Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom il-Gvern ta' Malta ma kienx rappreżentat fil-funeral statali ta' l-Onor. Al Grassby, l-ex-Ministru ta' l-Immigrazzjoni li kellu rabtiet qrib ferm mal-Maltin, liema funeral sar f'Canberra?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Kummissarju Għoli ta' Malta fl-Awstralja, li kien diġa informa lill-organiżżaturi tal-funeral ta' l-Onorevoli Grassby bl-intenzjoni tiegħu li jattendi, kien indispost dakinhar li sar il-funeral.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha ħafna li applikat għal permanent warrant ta' għalliema?
Huwa aċċettabbli li għadda dan iż-żmien kollu u l-applikazzjoni tagħha għadha ma ġietx ikkunsidrata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikazzjoni imsemmija diġa' ġiet konsidrata b'mod sħiħ. Hemm diffikulta' legali dwar il-perjodi ta' servizz u esperjenza ta' tagħlim da parti ta' l-individwu konċernat. Informat ukoll li qed jintalbu il-pariri meħtieġa dwar dan qabel il-materja tiġi deċiża b'mod definittiv.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex is-sid ta' ħanut li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent għall-ġirien bi ħmieġ, ġrieden u pparkjar tal-karozza illegalment għax jiftaħar li ħadd ma jista' għalih?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li ninsab infurmat illi l-Pulizija ħadet passi kemm-il darba kontra sid dan il-ħanut fuq l-ipparkjar irregolari tal-vettura tiegħu, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-kumplament tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma ħaditx it-Lm12 li ngħataw fl-aħħar budget?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kap tal-familja ndikata mill-Onor. Interpellant ġie nfurmat bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-pulizija tinvestiga jekk fl-iskola sekondarja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex timxi d-droga peress li wasluli rapporti f'dan is-sens minn ġenituri inkwetati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija bdiet tinvestiga dan l-ilment. Pero' ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant, sabiex jekk għandu aktar tagħrif li jista' jgħin lill-Pulizija fl-istħarriġ tagħha, jgħaddihuli anke b'mod kunfidenzjali.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema jum inħatru s-sinjuri Winston Zahra, George Micallef, Sam Mifsud u Chris Grech biex jimplimentaw pjan ta' tibdil fl-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' ipoġġi kopja ta' l-ittra tal-ħatra tagħhom fuq il-mejda? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-lista ta' tibdiliet li kellhom iwettqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Implementation Team twaqqaf waqt laqgħa tal-Bord ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fis-7 ta’ Ottubru 2004. L-Implementation Team kellu terminu li jiskadi f’Jannar 2005.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference ta’ l-Implementation Team kif ukoll kopja ta’ ittra ta’ ringrazzjament li jien bgħatt lill-membri ta’ l-Implementation Team f’Marzu ta’ din is-sena.
Il-proċess ta’ ristrutturar, fuq il-linji proposti fir-rapport ta’ Deloitte avvanza sew. Fost oħrajn ta’ min isemmi li beda jiltaqa’ b’mod regolari il-Kumitat Inter-Ministerjali għat-Turiżmu presedut mill-Prim Ministru. Ġie appuntat Chairman Eżekuttiv ġdid ta’ l-Awtorità u tneħħew il-Boards kollha ta’ l-MTA bl-eċċezzjoni ovja tal-Bord prinċipali li ġie appuntat b’membri ġodda. Avvanza sew il-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ l-impjegati ta’ l-MTA. Fil-ġimgħat li ġejjin se tkun finalizzata l-istruttura l-ġdida ta’ l-MTA. Il-mira tal-Ministeru hija li l-proċess ta’ ristrutturar ikun komplut sa l-aħħar ta’ Settembru 2005. Waqt li għaddej dan il-proċess, l-MTA se tkompli bil-ħidma tagħha li tippromwovi ’l pajjiżna bħala destinazzjoni turistika u b'ħidma biex jittejjeb il-prodott turistiku tagħna.