Legislature:
Category:
Reset
Active:

Crown Plaza Hotel — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14819 u 15037 u jgħid kemm hemm nies jaħdmu mal-lukanda Crowne Plaza? Sakemm huwa maħsub li tkompli topera din il-lukanda? X'se jsir mill-ħaddiema tagħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fuq il-kotba tal-lukanda Crown Plaza sa l-aħħar ta' Settembru hemm impjegati 145 Full Timers u 32 Part Timers. L-Air Malta se tbigħ il-kumpanijja li tmexxi il-lukanda. Għaldaqstant kemm il-lukanda sa ddum topera ikunu jistgħu jgħiduħ is-sidien il-ġodda. Il-ħaddiema kollha tal-lukanda Crown Plaza għandhom relazzjoni kontratwali mal-kumpanija. Peress li l-Air Malta sa tbigħ il-kumpanija, din ir-relazzjoni tibqa' fis-seħħ sakemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

Air Malta — Titjir ta' l-ajruplani ta' linji oħra

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14817 u 15039 u u jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom l-Air Malta ma ħallietx iżjed piloti tagħha jmorru jtajru ajruplani ta' linji oħra u waqt li tiffranka l-pagi tagħhom, iżżommhom fuq il-kotba tagħha bla ma jitilfu mill-kontinwita' tas-servizz, kif kienet tagħmel qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Konsulent Amerikan

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15047 u jgħid xi ħlasijiet ngħata s'issa l-konsulent Amerikan li ismu qed jintbagħat separatament, għax-xogħol li għamel għall-korporazzjoni Enemalta? X'xogħol fil-fatt għamel mindu nħatar konsulent? Kemm nefqet fuqu l-Enemalta biex ġabitu hawn kull darba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #15311 Sitting 314 2005-11-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Postijiet ta' akkomodazzjoni f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15065 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid f'kull lokalita' ta' Għawdex kemm hemm postijiet liċenzjati biex iservu ta' akkomodazzjoni self-catering u jagħti breakdown ta': 1) farm houses; 2) appartamenti; 3) oħrajn?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-postijiet liċenzjati għall-akkomodazzjoni self catering f'Għawdex huma 215 il-farmhouse, 179 appartamenti u 11 il-villa bl-iswimming pool. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba mill-Onor. interpellant.

Malta Drydocks — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14898 u jgħid liema lukandi/kumpanniji tefgħu offerti wara sejħa mit-tarzna għal servizz ta' akkomodazzjoni matul din is-sena għall-ħaddiema barranin li ġġib it-tarzna? Jista' f'kull każ jgħid x'offerti tefgħet kull lukanda/kumpannija għal din is-sejħa matul din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dettalji ta' min għamel offerti għall-kuntratt ta' akkomodazzjoni maħruġ minn Malta Shipyards huma ta' natura kummerċjali sensittiva u għalhekk ma jistgħux jkunu mogħtija. Minbarra dan, billi dan it-tender ser jerġa' joħroġ ikun aktar f'loku li d-dettalji ta' l-ewwel tender ma jkunux magħmulin pubbliċi f'dan l-istadju.
Leg 10 PQ #15149 Sitting 313 2005-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buġibba — Timeshare

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex uħud minn dawk li jbigħu t-timeshare ma jibqgħux jagħtu fastidju lil turisti fl-inħawi ta' Buġibba peress li qed jibqgħu jasluli lmenti ta' turisti mdejqin minn uħud tat-timeshare?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Direttorat ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu qiegħed regolarment jagħmel spezzjonijiet fl-inħawi frekwentati minn dawk li jbiegħu t-timeshare biex jara li r-regolamenti kif stipulati fl-Avviż Legali 299 ta' 2004 qegħdin jiġu osservati. F'numru minn dawn l-ispezzjonijiet, l-ispetturi tad-Direttorat kienu akkumpanjati minn uffiċjali tat-taqsima tal-ALE tal-Korp tal-Pulizija. Matul din is-sena ġew iċċekjati 727 OPC, 40 ġew ammoniti filwaqt li qegħdin jittieħdu passi legali kontra 7. Matul dan is-sajf ġie ristrett in-numru ta' OPCs li jirrapreżentaw ir-resorts. Minbarra dan inżammu diversi laqgħat mat-Timeshare Association biex ikun ikkontrollat aħjar l-aġir tal-OPCs.

