Jistgħu jinżabru s-siġar tat-telgħa tal-Mellieħa mill-Għadira u ċ-Ċirkewwa għax kibru b'mod goff u qed ikunu ta' periklu għall-vetturi li jgħaddu mill-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-siġar li hemm fit-telgħa tal-Mellieħa mill-Għadira u ċ-Ċirkewwa jaqaw fil-konfini tal-kunsill lokali tal-Mellieħa, u għalhekk huwa fir-responsabbiltà ta' dan il-kunsill li jsir dan ix-xogħol ta' żabra. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Bajja ta' San Ġorġ — Spezzjonijiet fl-ilma tal-bajja
Question
Jista' il-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru matul din is-sena fl-ilma tal-bajja ta' San Ġorġ biex tiġi verifikata l-kwalita' tiegħu? L-ilma li hemm ħiereġ fil-bajja min-naħa ta' l-art jiġi ttestjat jekk hux qed iniġġeż il-bajja?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Bajja ta' San Ġorġ f'San Ġiljan infurmat li wara spezzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ma jirriżulta li hemm l-ebda ilma ħiereġ fil-bajja min-naħa ta' l-art.
Għaldaqstant, ninforma li bħala parti mill-programm ta' monitoraġġ għal kwalita' ta' l-ilma baħar jittieħdu kampjuni ta' kull ġimgħa minn din il-bajja. S'issa, din is-sena ttieħdu ħames kampjuni li kollha rriżultaw li kienu ta' kwalita' tajba ħafna meta mqabbla ma' standards rakkomandati.
Tista' tintlaqa' l-applikazzjoni tal-kumpannija Maryna Chu Ltd (ta' Maryna Chupika) Ref TRA/M/49 li applikat ma' l-awtorita' Maltija għat-turiżmu biex topera fl-incoming tourism?
Għaliex ma ntlaqgħetx din l-applikazzjoni meta kumpanniji oħra simili tħallew joperaw u ngħataw il-permessi meħtieġa biex joperaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tas-Sinjura Chupika, ċittadina mill-Ukraina, qed tiġi proċessata skond normi stabbiliti bħal ma jiġu proċessati applikazzjonijiet simili minn barranin biex jieħdu liċenza joperaw bħala aġenti ta' l-ivjaġġar.
Is-Sinjura Chupika ġiet mitluba s-sena l-oħra biex tissottometti dokumenti ma' l-applikazzjoni tagħha. L-Awtorita' reġgħet kitbet lis-Sinjura Chupika din is-sena titlobha dawn id-dokumenti biex l-applikazzjoni tagħha tkompli tiġi proċessata. Billi dawn baqgħu ma waslux, l-Awtorita' ma kienietx f'pożizzjoni li tkompli tiproċessa din l-applikazzjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm-il darba l-pulizija ħadet passi kontra persuni li l-klieb tagħhom ikunu barra u ma ġabruhomx kif suppost jagħmlu? Jista' jgħid fejn ittieħdu dawn il-passi u kontra kemm persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, il-Pulizija ressqet il-Qorti 6 persuni talli ħallew il-kelb tagħhom jiġġerra barra mingħajr ċinga, f'dawn il-lokalitajiet - Marsa, Mosta, Qawra, Rabat u San Ġiljan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex pulizija pajżana jitpoġġew jissorveljaw il-ġnien tal-Gżira u Ġnien Indipendenza minħabba l-vandaliżmu li qed ikun hemm fihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett, qed tagħmel u ser tkompli tagħmel ronda b'mod regolari fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex pulizija pajżana jissorveljaw inħawi f'Ta' Ġiorni f'San Ġiljan, ħdejn il-bini tad-djar tal-gvern li jagħtu għal fuq Triq Laqsi, peress li kontinwament u f'ħinijiet differenti tal-ġurnata qed ikun hemm negozju u traffikar tad-drogi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll tat-Taqsima ta' kontra d-Droga, qed tagħmel u ser tkompli tagħmel ronda b'mod regolari fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-terminal ta' l-Imġarr, Għawdex se jingħata f'idejn il-Gozo Channel biex tħaddmu? Hemm ħsieb li meta jiġri dan is-sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti jkollhom iħallsu Lm30 kull darba li jorbtu hemmhekk biex itellgħu jew iniżżlu t-turisti jew jieħdu l-fuel?