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema jum is-sinjuri Winston Zahra, George Micallef, Sam Mifsud u Chris Grech ġew informati li ntemmitilhom il-ħatra biex jimplimentaw tibdil fl-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra tat-tmiem tal-ħatra tagħhom? Jista' ipoġġi fuq il-mejda wkoll kopja bit-tibdiliet li laħqu għamlu u lista tat-tibdil li kien għad fadlilhom jagħmlu? X'kienu r-raġunijiet għat-tmiem tal-ħatra tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12585.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm kien hemm applikazzjonijiet ta' persuni u minn liema pajjiż, għal visa biex jistudjaw l-Ingliż f'pajjiżna? Jista' jgħid f'kull każ kemm applikazzjonijiet ġew aċċettati u liema ġew rifjutati u għaliex? Jista' jagħti l-istess tagħrif għall-ewwel xhur tas-sena 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant m'huwiex disponibbli taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ivvjaġġaw passiġġieri mal-vapuri tal-Gozo channel bil-pass ta' residenti Għawdxin? Kemm ivvjaġġaw passiġġieri Maltin u turisti? Kemm ivvjaġġaw vetturi ma' l-istess vapuri? Jista' jagħti l-figuri għal April 2004 u April 2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Kumpannija tista' tidentifika x'tip ta' passiġġieri qed jaqsmu bejn l-Imġarr u ċ-Cirkewwa biss skond in-nol li jitħallas, jiġifieri kemm qasmu billi ħallsu n-noll sussidjat u kemm ħallsu n-noll mhux sussidjat (li japplika għal dawk li l-Karta ta' l-Identita' tagħhom turi indirizz fuq Għawdex). Għalhekk, m'għandhiex informazzjoni kemm qasmu turisti, imma kemm qasmu passiġġieri li ħallsu in-noll mhux sussidjat, u dan jinkludi kemm il-Maltin u t-turisti.
Min-naħa l-oħra, billi ma jitħallas ebda noll għall-vjaġġ bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, ma hemm ebda mod biex tiddistingwi it-tip ta' passiġġier li uża s-servizz.
L-istatistika relevanti qed tidħer hawn taħt:
April 2005 April 2004
MĠARR ĊIRKEWWA
Passiġġieri Vetturi Passiġġieri Vetturi
Tariffa normali
81,489 15,390 98,030 18,542
Tariffa sussidjata
50,840 18,296 52,352 18,969
ĊIRKEWWA - MĠARR
133,021 33,987 148,865 38,974
Ta' minn wieħed iġħid li L-Għid din is-sena gie fl-aħħar ġimgħa ta' Marzu, waqt li s-sena l-oħra (2004) , l-Għid kien ġie fil-11 ta'April (fit-tieni gimgħ tax-xahar). Dan iħalli effet qawwi fuq it-traffiku bejn iż-żewġ Gzejjer.
Jista' il-Ministru jgħid min kienet il-persuna, u ta' liema nazzjonalita', li f'April li għadda bdiet tieħu ħsieb it-taqsima kummerċjali u kulturali fil-kummissjoni għolja Maltija f'Canberra, Awstralja? X'esperjenza kellha fil-kultura Maltija? Biex tiġi impjegata din il-persuna, kemm saru sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-Canberra Times u kemm saru avviżi fil-gazzetta nazzjonali Maltija jew ir-radjijiet tal-komunita'? Kemm damet taħdem din il-persuna fix-xogħol tagħha?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha jisimha s-Sur Michael Crawford u hija ta' nazzjonalita' Kanadiża.
Meta ġiet impjegata din il-persuna saru żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet fil-Canberra Times.
Il-persuna damet taħdem f'dan ix-xogħol għal xahar għax telqet meta sabet xogħol ieħor imħallas aħjar.
Naqbel li tiġi riattivata d-drawwa li f'każi simili jinħarġu press releases biex il-komunita' Maltija tkun informata dwar dawn il-vacancies li jolqtuhom mill-viċin u tajt istruzzjonijiet biex dan isir minn issa 'l quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu vakanti l-post ta' konslu kummerċjali (onorarju) f'Sydney u għaliex ma nħatarx ieħor minfloku?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Kuntrarju għall-informazzjoni li għandu l-Onorevoli Interpellant il-post ta' Konslu Kummerċjali (onorarju) f'Sydney ma jeżistix. Jeżisti biss post ta' Konsolat Ġenerali f'Sydney okkupat minn Konslu tal-karriera u f'każ li jkun hemm bżonn ta' għajnuna, fil-qasam kummerċjali jew f'xi qasam ieħor tal-ħidma konsolari, din tingħata mill-Kummissjoni Għolja f'Kanberra.