Birguma — Bypass il-ġdida

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex issir zebra crossing, traffic lights u traffic management fil-bypass il-ġdida ta' Birguma għax in-nies m'għandhomx mnejn jaqsmu b'periklu kbir għal ħajjithom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita’ dwar it-Trasport qegħda tagħmel ix-xogħol meħtieġ fejn ġejjin il-pelican lights sabiex in-nies ikollhom spazju adegwat fejn jimxu u jistennew qabel jaqsmu l-bypass.

Reklutaġġ fil-korp tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk bħalissa hux miftuħ ir-reklutaġġ għall-korp tal-pulizija? Jekk le, meta se jiftaħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir meta l-eżiġenzi tas-servizz ikunu hekk jirrikjedu wara li tkun ippublikat sejħa għall-applikazzjonijiet. F'Settembru li għadda daħlu 100 rekluta ġdid.

Air Malta — Rapport annwali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Air Malta ppubblikatx ir-rapport annwali tagħha għas-sena li għalqet f'Marzu, 2005? Jista' jgħid meta ġie ppubblikat? Jista' jgħid x'sitwazzjoni finanzjarja juri dan ir-rapport dwar l-Air Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kontijiet annwali għall-perjodu finanzjarju li għalaq fil-31 ta' Marzu 2005 ġew ippreżentati mar-Reġistratur tal-Kumpaniji fis-17 t' Ottubru 2005. Dan ir-rapport juri li l-kumpanija għamlet telf ta' Lm2,158,000 u l-Grupp għamel telf ta' Lm1,781,000, wara t-taxxa u 'Minority Interests'. L-Operating Loss, (jiġifieri t-telf qabel dħul minn investimenti u spejjeż finanzjarji u qabel it-taxxa) kien Lm4,819,000 għal kumpanija u Lm4,826,000 għal Grupp.

Fuel Procurement Advisory Committee

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15021 u jgħid meta nħatar il-fuel procurement advisory committee? Kemm-il darba ltaqa' s'issa din is-sena? X'passi ħa dwar xiri ta' żejt u ċaqliq tad-dollaru Amerikan?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Korporazzjoni Enemalta waqqfet il-'Fuel Procurment Advisory Committee' (FPAC) fuq struzzjonijiet tal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni f'Jannar ta' din is-sena. Sa issa il-Fuel Procurement Advisory Committe iltaqa' tminn darbiet. Il-FPAC m'huwiex involut fix-xiri taż-żejt. L-FPAC jissottometti r-rakomandazzjonijiet tiegħu biss lill-Bord tad-Diretturi ta' l-Enemalta fl-oqsma ta' xiri ta' żejt kif ukoll fl-immaniġjar u 'Risk Management' relatat. Minħabba li r-rakkomandazzjonijiet ta' l-FPAC huma purament ta' natura kummerċjali, dawn ir-rakomandazzjonijiet m'humiex riferuti lill-Gvern imma huma diskussi u deċizi mill-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta. Ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-FPAC f'Mejju u Awissu ta' din is-sena kienu t-tnejn aċċettati mill-Bord tad-Diretturi ta' l-Enemalta. Fil-fatt b'riżultat tar-rakkomandazzjoni aċċettata f'Mejju saret ordni ma' bank internazzjonali. Din il-'hedge' ma twettqitx għax l-iswap price rakommandat ma ntlaħaqx. Fil-konfront tal-parir ta' l-FPAC f'Awissu li għadda, din ukoll ġiet aċċettata mill-Bord tad-Diretturi ta' l-Enemalta. Parti minn dan il-parir fil-fatt diġa twettaq u hija l-intenzjoni ta' l-Enemalta li tkompli twettaq il-kumplament ta' din il-'hedge' jekk is-suq jippermetti.
Leg 10 PQ #15073 Sitting 312 2005-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għawdex — Servizz ta' akkomodazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm turisti qagħdu f'akkomodazzjoni ġewwa Għawdex: 1) bejn Jannar u Settembru 2003, 2) bejn Jannar u Settembru 2004 u 3) bejn Jannar u Settembru 2005?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ turisti li wżaw akkomodazzjoni f’Għawdex skond l-istatistika pubblikata mill-NSO bejn Jannar – Settembru 2004 kien ta’ 36,560. Iċ-ċifra ta’ turisti li wżaw akkomodazzjoni f’Għawdex għall-istess perjodu fl-2005 telgħet għal 47,620. Din it-tip ta’ statistika bdiet tinġabar mill-NSO minn Mejju 2004 u għaldaqstant ma jistgħux jingħataw ċifri għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Settembru 2003.

