kunsill Lokali bħala parti mid-devoluzzjoni tad-dwal tat-toroq.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ġewx ikkonsultati l-entitajiet turistiċi, inkluż il-ministeru, dwar dredging li se jsir fil-bajja tas-Salini fl-istaġun turistiku? Jaqbel il-Ministru li jsir dan ix-xogħol, li inevittabbilment se jħammeġ il-bajja fl-istaġun turistiku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan id-dredging hu tkomplija tal-proġett biex jitnaddaf is-sikkorsju li hemm madwar is-Salini. Dan is-sikkorsju hu kanal li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni tal-baħar madwar is-Salini, liema kanal ġie mblukkat mill-ħaxix.
Minħabba n-natura tax-xogħol kif ukoll minħabba l-fatt li l-blockage jikkostitwixxi periklu għal dawk il-familji li jiffrekwentaw il-Kennedy Grove, ġie deċiż li jkun aħjar li dawn ix-xogħlijiet jitwettqu bħalissa.
Dawn ix-xogħlijiet għandhom il-permessi meħtieġa mill-M.E.P.A.
Jista' il-Ministru jgħid x'hemm ippjanat li jsir għad-dredging tal-bajja tas-Salina? Meta se jsir dan ix-xogħol? Sar studju ta' x'impatt se jħalli fuq il-baħar fi żmien l-istaġun turistiku f'post fejn hemm tliet lukandi u għadd ta' ristoranti? Għaliex ix-xogħol ma jsirx f'xhur ta' inqas turiżmu, bħal bejn Ottubru u Diċembru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li bħala parti mix-xogħlijiet tal-flood relief ix-xogħol ta' dredging fis-Salini għandu skop limitat, dak li jitfannad il-fairway u jippermetti dħul u ħruġ tal-braken żgħar għal ġewwa s-Sukkursu. Dan id-dredging huwa kkunsidrat bħala żgħir ħafna li ma jirrekjedix studji. Għaldaqstant il-Mariners Notice li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern ma kienetx immirata għal xogħol kbir imma biex tippermetti manuvrar tal-braken mingħajr xkiel waqt it-traġit tagħhom bejn is-Sukkursu u l-offshore dumping site.
Ix-xogħlijiet huma mmirati li jsolvu l-problema ta' staġnar tas-Sukkursu u l-problemi ta' svog ta' l-ilma tax-xita minn Burmarrad, li hemm marbuta ma' dawn l-inħawi. Studju għal dan il-għan ma kienx neċessarju peress li ma hemm xejn ġdid ħlief li titħaddem sistema ta' ċirkulazzjoni naturali li kienet taħdem snin ilu.
Dan ix-xogħol l-aħjar li jsir meta l-baħar ikun kalm u għaldaqstant ma jkunx prudenti jekk jitħalla għax-xhur minn Ottubru sa Diċembru.
Tista' il-Malta tourism authority tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb biex l-ex-skola sekondarja tal-Marsa tinbidel f'ċentru għall-klandestini/refuġjati? Kemm se tilqa' fiha? X'bidliet strutturali se jsiru fiha? Kif se tkun iffinanzjata? Tista' tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' kif ġej iċ-ċentru u b'liema kundizzjonijiet se jitmexxa u x'faċilitajiet se jkollu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli l-opportunita' li ngħid fi Tweġibiet għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, l-iskola ta' San Gużepp fil-Marsa qed tiġi konvertita bħala Open Centre għall-immigranti rregolari. Bħalissa qed isiru xogħolijiet fuq dawl, ilma, drenaġġ, aluminium u njam. Dan iċ-Ċentru mistenni jakkomoda sa 224 persuna.
L-iffinanzjar taċ-Ċentru hu kopert mill-Vot għar-Rifuġjati taħt l-Estimi tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali.
Ix-xahar l-ieħor ġie ppubblikat avviż fil-gazzetti biex l-organizazzjonijiet, inkluż NGOs, interessati li jmexxu dan iċ-Ċentru jesprimu dan l-interess u jagħmlu proposti f'dan ir-rigward. Dan iċ-Ċentru mistenni li jkollu facilitajiet bażiċi li jinħtieġ ċentru ta' akkomodazzjoni kif ukoll spazju għar-rikrejazzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti mitluba.
Tista' il-Maltacom tara kif se tasal f'arranġament mal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li akkumulalha kont kbir tat-telefonati li saru minn persuna oħra - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li skond ordni tal-qorti ċivili b'sentenza nhar id-9 ta' Diċembru 1999 joħroġ ċar li l-persuna li qed takkumulalha l-kont hija vittma tal-persuna l-oħra u se jkollha tħallas hi meta l-ħati qed jirnexxielu jaħrab milli jħallas hu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hijiex tinkiser il-liġi ta' l-edukazzjoni meta l-universita' tiċċarġja Lm1,500 kull sena lill-istudenti għall-kors ta' l-M.Psych li jsir filgħodu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors ta' Masters fil-Psikoloġija huwa kors full-time li nofsu huwa ddedikat għall-course work u n-nofs l-ieħor għall-prattika. Il-maġġoranza tal-lezzjonijiet, għal diversi raġunijiet validi, ser isiru barra mill-ħinijiet normali ta' l-Universita'.