Tista' il-Maltacom tara kif se tasal f'arranġament mal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li akkumulalha kont kbir tat-telefonati li saru minn persuna oħra - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li skond ordni tal-qorti ċivili b'sentenza nhar id-9 ta' Diċembru 1999 joħroġ ċar li l-persuna li qed takkumulalha l-kont hija vittma tal-persuna l-oħra u se jkollha tħallas hi meta l-ħati qed jirnexxielu jaħrab milli jħallas hu?
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħdu l-awtoritajiet turistiċi u l-ministeru biex xogħol ta' kostruzzjoni ma jħarbatx il-lukandi f'Buġibba li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li qed ikollhom ilmenti qawwija minn turisti u aġenti dwar inkonvenjenzi, ħsejjes u storbju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija għall-istampa li ser toħroġ dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidilna jekk informazzjoni pubblikata fil-"Malta Today" dwar dak li jidher li hu traffikar ta' oġġetti ta' wirt storiku mill-Iraq u minn Malta ġietx investigata mill-pulizija? Jista' jgħidilna jekk l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġiex imfittex għall-oġġetti li rriklama hu stess fuq l-internet, li jinkludu siġilli mill-Mesapotamja u muniti Maltin ta' żmien il-Konti Ruġġieru? X'kien l-eżitu ta' l-investigazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ għadu qed ikun investigat mill-Pulizija, u għalhekk ma nħossx li jkun opportun li tagħrif dettaljat jiġi pubblikat.
Jista' il-Ministru jgħidilna jekk itteħdux passi mill-awtoritajiet sabiex jivverifikaw informazzjoni pubblikata fil-"Malta Today" dwar dak li qed jissejjaħ traffikar ta' oġġetti ta' wirt storiku nazzjonali u internazzjonali minn Malta? Jista' jgħidilna jekk l-awtoritajiet ikkonfermawx l-awtentiċita' ta' l-oġġetti riklamati kif ukoll il-provenjenza tagħhom? Ġew informati organizzazzjonijiet, bħal International council of museums, li qed jikkordinaw sforzi internazzjonali sabiex jerġgħu jinstabu t-teżori arkeoloġiċi misruqa mill-Iraq fil-gwerra ta' l-2003?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ġabret l-informazzjoni meħtieġa dwar dan il-każ u għaddietha f’idejn il-pulizija biex tittieħed kull azzjoni meħtiega. Is-Sovrintendenza tikkollabora bis-sħiħ mal-pulizija f’każijiet ta’ din ix-xorta meta tintalab tistabilixxi l-awtentiċita u l-provenjenza ta’ oġġetti bħal dawn.
Is-Sovrintendenza tinsab infurmata li dan il-każ kien diġa taħt investigazzjoni qabel ma ħareg fil-media wara notifika mill Interpol. Il-Pulizija għandha wkoll f’idejha aktar minn każ wieħed ta’ din ix-xorta taħt investigazzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jingħataw tweġiba l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż dwar ħruġ ta' visas fuq bażi regolari lill-persuni ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea, fosthom l-Asja, bħaċ-Ċiniżi, li jridu jiġu fostna jitgħallmu l-Ingliż?
Response (BORG, TONIO)
Se jittieħdu dalwaqt deċiżjonijiet dwar din il-materja li jiġu komunikati lill-persuni interessati.
Tista' il-Ministru tgħid x'sar mill-programm finanzjat mill-Unjoni Ewropea biex isir taħriġ fost in-nisa żvantaġġati biex jiġu żviluppati fihom ħiliet ħalli jidħlu fid-dinja tax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Bord ta' l-AĊĊESS, li hu l-project leader tal-programm li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant, qed jirrevedi l-proposta oriġinali.
Ninsab infurmata wkoll li l-proposta l-ġdida mistennija titlesta dalwaqt.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bord tat-tmexxija ta' Dar il-Mediterran ċaħħad lill-organizzaturi li riedu jtellgħu attivita' li riedu jieħdu sehem fiha trasvestiti? Jista' jagħti r-raġunijiet tal-bord?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jilqa' it-talba tar-residenti ta' Għar Barka fir-Rabat li ffirmaw il-petizzjoni li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 995 u Nru 4779.