Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kċina ta' ristorant

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12758, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk ir-ristorant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjoni li saret riċenti minn uffiċjali ta' l-istess Dipartiment fil-fond indikat, ġie kkonfermat li l-ventilazzjoni tal-post ta' l-ikel hija regolari u m'hemm l-ebda ksur ta' regolamenti f'dan ir-rigward. Dwar l-allegat irwejjaħ fl-inħawi tali responsabilita' ma taqax taħt il-kompetenza ta' dan id-Dipartiment u għalhekk il-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru konċernat.

Imġarr Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta saret l-aħħar verifika ta' l-istat tat-triq li mill-Imġarr ta' Għawdex tieħu lejn il-bqija tal-gżira peress li din għaddejja minn fuq soqfa b'ħafna ħsara lill-imħażen li hemm? X'irriżulta minn din il-verifika?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.
Leg 10 PQ #12857 Sitting 278 2005-06-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija għat-turiżmu — Kontribuzzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu l-kontribuzzjonijiet ta' l-Air Malta u tal-MIA lill-awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'dawn is-snin: 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kontribuzzjonijiet ta' l-Air Malta u l-MIA lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu huma kif ġej: Sena Air Malta MIA 2001 300,000 223,456.86 2002 300,000 216,029.00 2003 300,000 206,762.80 2004 300,000 205,320.00 2005 (Sa Ġunju) 150,000 72,148.00

Dipartiment tat-taxxi interni — Skejjel ta' l-Ingliż

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma tad-dipartiment tat-taxxi interni fil-ġbir tat-tagħrif dwar kemm l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin ħallsu lill-familji li jżommu l-istudenti magħhom għas-snin 1998-2004? X'użu se jsir mill-ġbir ta' dan it-tagħrif?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni qiegħed fl-istadju li jiġbor informazzjoni għal skop ta’ verifika bħal ma jagħmel f’kull każ ieħor fejn ikun hemm bżonn ta’ verifikà.

Servizz ta' helicopter bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ivvjaġġaw persuni bis-servizz tal-helicopter bejn Malta u Għawdex f'April 2004 u April 2005? Jista' jagħti l-istatistika bi breakdown għal dawk li jivvjaġġaw bir-rata speċjali għall-Għawdxin u r-rata normali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tinghata f'xi seduta ohra.

Statistika dwar partenza minn Malta

Question

Il-Prim Ministru kif jispjega d-diverġenza li hemm fl-istatistika għal April 2005 dwar partenzi minn Malta meta ta' l-NSO turi tnaqqis ta' 3.8% u ta' l-MIA tnaqqis ta' 7% imqabbel mal-partenzi f'April 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-diverġenza li rrefera għaliha l-Onorevoli Membru ġejja mill-fatt li d-data li tippubblika l-MIA kull xahar hija n-numru ta’ passiġġieri ħerġin mill-pajjiż, filwaqt li d-data ta’ l-NSO tirreferi għall-partenzi ta’ turisti biss. Dan hu spjegat ukoll fin-nota 5 tal-Methodological Notes f’paġna 10 tan-News Release 115/2005.

Host families — Taxxa tad-dħul

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-familji li jżommu l-istudenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż jiġu ntaxxati fuq id-dħul tagħhom minn din l-attivita'? B'liema rata se jiġu ntaxxati u kif se jiġi kkalkolat id-dħul tagħhom peress li dan id-dħul jinkludi spejjeż ta' ikel, ilma, dawl u bżonnijiet oħra ta' l-istudenti li jgħixu magħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-sistema ta’ tassazzjoni hi l-istess waħda li kienet teżisti fi żmien l-amministrazzjoni Laburista ta’ l-1996-1998.
Leg 10 PQ #12758 Sitting 277 2005-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Permess għal ristorant

Question

Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsija parlamentari 11790 u jgħid jekk tistax il-Malta tourism authority tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa biex tara jekk ir-ristorant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjah qawwija fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-istabbiliment li qed jirreferi għalih l-Onor interpellant huwa liċenzjat mill-Awtorita' tat-Turiżmu. Fl-iproċessar tal-permess kienet mitluba clearance mingħand il-MEPA u s-Sanita'. Peress li din hija kwistjoni sanitarja nitlob lill-Onor interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ħruġ ta' Visas

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12374, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sal-lum, ħmistax wara, itteħdux id-deċiżjonijiet riferuti fit-tweġiba u jekk dawn ġewx ikkomunikati lill-persuni interessati?

