Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċini

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' mediċini li suppost kienu pprovduti mid-dipartiment tas-servizzi farmaċewtiċi u l-ispiżerija ġenerali ta' l-isptar u li għal xi raġuni jew oħra ma kenux ipprovduti tul ix-xhur ta' Ottubru u Novembru 2005? X'kienu r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' mediċini?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gżira — Intejjen minn sprall ta' ventilazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jara tistax issir spezzjoni minn uffiċjali tas-sanita' dwar intejjen u inkonvenjenti oħra ħierġa minn sprall ta' ventilazzjoni fi Triq Moroni ta' stabbiliment li jinsab f'no. 1, triq Carlo Manche', Gżira? Sprall bħal dak huwa skond il-liġi u n-normi kollha għall-ħarsien tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fl-istabbiliment li jinstab f'no.1, Triq Carlo Manche' Gżira, liema garage għandu ventilazzjoni permezz ta' sprall ta' madwar 20 pulzier kwadru tagħti għal Moroni Street Gżira, ma jirriżulta l-ebda akkumulu ta' ħmieġ li jista' jrejjaħ. Il-garage in kwistjoni qiegħed jintuża biss għal karozzi privati. L-uffiċjal li nvestiga dan l-ilment staqsa diversi residenti ta' l-inħawi dwar problemi ta' rwejjaħ, iżda wieġbu li xi kultant tinxtamm riħa ta' pitrolju u spray minħabba li xi persuni jaħdmu xi xogħol fl-inħawi. Għaldaqstant, ma ġie nnutat l-ebda ksur tar-regolamenti sanitarji.

Adult training centres — Ħaddiema

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu ma' l-adult training centres? Kemm minnhom huma full-time, kemm part-time u x'inhi n-natura tax-xogħol tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-Adult Training Centres hemm 192 ħaddiema li minnhom 173 huma full-time, 13 part-time u 6 casuals. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

MEPA — Ulysses Lodge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15865 u jgħid jekk fil-ħruġ ta' permessi għall-bini ta' vilel, fejn illum hemm il-Ulysses lodge fuq ir-Ramla l-Ħamra f'Għawdex, il-MEPA iggwidatx ruħha mill-pjan strutturali, partikolarment RC04, RC021, RC029, SET 11, SET12 u PLP20? Jista' jagħti dettalji kif kull policy minn dawn se tiġi mħarsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li : 1. Il-permess li inħareġ fuq is-sit fejn illum jinstgħab il-Ulysses Lodge u "Outline Development Permission" għat-twaqqiegħ tal-kumpless eżistenti u l-kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku li jikkonsisti minn vilel bil-pool. 2. Il-Policy tal-Pjan ta' Struttura RCO 4 tirrigwarda il-ħarsien ta’ l-impatt viżwali ta' l-iżvilupp. Fid-deliberazzjoni tagħha, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rat li l-kumpless eżistenti kien eżempju tipiku ta’ żvilupp li jħassar il-veduti fuq żona ta "scenic value", u li l-kumpless propost kien qiegħed inaqqas dan l-impatt b'mod sostanzjali. 3. Il-Policy tal-Pjan ta' Struttura RCO 21 tirrigwarda żvilupp fuq żoni li huma suġġetti għall-erożjoni. Għalkemm is-sit in kwestjoni kien diġa żviluppat, b'ħafna tqattiegħ u rdim ta’ materjal fil-passat, xorta waħda l-applikant intalab jagħti żewġ rapporti minn konsulenti indipendenti; wieħed fuq l-istat tal-ġeoloġija u l-idro-ġeoloġija tas-sit u l-inħawi, u ieħor, li jorbot ma’ l-ewwel rapport, fuq il-metodoloġija ta' kostruzzjoni, u kif din sejra tevita l-erożjoni ta' l-art madwar is-sit. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet soddisfatta b’dawn ir-rapporti, u għamlet kundizzjonijiet fuq l-immaniġġjar ta’ l-ilma tax-xita li jinġabar mis-sit, sabiex dan ma jikkawżax dannu għall-irdum tat-tafal. 4. Il-Policy ta' l-Pjan ta' Struttura RCO 29 tirrigwarda il-ħarsien ta' żoni ambjentali fuq ir-riħ ta' widien. Din il-policy għandha l-għan li ma tħallix żvilupp ta' art ġdida f'dawn it-tip ta’ siti. Is-sit in kwestjoni kien diġà zviluppat, u għalhekk ma jmurx kontra din il-policy. 5. Il-Policies ta' l-Pjan ta' Struttura SET 11 u SET 12 jirrigwardaw żvilupp ġdid barra miż-żona ta' l-iżvilupp. SET 11 tidentifika t-tipi ta' żvilupp li jistgħu jsiru f'dawn iż-żoni. SET 12 titfa’ l-oneru fuq l-applikant li jiġġustifika żvilupp barra miż-żona ta' l-iżvilupp, u għal daqstant sabiex tiġi ssuperata l-policy SET 11. F'dan il-każ, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħasset li kien hemm biżżejjed ġustifikazzjoni għal dan l-iżvilupp billi kien hemm diġa żvilupp preżenti li kien qiegħed jaffetwa ħażin il-valur xeniku tar-ramla, u billi l-iżvilupp propost kien sensittiv ħafna aktar minn dak eżistenti. 6. Fil-każ tal-Policy PLP 20, din hija sussidjarja għall-policies tal-Pjan ta' Struttura, u tirrigwarda aktar l-bini ta’ residenzi agrikoli.
Leg 10 PQ #16067 Sitting 336 2005-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