Ramla l-Ħamra — Bini ta' vilel ħdejn Ulysses Lodge

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi studji ta' impatt ambjentali saru qabel inħarġu l-permessi biex ikunu jistgħu jinbnew vilel ħdejn Ulysses Lodge li jħarsu fuq ir-Ramla l-Ħamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fir-rigward ta' l-Applikazzjoni Nu. 5138/02 (Re-development of an existing fully licensed commercial complex at Triq Għajn Qamar Xagħra Għawdex), saru dawn l-istudji kif jidher hawn taħt: - Ġeoloġija, Ġeomorfoloġija, Ilma tal-Pjan u Idroloġija - Analiżi ta' l-istabbilità ta' l-Art - Studju ġeotekniku tal-'foundations' - Arkejoloġija u wirt kulturali - Ekoloġija

Air Malta — Works Council

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14823 u jgħid s'issa kemm-il darba ltaqa' il-works council fl-Air Malta minn mindu twaqqaf? X'xogħol għamel fil-laqgħat tiegħu biex jgħin lill-Air Malta tiffaċċja l-isifidi li għandha quddiemha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Works Council ta' l-Air Malta s'issa ltaqa' ħames darbiet minn mindu twaqqaf. Is-Central Representative Council (CRC) li hu il-Kumitat li jirrapprezenta l-kategoriji differenti tal-ħaddiema jiltaqa' aktar spiss, jiġifieri darbtejn fix-xagħar. Dan il-Kunsill, li hu l-ewwel li ġie stabbilit f'Malta ġie mwaqqaf biex jissaħħu r-relazjonijiet bejn il-ħaddiema u l-Management u biex ikun hemm trasparenza sħieħa u livell għoli ta' prassi tax-xogħol (work practices). Għaldaqstant, f'dawn il-laqgħat jiġu diskussi diversi suġġetti biex il-ħaddiema jiġu nfurmati u jiġu kkonsultati fuq numru ta' deċiżjonijiet li għandhom bżonn jittieħdu speċjalment dawk li jkunu sejrin iġibu bdil sostanzjali fuq il-futur tal-kumpanija. Min naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tad-diversi kategoriji tal-ħaddiema, jkunu jistgħu huma wkoll jagħtu xi idejat u suġġerimenti lill-Management li jiġu evalwati u diskussi. Minn mindu twaqqaf il-Works Council, il-ħaddiema qegħdin ikunu nfurmati aktar fuq is-sitwazzjoni tal-kumpanija kemm dik finanzjarja kif ukoll operattiva u anke kummerċjali. B'hekk wieħed għandu jifhem li l-ħaddiema kollha jistgħu aktar japprezzaw is-sitwazzjoni tal-kumpanija u flimkien mal-Management jaħdmu għall-futur aħjar.

Malta Drydocks — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14899 u jgħid jekk din is-sena t-tarzna ħassritx proċess ta' għażla għal servizz ta' akkomodazzjoni għall-ħaddiema barranin u reġgħet bdiet il-proċedura mill-ġdid? X'kienu r-raġunijiet li għalihom tħassar il-proċess ta' l-għażla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Drydocks — Ħaddiema barranin

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14900, kif jispjega l-Prim Ministru li impjegat fl-uffiċċju tiegħu li ismu qed jintbagħat separatament, ċempel lit-tarzna biex jinforma ruħu dwar il-każ imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta tiegħi bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14900, inżid ngħid li huwa d-dover ta’ kull membru tas-Segretarjat Privat li jżomm ruħu aġġornat ma’ dak li jkun qed jiġri fid-dipartimenti u entitajiet pubbliċi.

Malta Drydocks — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14897 u jgħid kemm-il darba matul din is-sena t-tarzna għamlet sejħa għall-offerti għal-lukandi lokali għall-akkomodazzjoni għall-ħaddiema barranin li ġġib Malta biex jaħdmu magħha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena t-Tarzna ħarġet sejħa waħda għal offerti biex ikunu akkomodati ħaddiema barranin li jaħdmu fit-Tarzna minn żmien għal żmien.
Leg 10 PQ #15067 Sitting 311 2005-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi ttieħdu s'issa mill-awtorita' Maltija tat-turiżmu biex Għawdex jiġi miżmum aħjar bħala zona turistika? Għaliex dan ix-xogħol qed jikkonsidrah persuna waħda biss għall-gżira kollha flok għal zoni speċifiċi bħal Marsalforn u x-Xlendi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li f'Għawdex inħatar Tourism Zone Co-Ordinator li hu mgħejjun mill-uffiċċju ta' l-MTA f'Għawdex. Hu ħsieb ta' l-Awtorita' illi jkollna persuna b'mod permanenti biex tieħu ħsieb il-gżira Għawdxija. Tajjeb li wieħed isemmi illi l-MTA torganizza b'mod regolari laqgħat f'Għawdex mall-Ministru għal Għawdex flimkien ma' rapreżentanti tal-MHRA u l-GTA fuq programmi ta' azzjoni.
Leg 10 PQ #15069 Sitting 311 2005-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Fondi tal-UE għal Għawdex