Response (BORG, TONIO)

It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12374, għadha tgħodd.

Saħħa — Inkonvenjent kawżat minn ħmieġ ta' ħanut

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex is-sid ta' ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent għall-ġirien bi ħmieġ u ġrieden għax jiftaħar li ħadd ma jista' għalih?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika riċentament ma kellu l-ebda lment dwar il-post indikat saru diversi spezzjonijiet fil-fond bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru regolari fi stabilimenti ta' l-ikel. Ittieħdu passi legali fit-13 ta' Awissu 2001 u fis-6 ta' April 2005 rigward irregolaritajiet dwar il-liġijiet ta' l-ikel. Saru wkoll żewġ garanziji bil-miktub għall-finijiet ta' l-artikolu 39 ta' l-Att ta' 2002 dwar is-Sigurta ta' l-Ikel fit-30 ta' Ġunju 2004 u fit-28 ta' Jannar 2005. L-aħħar spezzjoni li saret fil-fond indikat kien fl-24 ta' Mejju 2005 fejn ġie kklassifikat bħala Grade C u ma ġew innutati l-ebda ġrieden fl-inħawi ta' l-istess post. Ninforma ukoll, li l-istess negozju ta' l-ikel temporanjament mexa minn post għal ieħor minħabba l-fatt li qed isiru xi xogħlijiet strutturali fil-fond li għal dawn l-aħħar snin l-operatur kien qed jaħdem minnu. Dan qed isir minħabba l-fatt li l-operatur irid li l-post tiegħu jkun konformi mal-liġijiet ta' l-ikel.

Permanent warrant ta' għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permanent warrant ta' għalliema li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha li applikat għalih mill-31 ta' Jannar 2005 u li għandha Masters in early childhood education?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każ għadu qed jiġi proċessat.

Permanent warrants ta' l-għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' matul is-sena 2004 il-bord li jipproċessa u jiddeċiedi dwar il-ħruġ ta' permanent warrants ta' l-għalliema? Kemm-il darba ltaqa' s'issa tul is-sena 2005? F'kull laqgħa kemm iddeċieda dwar il-ħruġ ta' permanent warrants? X'inhu bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet li hemm pendenti għall-permanent warrants quddiem dan il-bord?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord tal-Warrants ta' l-Għalliema ltaqa' 39 darba matul l-2004 u kkonsidra u / jew approva: · 380 Warrant Permanenti · 32 Warrant Temporanju · 746 tigdid ta' Warrants Temporanji · 100 allowance marbutin mal-kwalifiki L-għadd ta' deċiżjonijiet li jittieħdu f'kull laqgħa tal-Bord jiddependi mir-riċerka li tkun meħtiega minn kull talba li ssir. Minn Jannar sas-6 ta' Gunju, 2005, il-Bord iltaqa' 25 darba. Il-każi li l-Bord għandu pendenti bħalissa huma 26 - xi wħud jirrekjedu aktar xogħol u tiftix waqt li oħrajn għadhom kif daħlu. Il-Bord jilqa' u jikkonsidra: · applikazzjonijiet għall-Warrants Permanenti · applikazzjonijiet għall-Warrants Temporanji · applikazzjonijiet għat-tigdid tal-Warrants Temporanji · applikazzjonijiet għall-allowance marbutin mal-kwalifiki · talbiet għal informazzjoni mill-pubbliku Dan minbarra xogħol ieħor li jidħol minn entitajiet oħra marbut mal-Warrants, xogħol li jrid isir bl-akbar reqqa. Wara Mejju 2004, il-Bord beda jirċievi wkoll għadd ta' talbiet mingħand Maltin għat-traduzzjoni tal-Warrant, transcripts tat-Teacher Training Courses u dokumenti li jivverifikaw is-snin ta' esperjenza, suġġetti mgħallma u informazzjoni dwar jekk il-warrant qatt ġiex revokat u jekk il-Warrant hux konformi mad-Direttiva 89.48EEC. F'diversi każi, id-dokumenti u kwalifiki jridu jiġu vverifikati u jintbagħtu għall-ekwivalenza. Il-Bord jagħmel xogħlu bl-effiċjenza u l-attenzjoni kollha li r-responsabbiltajiet tiegħu jirrikjedu mhux biss fl-aħjar interess ta' l-applikant għall-Warrant ta' Għalliem iżda biex jassikura li l-Għalliema li jidħlu għar-responsabbilta' ta' l-istudenti fi klassi jkollhom il-kwalifiċi u t-taħrig meħtieġa. Nirreferi ukoll lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 12754.