CHOGM — Xiri ta' karozzi BMW

Question

Fid-dawl tat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15842, jista' il-Ministru jgħid min kien responsabbli għall-arranġamenti li saru biex jintużaw BMW għaċ-CHOGM u jekk l-użu ta' karozzi għaċ-CHOGM kienx miftuħ għal diversi kumpanniji li jimportaw u jbiegħu karozzi f'Malta?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Fil-każ taċ-CHOGM f`Malta il-BMW offrew numru ta` karrozzi għal użu tal-kapijiet ta` stat li jattendu għaċ-CHOGM f`Malta bħala "sponsorship". Ma sar jew intalab l-ebda ħlas għal dawn il-vetturi. Din l-offerta l-BMW kienet għamlitha qabel f`CHOGM oħrajn.
Leg 10 PQ #16068 Sitting 336 2005-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Industrija turistika — Dħul tal-Euro

Question

Jaħseb il-Ministru li għandha titwaqqaf task force biex tistudja b'mod konkret l-impatt tad-dħul tal-euro fuq l-industrija turistika f'Malta u f'Għawdex u tirrifletti wkoll fuq l-esperjenza li kellhom gżejjer turistiċi ta' pajjiżi li diġa' għandhom il-euro, biex kemm jista' ikun jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi li jista' ikun hemm fuq it-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jipparteċipa fil-proċess, li qed jitmexxa b'mod ċentrali, tal-bidla li trid isseħħ mill-lira Maltija għall-Euro.
Leg 10 PQ #16069 Sitting 336 2005-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Konferenza Annwali

Question

Jaħseb il-Ministru li tkun idea tajba li proprju fil-konferenza annwali tagħha "The Way Forward" l-awtorita' Maltija tat-turiżmu tindika b'mod konkret il-miri u r-riżorsi finanzjarji li se tonfoq fuq il-promozzjoni ta' kull segment imsemmi f'mistoqsija parlamentari 15837?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-konferenza annwali ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu saret fis 7 ta' Diċembru 2005.

Rapport ambjentali Blue Plan

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-aquifer fir-Rabat, Malta minħabba l-użu tal-fertilizzant għandu nitrati eċċessivi sa 100mg u anke 300mg kull litru kif jingħad fir-rapport ambjentali Blue Plan (2004) ta' Margat?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru koncernat.

