Legislature:
Category:
Reset
Active:

Talba għal dħul fiċ-ċentru ta' l-Imtarfa

Question

Jista' iż-żagħżugħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibda jattendi ċ-ċentru ta' l-Imtarfa għax mindu spiċċa mill-iskola San Miguel jinsab magħluq id-dar u qed jitlef dak li kiseb bħala edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex il-persuna ndikata tibda tattendi wieħed miċ-Ċentri għall-Matul il-Jum.

MEPA — Abbużi f'Imġarr ix-Xini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA dwar abbużi li hemm f'Imġarr ix-Xini, Għawdex kif imsemmijin fil-kolonna whistleblower ta' Alan Deidun f'The Sunday Times tal-11/09/05?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta' Twettiq ECF368/03 kontra żvilupp illegali li jikkonsisti f'bini ta' parapett u taraġ. Il-każ jinstab pendenti sabiex tkun tista’ ssir azzjoni diretta. Bħalissa ma hemm l-ebda proċeduri kontra l-boathouses f'Mġarr ix-Xini peress li l-persuni li kienu tressqu l-qorti fis-snin tmenin kienu ġew illiberati.

Magħtab — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iwassal biex l-engineered landfill fil-Magħtab qabdet mill-inqas darbtejn tul Settembru 2005? Kemm-il darba qabdet din l-engineered landfill f'Settembru 2005? X'passi qed jittieħdu biex ma tibqax taqbad? Xi ħsarat saru lill-membrane ta' l-engineered landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kif ġie mħabbar fuq mezzi tax-xandir lokali kien hemm dawn iż-żewġ okkażjonijiet fejn parti mill-wiċċ taż-Żwejra Engineered Landfill kien fiha n-nar. Hemm suspett qawwi li atti vandali jistgħu jkunu qegħdin iwasslu għal din is-sitwazzjoni. Il-ħsara li saret minn-nirien fil-membrane kienet waħda żgħira li ġiet imsewwija permezz ta' patching u welding li ġie applikat kif stipulat mill-Engineer Ingliż tal-kumpanija F.L.I. Environmental li kien responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet.

San Pawl il-Baħar — Trejqet Toni Fenech

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex Trejqet Toni Fenech f'San Pawl il-Baħar issir b'mod diċenti għax tant hi mħarbta li hi ta' periklu għal min jgħix fl-inħawi u għal kull min jużaha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistqosija tingħata f'seduta oħra.

Pulizija — Investigazzjonijiet dwar każ ta' qtil

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta' Lino Cauchi fl-1982? Jista' jgħid jekk il-każ ingħalaqx? Jista' jgħid x'passi ħadet il-pulizija wara li xi tliet snin ilu avviċinathom persuna li tathom dettalji dwar id-delitt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi in segwitu ta' informazzjoni li kienet waslet għand il-Pulizija kienu ġew arrestati u interrogati diversi persuni. Dawn il-persuni anke taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Inkwirenti. Il-Pulizija għadha ssegwi din l-investigazzjoni b'mod attiv.
Leg 10 PQ #13562 Sitting 293 2005-07-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Xogħol ta' marketing

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13504 u jgħid liema kienu l-kumpanniji differenti li matul l-2004 u l-2005 s'issa għamlu xi xogħol ta' marketing għall-awtorita' Maltija tat-turiżmu? Jista' jgħid kemm tħallsu f'kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ix-xogħol ta’ marketing li tagħmel l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jinkorpora fih advertising, parteċipazzjoni f’fieri, konferenzi u incentive trips, attivitajiet ta’ public relations, tour operators support, organizzazzjoni ta’ familiarisation visits u xogħol ta’ printing ta’ diversi publikazzjonijiet, fost affarijiet oħra. Mhux prattiku u l-anqas jagħmel sens kummerċjali li tingħata l-informazzjoni mitluba fuq kull min għamel xogħol f’dan il-qasam. Nista’ ngħid li ċ-ċifra globali hija ta’ Lm 3,924,793 għal 2004 u Lm 2,398,115 għal 2005 (sa Mejju).