Response (GATT, AUSTIN)
Iva għall-ewwel parti tal-mistoqsija. It-tieni parti tal-mistoqsija ma' tikkonċernax lill-Gozo Channel iżda l-MMA.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' l-idea li qed tissemma li sidien tad-dgħajjes li jġorru t-turisti f'Għawdex jibdew iħallsu Lm30 kull darba li jużaw il-moll ta' l-Imġarr f'Għawdex? Ma jaħsibx li dan ikisser lill-operaturi b'taxxa ġdida, tant li jkollhom iżarmaw għax dan iżidilhom l-ispejjeż u jgħolli ħafna s-servizz li jagħtu lit-turisti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
A tenur ta' l-Ordni Permanenti tal-Kamra tad-Deputati numru 27 (5), ma nkunx korrett li nagħti tweġiba għal din it-tip ta' mistoqsija.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12823 u jgħid meta saret l-aħħar verifika ta' l-istat tat-triq li mill-Imġarr ta' Għawdex tieħu lejn il-bqija tal-gżira peress li din għaddejja minn fuq soqfa b'ħafna ħsara lill-imħażen li hemm? X'irriżulta minn din il-verifika?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12759 u cioe' b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11966, jista' il-Ministru jinnota li l-inħawi msemmija ma jaqgħux taħt il-kunsill lokali? X'passi se tieħu l-Enemalta biex tipprovdi d-dawl meħtieġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond Section 8 ta' l-'Street Lighting Devolution Manual' li jitratta dwar street lighting eżistenti, l-areas imsemmija fl-interpellanza huma esklużi mid-devoluzzjoni sa fejn jirrigwardja manutenzjoni u għalhekk, fil-fatt, l-Enemalta għadha qed tieħu ħsieb il-manutenzjoni neċessarja hi.
Ma teżisti l-ebda esklużjoni simili taħt Section 7 ta' l-istess 'Manual' li titratta dwar servizzi ġodda. Għalhekk l-Enemalta ma baqgħetx iżjed responsabbli għal servizzi ġodda mid-data tad-devoluzzjoni 'l hawn.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12653 u 12791 u tgħid fis-snin 1999-2004 xi proġetti ta' tisbiħ saru f'Għawdex u tgħid f'kull każ fiex kien jikkonsisti kull proġett u kemm intnefaq fuqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-proġetti u xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ li saru f’Għawdex fis-snin 1999–2004 huma kif murija fuq l-iskeda ta’ hawn taħt. L-ispejjeż imsemmija fuq din l-iskeda jinkludu il-pagi tal-ħaddiema li ħadmu fuq dawn ix-xoghlijiet.
Proġetti/xogħlijiet
Spiza
Lm
Bini ta' Belvederes u xogħlijiet oħra konnessi magħhom
54,758
Manifattura u stallazzjoni ta' dwal dekorattivi u railings
5,772
Bini ta' bankini f'diversi lokalitajiet
276,537
Bini ta' ħitan tas-sejjieħ f'diversi lokalitajiet
299,299
Xogħlijiet oħra ta' tisbiħ
7,137
Tkabbir u xiri ta' siġar u pjanti għall-użu f'postijiet pubbliċi
252,566
Xogholijiet ta' afforestazzjoni u manutenzjoni ta' ġonna pubbliċi, msaġar, flowerbeds, roundabouts u traffic islands, f'żoni pubbliċi f'Għawdex inklużi żoni f'lokalitjiet tal-Kunsilli Lokali.
1,309,756
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12760 u cioe: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12374, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sal-lum, ħmistax wara, itteħdux id-deċiżjonijiet riferuti fit-tweġiba u jekk dawn ġewx ikkomunikati lill-persuni interessati?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12374, inżid ngħid li saret laqgħa bejn il-Ministeri konċernati, mal-Pulizija li ser ilestu kriterji għall-ħruġ ta' visas fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant. Hu maħsub li fix-xahar kurrenti dawn jiġu approvati, u komunikati lill-persuni interessati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm-il darba l-pulizija ħadet passi kontra vandaliżmu fil-ġnien tal-Gżira u fi Ġnien Indipendenza, Tas-Sliema?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ma kienx hemm każi fejn persuni tressqu l-Qorti fuq akkużi ta' vandaliżmu fil-ġnien tal-Gżira u fi Ġnien Indipendenza, Tas-Sliema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm-il darba l-pulizija ħadet passi kontra vandaliżmu f'faċilitajiet pubbliċi f'San Ġiljan u f'Pembroke?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm żewġ persuni li tressqu l-Qorti talli kkaġunaw ħsara f'faċilitajiet pubbliċi f'San Ġiljan (Paċeville).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2004 kemm-il darba l-pulizija ħadet passi kontra vandaliżmu f'faċilitajiet pubbliċi f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 ma kienx hemm każi fejn persuni tressqu l-Qorti fuq akkużi ta' vandaliżmu f'faċilitajiet pubbliċi f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibdew jitqassmu l-oqbra ġodda fiċ-ċimiterju ta' Burmarrad?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-oqbra ta' Burmarrad jinsabu lesti mil-lat ta' kostruzzjoni waqt li l-proċedura sabiex jitqassmu tinsab fi stadju avvanzat.