Marine Conservation Areas

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-ħolqien ta' marine conservation areas, post b'post? Liema postijiet fil-baħar ta' madwar il-gżejjer Maltin huma indikati biex jibdew jitqiesu bħala marine conservation areas? X'se jkun permess u mhux permess li jsir f'dawn il-marine conservation areas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onor Membru li bħalissa qed isir xogħol fuq tlett inħawi bil-għan li dawn ikunu Żoni Marittimi ta’ Konservazzjoni (Marine Conservation Areas). Dawn, u tagħrif dwarhom huma: 1. Iż-żona ta’ Rdum Majjiesa sa Ras ir-Raheb Għandi l-pjaċir ngħid li din iż-żona ġiet varata nhar il-Ġimġħa 18 ta’ Diċembru, 2005 f’konferenza stampa illi saret Għajn Tuffieħa fejn kienu mistiedna l-mezzi tax-Xandir u ta’ l-istampa. Matul din il-konferenza stampa, ingħata tagħrif lill dawk kollha interessata fuq: a. Id-dikjarażżoni ta’ din iż-żona bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni li dehret fil-gazzetta tal-ġvern bħala Avviż tal-Gvern numru 1138/2005 li ġiet ippubblikata wkoll fit-18 ta’ Novembru 2005. b. Ix-xogħol xjentifiku li sar fiż-żona permezz ta’ l-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea u anki permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran. c. U wara numru ta’ laqgħat ma’ diversi entitajiet, fosthom Organizzazjonijiet mhux Governattivi Volontarji (NGOs) li ġew mistiedna, u li kollha kellhom iċ-ċans jattendu u jgħatu l-kummenti tagħħom, ġie wkoll varat qafas ta’ immaniġġjar taż-żona, li ġie approvat mill-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn hemm indikat il-miżuri ta’ ħarsien differenti li ser tinġħata lill-din iż-żona. d. Barra minn hekk, matul din il-konferenza stampa ġie wkoll varat DVD edukattiv u informattiv ta’ madwar 20 minuti li juri għaliex intgħażlet din iż-żona u jispjega b’mod popolari r-rikkezzi ta’ din iż-żona. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onor. Membru jidħol fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) www.mepa.org.mt. 2. Id-Dwejra, Għawdex. Wara konsultazzjoni mal-pubbliku u ma’ entitajiet interessati, ġie mfassal Pjan dwar din iż-żona. Dan ġie approvat mill-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dan il-Pjan jgħati tagħrif ukoll fuq l-attivitajiet li jistgħu jsiru u kif dawn jistgħu jsiru. Dan il-proġett tnida permezz ta’ fondi tal-LIFE ta’ l-Unjoni Ewropea u qiegħed jitmexxa man-NatureTrust u World Wildlife Fund – Italia (WWF), Organizzazzjoni mhux Governattiva Volontarja, flimkien ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, u l-Ministeru għal Għawdex. 3. Il-ġżira ta’ Filfla. Kif jaf l-Onor. Membru, Filfla hija diġa mħarsa bħala Riserva Naturali, u ilha ħekk sa mill-1988. Imma għandi l-pjaċir inżid illi anki hawn inbeda studju, wkoll bill-għajnuna strutturali tal-Unjoni Ewropea. Beda l-proċess għall-studju fuq il-baħar ta’ madwar il-gżira ta’ Filfla, wara sejħa ppublika, u minn dan it-taġħrif ikun jista’ jitfassal abbozz ta’ pjan ta’ immanniġġar għad-diskussjonijiet ma’ dawk il-partijiet soċjali kollha interessati.
Leg 10 PQ #15946 Sitting 335 2005-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