Permanent warrants ta' l-għalliema

Question

Jista' il-Ministru jieħu passi biex il-bord li joħroġ il-permanent warrants ta' l-għalliema jaħdem b'mod iżjed effiċjenti għax id-dewmien tal-ħruġ ta' permanent warrants ifisser tbatija għall-applikanti li jkollhom bżonnu biex isibu impjieg u d-dewmien qed joħloq telf ta' opportunitajiet ta' impjiegi għal min għandu dritt għal dan il-permanent warrant?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord tal-Warrants Permanenti, jiltaqa' formalment darba fil-ġimgħa. Ix-xogħol tiegħu jinkludi wkoll talbiet għal Temporary Warrants u ħlas ta' allowances barra xogħol ta' riċerka għat-tweġibiet għall-Ombudsman, mistoqsijiet parlamentari u t-tribunal skolastiku. Kull każ jiġi studjat għalih u d-dewmien biex joħorġu r-risposti jiddependi fuq il-każ innifsu, kemm każ ikun kompless jew le. Il-Bord jagħmel xogħlu bl-effiċjenza u l-attenzjoni kollha li r-responsabbiltajiet tiegħu jirrikjedu mhux biss fl-aħjar interess ta' l-applikant għall-Warrant ta' Għalliem iżda biex jassikura li l-Għalliema li jidħlu għar-responsabbilta' ta' l-istudenti fi klassi jkollhom il-kwalifiċi u t-taħrig meħtieġa. Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 12753.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li tintlaqa' it-talba bin-numru tal-file li qed jintbagħat separatament għall-akkomodazzjoni soċjali ta' omm li jkollha tgħix f'garage flimkien ma' uliedha għax m'għandhiex dar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma oħrajn simili. Ninsab infurmata wkoll li ma jirriżultax mill-applikazzjoni li għamlet il-persuna konċernata li din tgħix f'garage.
Leg 10 PQ #12756 Sitting 276 2005-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buġibba — Ramla

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jkun lest il-proġett tar-ramla li se ssir fuq il-blat ta' taħt id-Dolmen Hotel, f'Buġibba?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-intenzjoni tal-Ministeru hija li l-proġett tal-Bajja ta’ Buġibba jitlesta qrib is-sajf ta’ l-2006. Dan il-proġett, wieħed mill-ewwel inizjattivi approvati mill-Kumitat Inter-Ministerjali dwar it-Turiżmu, huwa maħsub biex itejjeb il-prodott turistiku ta’ Buġibba u Qawra. Studji li għamlet l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, bbażati fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, juru li l-lukandi u operaturi turistiċi oħra se jiżdidilhom il-qliegħ, kemm b’mod dirett u indirett, b’riżultat ta’ dan il-proġett.
Leg 10 PQ #12757 Sitting 276 2005-06-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Turisti li ġejjin minn barra

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'indikazzjonijiet għandu l-ministeru dwar kif se jkunu x-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2005 fil-wasla ta' turisti biex iżuru Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Mill-aħħar informazzjoni li għandi jidher illi x-xhur ta' Ġunju u Lulju ser ikunu, bejn wieħed ieħor, f'livell simili mas-sena l-oħra. Wieħed jistenna ukoll li jista' jkun hemm xi titjib f'dawn ix-xhur, minħabba x-xejra predominanti ta' late booking syndrome eżistenti fi swieq prinċipali turistici Ewropej. Għalhekk, ix-xahar ta' Awwissu huwa iktar diffiċli li wieħed jipprevedi l-andament eżatt tiegħu. Pero' speċjalment minħabba attivitajiet promozzjonali li diġa' qegħdin jigu esegwiti, qed nagħmlu kull ma nisgħtu biex ikun hemm aktar titjieb fuq ix-xejriet preżenti.

Proġett ta' Tigne'

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi kwestjonijeit fadal bejn l-iżviluppatur ta' Tigne' u l-inkwilini ta' Tigne' dwar l-akkomodazzjoni li qed joffrilhom wara li tteħditilhom id-dar għall-proġett ta' Tigne"?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proċess ta' l-allokazzjoni ta' akkomodazzjoni lill-persuni li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant qed isir mill-Awtorita' tad-Djar b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Artijiet biex, malli jitlesta l-bini, l-postijiet jitqassmu lill-inkwilini prospettivi mingħajr dewmien.