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'hemm bħala proposti fi proġetti għal Għawdex mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea fil-budget ta' l-Unjoni 2007-2013? Liema għaqdiet u korpi kostituti ġew ikkonsultati fit-tfassil ta' dawn il-proposti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-process ta programmazjoni tal-Fondi Strutturali u tal Fond ta Koezjoni ghall perjodu 2007-2013 wasal fl-istadju tal formulazzjoni tad dokument ta' Qafas ta' Riferenza Strategika Nazzjonali. Dan il qafas strategiku huwa ibbazat fuq erbgha prioritajiet generali ewlenin li huma: il kompettitivita u l'intrapriza, l'ambjent, l'accessibilita u infrastruttura, u il qasam tax xoghol u l'inkluzzjoni socjali. Fil bidu tal-2006, dan il-pjan strategiku nazzjonali ser jipprovdi il- qafas ta sejha ufficjali ghal progetti sewwa fil kaz ta Malta kif ukoll ta' Ghawdex u li jkunu jistghu jigu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea ghas snin 2007-2013. Kif sar f'Malta, f'Ghawdex diga nbeda l-process ta konsultazzjoni mal partijiet interessati biex dawn jaghtu l-kontribut taghhom dwar il-prijoritajiet u progetti ghal Ghawdex, sewwa fl'ambitu tas-settur pubbliku u kif ukoll fis-settur privat. Fit-28 ta’ Settembru 2005 fil-Ministeru għal Għawdex saret laqgħa ta’ konsultazzjoni fejn ġew mistiedna l-istakeholders Għawdxin.
Leg 10 PQ #15070 Sitting 311 2005-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Proġetti pubbliċi

Question

Tista' il-Ministru tgħid s'issa xi progress sar mit-twettiq ta' proġetti pubbliċi b'fondi ta' l-Unjoni Ewropea f'Għawdex? Kemm intnefaq f'kull każ? Se jilħqu jsiru fiż-żmien ippjanat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-progress li sar mit-twettiq ta’ proġetti pubbliċi b’fondi ta’ l-Unjoni Ewropea f’Għawdex jidher fit-tabella hawn taħt Isem tal-Proġetti Progress A Training Institute for the Tourism Industry in Gozo L-ewwel offerta ingħatat u beda x-xogħol, filwaqt li l-offerti l-oħra qiegħdin fil-fażi ta’ preparazzjoni. Extension of the Centre for Art and Crafts and Setting up a Crafts Development Centre L-ewwel żewġ offerti ngħataw u sar ix-xogħol, filwaqt li żewġ offerti oħra ġew ippublikati Gozo Museum of Archeology Display Project Wara li intemm il-proċess kollu b’konnessjoni ma l-offerta, ingħatat l-ordini biex jinbeda x-xogħol Victoria – San Lawrenz Road Iż-żewġ offerti qiegħdin id-Dipartiment tal-Kuntratti u jinsabu fil-fażi finali Niche Tourism for the Island of Gozo L-ewwel offerta ngħatat u beda x-xogħol, filwaqt li l-offerti l-oħra qiegħdin fil-fażi ta’ preparazzjoni Restoration of Xlendi Road L-ewwel offerta ġiet ippublikata, filwaqt li l-offerta l-oħra qiegħda d-Dipartiment tal-Kuntratti ETC Gozo Courses and Schemes Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda Craft Courses for Sustainable Careers in Gozo L-offerta qiegħda d-Dipartiment tal-Kuntratti u tinsab fil-fażi finali University of Malta – Gozo Centre - Courses L-offerti ingħataw u l-applikazzjonijiet għal korsijiet li ser jibdew f’Diċembru, bdew jintlaqgħu Reconstruction of road from Mgarr to Heliport Junction L-offerta għax-xogħolijiet qiegħda fil-fażi finali Works in connection with the restoration of Ġgantija Temples Ix-xogħol fuq dan il-proġett tlesta Urban Waste Water Treatment L-offerta ngħatat u saret il- Full Development Application li tinsab il-MEPA Il-pagamenti qed isiru skond l-iskeda tal-pagamenti li hemm indikata f’kull kuntratt rispettiv, u il-proġetti ser isiru fiż-żmien ippjanat.