PBS — Public service obligation

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15618, peress li l-mistoqsija hija dwar public service obligation, jikkonsidra l-Ministru li għandu d-dmir jinforma lil dan il-parlament b'liema mod qed jintnefqu Lm500,000 mit-taxxi taċ-ċittadini biex il-PBS jonora l-public service obligation?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Skond il-kuntratt iffirmat bejn il-PBS u l-Gvern, sa tliet xhur wara li tagħlaq is-sena finanzjarja tal-PBS, il-PBS irid jagħti lill-Gvern rendikont awditjat ta’ kif intefqu il-flus. Is-sena finanzjarja tal-PBS għalqet f’Settembru u għalhekk fil-ġranet li ġejjin il-Ministeru se jkollu f’idejh l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Filwaqt li nerġa’ ntenni li ċerta informazzjoni ta’ natura kummerċjali m’għandhix tingħata, jien dispost, f’dak l-istadju, li nagħti ċifri ta’ kif intefqu l-flus a bażi ta’ ġeneri ta' programmi diversi.

Qortin, Mellieħa — Sistema nazzjonali tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15800 u cioe': Peress li bħalissa qed isir xogħol fuq it-toroq fl-inħawi tal-Qortin fil-Mellieħa u peress li f'dawn l-inħawi għad hemm djar mhumiex imqabbda mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsir ix-xogħol meħtieġ biex dawn id-djar jitqabbdu mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 7659 f'Ottubru 2004. Minn dak iż-żmien 'l hawn ma nstabet ebda solużjoni teknika li twassal biex l-ispiża tal-estensjoni tad-drenagg għal dawn id-djar tkun waħda li tiġġustifika dan ix-xogħol. Infatti kieku kellu jsir dan ix-xogħol, il-Korporażżjoni jkollha tonfoq mal-Lm150,000 biex taqdi 21 dar. Il-policy preżenti tal-Korporażżjoni għas-serviżż ta' l-ilma hi li tiddedika l-fondi li għanda għall-estensjonijiet tad-drenaġġ għall-progetti li bihom jinqdew l-akbar numru ta' nies. Għaldaqstant dawk il-progetti fejn l-ispiża ma tkunx madwar Lm1,000 jew anqas għal kull dar moqdija ma jistgħux jingħataw priorita. Minkejja dan, il-K.S.I. għanda terga tevalwa s-sitważżjoni mill-ġdid.

Liġi dwar aċċess għall-kampanja lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15809 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk sa tmiem din il-leġislatura l-gvern hux se jressaq abbozz ta' liġi fil-parlament dwar l-aċċess fil-kampanja lokali kif jixtiequ r-Ramblers association, skond kif espressa f'petizzjoni mressqa f'dan il-parlament?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-informazzjoni li tajt fis-seduta parlamentari tat-28 ta' Novembru, 2005.
Leg 10 PQ #16064 Sitting 335 2005-12-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

CHOGM

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kumpanniji kellhom b'xi mod jew ieħor x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni taċ-CHOGM f'Malta u f'kull każ xi ħlas ħadet jew għandha tieħu u għal liema servizz li tat?

Response (FRENDO, MICHAEL)

Il-Gvern qiegħed fl-istadju li jiffinalizza l-accounts taċ-CHOGM. Dawn l-accounts ser jiġu awditjati u meta jiġu ffinaliżżati, jiġu ppublikati bid-dettalji kollha.

Importazzjoni ta' Tiġieġ

Question

Peress li għaddew ġimgħatejn minn mindu għamilt mistoqsija parlamentari 15835, jista' il-Ministru jgħid jekk issa hemmx xi informazzjoni x'jagħti fuq materja hekk urġenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li saru s'issa minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, ma jirriżultax li ġew importati tiġieġ iffriżati ta' barra u mbagħad inbiegħu bħala tiġieġ lokali kif allegat fil-Mistoqsija Parlamentari 15835. Iżda d-Dipartiment ser jissokta fl-investigazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward.