Paris club

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk pajjiżna huwiex membru tal-Paris club ta' nazzjonijiet li għandhom jieħdu flus mir-Russja? Malta għamlet xi talba biex tiġbor xi flus li kellha tieħu għall-bini ta' vapuri lir-Russi, wara li dan l-aħħar ir-Russja ħallset $US 15biljun f'dejn li kienet għamlet l-Unjoni Sovjetika u li tħallsu lill-pajjiżi membri tal-Paris club?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Universita' ta' Malta — Sentenza mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex tistudja l-implikazzjonijiet għaliha tas-sentenza fil-bidu ta' Lulju tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea jingħataw trattament ugwali għad-dħul f'kull universita' ta' kull Stat membru, sentenza li wasslet lill-Universita' ta' Vjenna biex tissospendi l-applikazzjonijiet għas-sena akkademika li jmiss minħabba invażjoni ta' studenti Ġermaniżi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' hi konxja tar-regolamenti ta' l-Unjoni li ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jingħataw trattament ugwali għad-dħul fl-Universita' ta' Malta, jiġifieri li huma għandhom id-dritt li jkunu ammessi taħt l-istess kondizzjonijiet jekk huma jissodisfaw l-istess rekwiżiti mitluba minn studenti Maltin.

Ċentru għall-Adulti — Żgħażagħ

Question

Jistgħux żgħażagħ bħal dawk indikati separatament, jiddaħlu fiċ-ċentru għall-adulti ta' Pembroke biex jingħataw l-opportunitajiet għall-iżvilupp tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ż-żagħżugħ indikat mill-Onor. Interpellant diġa' qed jattendi ċ-Ċentru ta' Matul il-Jum ta' Fleur de Lys filwaqt li ż-żagħżugħa mistennija tibda tattendi l-istess Ċentru din il-ġimgħa.

Żgħażagħ b'diżabilita' — Social workers

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'servizz ta' social workers, psikologi u terapisti jeżistu għal żgħażagħ diżabbli, bħal dik indikata separtament, biex jingħataw l-opportunitajiet meħtieġa li jiżviluppaw l-life skills tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal żgħażagħ b’diżabilita` b’imġieba diffiċli. Jekk dan hu l-każ, dawn iż-żgħażagħ għandhom servizzi provduti mill-Aġenzija Sapport, li jinkludu Social Work, u servizz miċ-Ċentri għal Matul il-Jum li jinkludi dak minn Psikologa u speech language pathologist. Dawn is-servizzi huma barra dawk provduti minn Għaqdiet mhux Governattivi, fosthom il-Fondazzjoni Richmond, il-Fondazzjoni Arka u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Respite Care, liema għaqdiet jirċievu għajnuna finanzjarja sostanzjali mill-Gvern biex jagħtu dawn is-servizzi.

Żgħażagħ b'diżabilita'

Question

X'opportunitajiet hemm għal żgħażagħ diżabbli, bħal dak indikat separatament, biex jagħmlu attivitajiet sportivi u eżerċizzji fiżiċi tajbin għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom flok jibqgħu midfuna u abbandunati fid-djar tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Żgħażagħ b'diżabilita jistgħu jattendu fiċ-Ċentri ta' Matul il-Jum jew/u jieħdu sehem fi programmi adatti provduti minn Għaqdiet mhux Governattivi. Dwar il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellent, ninsab infurmata li diġa' qed tattendi ċ-Ċentru ta' Matul il-Jum ta' Fleur de Lys, kif ukoll qed tirċievi għajnuna minn Dar il-Kaptan.

Każ dwar persuna b'diżabilita'

Question

Jista' iż-żagħżugħ b'diżabilita' indikat separatament, jingħata l-għajnuna meħtieġa għall-iżvilupp tal-life skills tiegħu peress li jinsab abbandunat id-dar, mimli pilloli u aggressiv ma' ommu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 13554 u 13557 f’din l-istess Seduta.