Għall-prattika l-istudenti qed ikunu allokati fl-isptarijiet, skejjel u servizzi oħra. Ftit minn dawn is-servizzi, l-aktar l-isptarijiet u l-iskejjel joperaw biss filgħodu jew sa kmieni wara nofs in-nhar. Oħrajn joperaw filgħaxija. Dan ifisser li l-istudenti iridu jattendu għall-prattika f'kwalunkwe ħin tal-ġurnata u waqt il-vaganzi ta' l-Universita'. Il-parti l-kbira tax-xogħol tal-kors se jkun organizzat tard wara nofs in-nhar. A bażi ta' dawn iċ-ċirkostanzi mogħti l-parir li m'hemm l-ebda ksur ta' liġi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jgħid meta se tingħata l-linja ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Wied ta' Ruman fil-Mellieħa u din il-linja tiġi ndikata b'mod ċar lir-residenti u lil min qed jibni fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-għoti ta’ l-allinjament mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) isir:
· fuq talba li ssir mill-applikant wara li jinħarreġ permess ta' l-iżvilupp,
· fuq talba mid-Direttorat Tat-Toroq fi ħdan l-ADT, qabel ma tkun sejra tiġi asfaltata it-triq.
Fil każ ta' Triq Ġdida fi Triq il-Wied Ta' Ruman, ġie mogħti l-allinjament tat-triq diversi drabi fuq talbiet ta' żvilupp. Madanakollu, ikun aħjar kieku l-Onor. Interpellant ikun jista’ jispeċifika għal liema żvilupp qiegħed jirreferri.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-kors ESF14 employability skills for women returning to the workforce organizzat mill-MCAST? Kemm minnhom ġew aċċettati għall-ewwel grupp? Fuq liema bażi sar ir-ranking tal-kandidati? Il-kandidati ġew informati b'din il-proċedura?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 200 applikant minn Malta u 21 minn Għawdex għall-kors ESF 14 Employability Skills for Women returning to the Workforce.
Għall-ewwel grupp ġew aċċettati 107 minn Malta u 12 minn Għawdex. Ir-ranking tal-kandidati sar minn Aptitude Test.
Fuq l-applikazzjoni l-kandidati kienu infurmati li jista' jsir Interview jew Aptitude Test u kellhom laqgħa fejn kien ġie spjegat li ser ikunu ranked fuq Aptitude Test.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex ma terġax tiġri t-taħwida li ġrat għall-eżami ta' l-EFL monitoring board li sar nhar is-Sibt 26 ta' Marzu 2005? Meta mistennija titlesta l-inkjesta dwar x'ġara?
Response (GALEA, LOUIS)
L-istħarriġ li tlabt li jsir tlesta mid-Direttur tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni s-sur Lawrence Zammit.
Kopja tar-rapport datat 6 ta' April, 2005, ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li r-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea jipprovdu li ċittadin ta' l-Unjoni għandu dritt li jfittex kura fi sptar f'pajjiż membru ieħor bl-awtorizzazzjoni ta' l-awtoritajiet ta' pajjiżu. Din l-awtorizzazzjoni tingħata jekk il-kura mitluba tkun tista' tingħata f'limitu ta' żmien aċċettabbli. L-ispiża tkun rimborsata mill-awtoritajiet tal-pajjiż taċ-ċittadin kemm-il darba tkun ingħatat din l-awtorizzazzjoni bil-quddiem. L-awtoritajiet ta' saħħa Maltin kif qed jinterpretaw it-terminu "limitu ta' żmien aċċettabbli" u kif dan qed ivarja minn kura għal oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Id-Dipartiment tas-Saħħa ma għamel l-ebda definizzjoni tat-terminu "limitu ta' żmien aċċettabbli" għaliex dan jinbidel skond kriterji strettament mediċi, irrispettivament mit-tul ta' stennija għall-kura meħtieġa; u dan skond l-opinjoni espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
Tista' il-MEPA tagħmel l-investigazzjonijiet meħtieġa biex tara jekk ħanut ta' mastrudaxxa hux jaħdem bil-permessi kollha meħtieġa fl-indirizz li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant mgħandux il-permessi neċessarji mingħand l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u fil-fatt diġa ittieħdet azzjoni dwar dan b'permezz ta' l-Aviż ta' Twettiq li jġib in-numru ECF886/99 li nħareġ fl-14 ta' Ottubru 1999.
Tista' il-MEPA tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm iridu jħallsu kera fis-sena lill-gvern dawk li se jiżviluppaw il-carparks tax-Chalet f'Għar id-Dud u fi Qui-si-Sana?
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11362.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10711 u cioe' jgħid x'kien il-prodott gross domestiku ta' pajjiżna fis-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 u jispjega xi kkontribwixxa biex kull sena tela' jew niżel? F'liema qasam tela' u niżel? Jista' jagħti mill-1999 sas-sena 2002 x'kien il-GDP ta' Malta meta mqabbel mal-medja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11362.