Private Public Partnership

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid bħalissa liema arranġamenti ta' private public partnership il-gvern għandu mas-settur privat u f'liema oqsma u x'inhu s-sehem tal-gvern f'kull partnership?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li bħalissa hemm numru ta’ inizjattivi li jistgħu jitqiesu forma ta’ Public Private Partnership (PPP). Dawn jinkludu - Il-proġett ta’ tisbiħ u landscaping immexxi mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent li ra lill-ħaddiema li qabel kienu jagħmlu parti mis-sezzjoni tal-Urban and Rural Landscaping jgħaddu taħt it-tmexxija ta’ konsorzju privat; - l-arranġamenti kuntrattwali li permezz tagħhom id-Dipartiment tal-Anzjani fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa għadda l-amministrazzjoni tad-Djar ta’ l-Anzjani ta’ Bormla u ż-Żejtun f’idejn kuntrattur privat waqt li fl-istess ħin qiegħed jikri numru ta’ sodod fi djar ta’ l-anzjani ta’ sidien privati biex ipoġġi fihom persuni eliġibbli għal rikoveru fi Djar ta’ l-Anzjani tal-Gvern; - is-sistema tas-Search Unit mħaddma fid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku li permezz tagħha kuntrattur privat daħal fi ftehim fit-tul biex jipprovdi xogħol ta’ riċerka fuq ordnijiet mgħoddija lilu mid-Dipartiment; - skemi għat-tibdil ta’ bozoz tat-toroq mħaddma mill-Kunsilli Lokali li, magħqudin fi gruppi, qed jagħtu kuntratti lis-settur privat għal dan is-servizz li qabel kien isir mill-Korporazzjoni Enemalta. Inzid ngħid ukoll li bħalissa il-Gvern għaddej bi proċess għal bini ta’ Dar ta’ l-Anzjani fil-Mellieħa. Dan ser isir taħt arranġamenti ta’ PPP peress illi l-bini u x-xogħol kollu ta’ manteniment ser isir u jkun iffinanzjat mill-privat taħt kuntratt fit-tul ta’ 25 sena.
Leg 10 PQ #15941 Sitting 334 2005-12-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Wirt storiku u kulturali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15676 u jgħid mindu għaddejna l-liġi dwar il-ħarsien tal-wirt storiku u kulturali, kemm-il darba ntużat s'issa l-għodda ta' inċentiv fiskali biex inġibu 'l quddiem il-wirt storiku tagħna? F'liema każi ntużat din l-għodda ta' inċentiv fiskali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Gvern qed jipprepara żewġ Avviżi Legali biex jinħolqu regoli għall-użu ta’ inċentiv fiskali għall-benefiċċju tas-settur tal-wirt kulturali. Ta’ min jgħid li din l-għodda legali tista’ tintuża kemm favur entitajiet kulturali pubbliċi kif ukoll għall- Non-Governmental Organisations kulturali reġistrati mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Malta drydocks — Ħaddiema barranin

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15705 u jgħid b'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15588, fejn waslet l-investigazzjoni dwar l-għoti ta' direct orders lil lukanda partikolari?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-investigazzjoni mistennija tibda dan ix-xahar.

Okkupazzjoni ta' postijiet storiċi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15677 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx xi pjan serju ta' ħidma biex jiġu rkuprati postijiet storiċi fis-swar tal-Kottonera li bħalissa huma okkupati (f'każi anke illegalment) biex ma jibqgħux jiġu abbużati u minflok jibdew jintużaw b'mod aktar adattat bħala parti mill-wirt stoiku tagħna?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf l-Onorevoli Interpellant is-swar tal-Kottonera huma pjuttost mifruxa u bħas-swar l-oħra ta' Malta għandhom valur storiku kbir. Mhux ċar għal liema proprjetajiet partikolari qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant bħala li għandhom ikunu soġġetti għal xi pjan ta' rkupru fuqhom. Fil-konfront ta' xi proprjeta' li tista' tkun okkupata illegalment nista' ngħid li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, fil-limiti tar-riżorsi tagħha, tieħu dawk il-passi kollha li jkunu meħtieġa sabiex jieqaf kull abbuż li ssir taf bih.