Tigne'

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13505 u jgħid meta hu maħsub li se jingħataw iċ-ċwievet ir-residenti li se jerġgħu jmorru jgħixu Tigne' skond il-ftehim li sar magħhom u l-iżviluppaturi ta' Tigne'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li r-residenti li se jmorru jgħixu Tigne' skond il-ftehim li sar magħhom u l-iżviluppaturi ta' Tigne' ingħataw iċ-ċwievet u ser jiffirmaw il-kuntratt fil-ġimgħat li ġejjin.

Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni — Każi pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandha quddiemha każi pendenti l-kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni? Liema huma? Kemm ilhom, każ b'każ, pendenti quddiemha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni għandha pendenti quddiema disa' (9) każi. Dawn ilhom pendenti kif ser jingħad: 1 mill-1992; 1 mill-1993; 2 mill-1994; 1 mill-2003; 2 mill-2004; u 2 mill-2005. L-informazzjoni l-oħra mitluba ma tistax tingħata peress li l-Kummissjoni hija marbuta bis-segretezza skond ma jiddisponi l-Art. 15 tal-Kap 326 tal-Liġijiet ta' Malta.

Tigne' — Team tas-Sliema wanderers

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li t-team tas-Sliema Wanderers jerġa' ikun jista' juża l-ground li kellu f'Tigne' qabel tneħħa temporanjament minħabba l-iżvilupp ta' Tigne'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-aħħar permess assoċjat ma' l-iżvilupp Sportiv ta' Tigne' li jkopri Tigne' Sports, Tigne South u t-Tunnel kien maħruġ fid-19 ta' Frar 2004 u l-aħħar data għat-tlestija ta' din il-fażi hija Frar 2008. Il-Ministeru għandu indikazzjoni li x-xogħlijiet konnessi mall-faċilitajiet tas-Sliema Wonderers jistgħu jitlestew sa Novembru 2007. Hekk kif jitlesta x-xogħol isir il-verifika li x-xogħlijiet saru skond l-ispeċifikazzjonijiet annessi mall-kuntratt. Wara jkun jista' jinbeda l-proċess ta' Riżoluzzjoni Parlamentari sabiex is-Sliema Wonderers jingħataw it-titlu fuq il-faċilitajiet miftehma.

Awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni — Persuna li qed titlob permess biex issegwi kors f'pajjiżna

Question

Jista' il-persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jingħata l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni biex ikun jista' jsegwi kors ta' studju f'pajjiżna li ħallas, applika u ġie aċċettat għalih u qrabatu lesti jżommuh?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-raġuni li ngħatat fit-talba oriġinali sabiex il-persuna msemmija tingħata visa kienet li dan kien ġej għall-btala u sabiex iżur lil ħuh li kien jgħix Malta. Din it-talba kienet ġiet milqugħa. Wara biss għoxrin ġurnata li kien ilu għall-btala f'Malta, dan talab estensjoni tal-visa, sabiex isegwi kors ta' studju. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi, din it-talba ma ġietx aċċettata u ġie mogħti żmien sa l-aħħar ta' Mejju sabiex jitlaq minn Malta. Għaldaqstant jekk il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, għadu f'Malta, dan qiegħed hawn bi ksur tal-liġi.

Servizz tat-telecare

Question

Tista' il-Ministru tara li jiġi vverifikat jekk l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex tħalllas il-kont kollu tat-telecare peress li tgħix waħedha bl-assistenza soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Slipway f'Pembroke

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu dwar l-ittra tal-kunsill lokali ta' Pembroke tas-6 ta' Ġunju, 2005 dwar slipway f'Pembroke?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li wara diversi konsultazzjonijiet mal-MEPA, WSC u l-Kunsill Lokali fost l-oħrajn, ġie deċiż li jinstab sit alternattiv għall-slipway proposta. Dan is sit alternattiv ġie propost mil-Kunsill Lokali nnifsu. Għaldaqstant sar survey mit-Taqsima tax-Xogholijiet u fil-prezent qed jiġi mfassal id-disinn tas-slipway. Sussegwentement, dan jiġi ppreżentat lill-MEPA u jkompli l-proċess sabiex eventwalment joħrog il-permess meħtieg.