Fi żmien qasir huwa mistenni li jiġi pubblikat l-avviz legali li jistabbilixxi l-prezz għall-bejgħ ta' dawn l-oqbra. Hekk kif joħroġ l-avviz legali dawn l-oqbra jkunu jistgħu jiġu allokati u jsiru l-arranġamenti meħtieġa li jwasslu għall-kuntratti man-nutar tal-Gvern.
Universita' — Korsijiet segwiti minn studenti Ċiniżi
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-istatistika ta' l-istudenti Ċiniżi li bdew xi kors l-Universita' u liema kors bdew: fl-2000, fl-2001, fl-2002, fl-2003, fl-2004 u fl-2005, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandna lukandi u sodod f'dawn il-kategoriji, kategorija b'kategorija:
5-star; 4-star; 3-star u 2-star?
Jista' jgħid kemm kellna fl-istess kategoriji lukandi u sodod f'Diċembru 1998?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid hux qed issir xi investigazzjoni dwar kif intużaw il-finanzi taċ-ċentru Malti għar-restawr mindu twaqqaf? X'irriżulta minn din l-investigazzjoni? X'passi ttieħdu s'issa biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li rriżultaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Iċ-Ċentru Malti għar-restawr għandu r-rapporti finanzjarji tiegħu awditjati skond il-liġi u standards internazzjonali ta' l-awditjar. L-aħħar rapport finanzjarju awditjat skond il-liġijiet u regolamenti msemmija hawn fuq ikopri l-perjodu Ottubru 2003 sa Settembru 2004.
Bħalissa qed isiru rapporti ġodda li jkopru l-perjodu sa Marzu 2005. Dawn ir-rapporti għadhom mhumiex konkluzi.
Huwa mistenni li dawn ir-rapporti jkunu konklużi fiż-ħmien erba’ gimgħat.
Jista' il-Ministru jgħid fejn ġie diskuss u min iddeċieda li jkun hemm tnaqqis fil-kontribut finanzjarju ta' xi entitajiet lill-awtorita' Maltija tat-turiżmu għas-sena 2005? Liema entitajiet naqqsu l-kontribut finanzjarju tagħhom? Kemm naqqsu? Kif ġie deċiż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saret reviżjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' numru ta' setturi turistiċi abbażi ta' l-esperjenza miksuba mill-Awtroita' Maltija tat-Turiżmu kemm ilha tamministra il-ġbir ta' dawn il-kontribuzzjonijiet. Ir-reviżjoni saret bl-iskop li l-kontribuzzjonijiet miġbura jkunu jirriflettu b'mod iktar realistiku is-sehem ta' kull komponent ta' l-industrija turistika. L-akbar żewġ reviżjonijiet saru fil-kuntest ta' l-Aġenti ta' l-Ivjaġġar kif ukoll mil-lat ta' ridefinizzjoni ta' zoni turistiċi. Fil-każ ta' l-Aġenti ta' l-Ivjaġġar ir-reviżjoni saret wara laqgħat u studji li kienu jinvolvu lill-Awtorita', il-FATTA u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, filwaqt li fil-każ tar-ridefinizzjoniji ta' zoni turistiċi, saret simplifikazzjoni tas-sistema sabiex minflok li zona tinkorpora l-konfini ta' belt jew raħal, ġew identifikati iz-zoni kummerċjali li tassew jibbenefikaw mit-turiżmu. Saru wkoll reviżjonijiet fil-każ tal-kontribuzzjonijiet imħallsa minn stabbilimenti ta' l-ikel fid-dawl tar-reclassification exercise li kien ġie implimentat fl-2004.