Jista' il-Ministru jgħid jirriżultalux li xi tour operators barranin din ix-xitwa ddeċidew li għal xi żmien jieqfu jġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Jekk iva, min huma dawn l-operators? Ittieħdu xi passi rimedjali dwar dan? Jekk iva, x'passi ttieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16184, jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA ser issolvi l-problema msemmija biex jgħaddi d-drenaġġ fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dan il-proġett qed jiġi ttrattat permezz ta' Planning Control Application numru PC35/03. Fl-ipproċessar ta' din l-applikazzjoni jirriżultaw li kien hemm diffikultajiet li ħadu xi ftit taż-żmien biex tinstab soluzzjoni soddisfaċenti għalihom minħabba problemi ta' ilma u drenaġġ, kif ukoll bini antik li jinsab f'żona ta' konservazzjoni urbana. Xi wħud minn dawn id-diffikultajiet diġa ġew indirizzati ma’ l-aġenziji kkonċernati imma għad fadal xi diffikultajiet li jridu jiġu riżolti.
Tista' il-Ministru tivverifika jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hux intitolat, minħabba l-qagħda soċjali diffiċli li jinsab fiha, biex ma jħallasx is-surcharge fuq il-kont tad-dawl u l-ilma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk matul is-sena 2005 kienx hemm każi fejn il-pulizija ħadet passi kontra sewwieqa li wara li sar fuqhom it-test dovut instab li kienu xorbu eċċessivament? Kemm kien hemm minn dawn il-każi matul is-sena 2005? Matul is-sena 2005 kemm għamlet minn dawn it-testijiet fuq sewwieqa dwar xorb eċċessiv il-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 69 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 30 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 39 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-sena 2005 kemm kien hemm reati f'pajjiżna minn żgħażagħ dwar xorb eċċessiv u li dwarhom il-pulizija ħadet passi? Jista' jgħid x'kienet in-natura tar-reati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettal tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinsabx f'forma komputerizzata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm irriżulta li marru żgħażagħ li ħallsu biljetti tad-dħul għall-party ta' l-aħħar/bidu tas-sena 2005/2006 f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u jinvestiga jekk sarx xi tentattiv biex jiġu mbagħbsa dokumenti/tagħrif suppost miżmum għal skop ta' taxxi biex jitnaqqas l-għadd ta' żgħażagħ li fil-fatt marru għall-party?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward għadd ta' attendenza hija informazzjoni ta’ natura kummerċjali. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li kien hemm preżenti uffiċjali tal-VAT Department mal-bibien tad-dħul waqt l-attività.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm tbagħbis bix-xorb alkoħoliku li tqassam fil-party ta' l-aħħar/bidu tas-sena 2005/2006 li sar għaż-żgħażagħ f'Dar il-Mediterranan għall-Konferenzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi in vista tal-fatt li din l-attività ma kinitx organizzata minn Dar il-Mediterran għal Konferenzi iżda ġewwa Dar il-Mediterran, il-Bord tat-Tmexxija ma kienx responsabbli għax-xorb li tqassam. Nassumi li dan huwa punt, fost oħrajn, li daħlet fih l-inkjesta maġisterjali li għaddejja fuq dan il-każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-għassa tal-Belt irrifjutatx li toħroġ il-permess għaż-żamma tal-party ta' l-aħħar/bidu tas-sena 2005/2006 f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u x'kienu r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt qatt ma rrifjutat li toħroġ il-permess għall-attivita' li kellha ssir f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar l-aħħar tas-sena. Peress li kien hemm numru ta' oġġezzjonijiet, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt bagħtet l-applikazzjoni lill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija bir-rakkomandazzjoni li l-applikazzjoni tiġi rreferita lill-Bord ta' Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija sabiex jintalab il-parir tagħhom skond kif rikjest fir-Regolamenti ta' l-1991 dwar Proċeduri rigward Liċenzji tal-Pulizija. Sussegwentement il-Bord ta' Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija rrakomanda li jinħareġ il-permess taħt il-kondizzjonijiet tas-soltu.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu miċ-ċentru għall-Konferenzi fil-Mediterran biex jiżgura s-saħħa u s-sigurta' ta' dawk li attendew għall-party ta' l-aħħar/bidu tas-sena 2005/2006 li ġie organizzat fil-post għaż-żgħażagħ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-passi li ttieħdu minn Dar il-Mediterran sabiex jisguraw is-saħħa u s-sigurta’ ta’ dawk li attendew għall-attivita’ kienu varji. Qed nelenka uħud minn dawn il-miżuri:
1. Ġie impost fuq l-organizzaturi li jkollhom numru ta’ uffiċjali tas-sigurta’ oltre il-pulizija. Fil-fatt kien hemm 47 uffiċjal tas-sigurta’
2. Ġie impost fuq l-organizzaturi li jippreżentaw pjanta ta’ perit kif kienu ser jagħmlu użu mill-post
3. Ġie impost fuq l-organizzaturi li jħallu l-passaġġi liberi u l-bibien kollha miftuħin bl-għassa magħhom
4. Ġie impost fuq l-organizzaturi li jtellgħu sinjali direzzjonali fuq fejn kienu l-affarijiet
5. Ġew projbiti milli jużaw nar jew xemgħat
6. Ġew projbiti milli jagħmlu użu minn materjal li jieħu n-nar (waste combustible materials)
7. Ġew projbiti milli jqasmu affarijiet tal-hġieġ jew tal-ħadid
8. Tneħħew il-bibien kollha ta’ l-alcoves fil-post
9. Ġew obligati jilbsu identification tags
10. Ġew mitluba jippreżentaw rapport ta’ perit dwar l-istrutturi li ttellgħu
11. Ġew mitluba jippreżentaw rapport ta’ perit dwar d-dawl li ttella’
12. Ġew mitluba jippreżentaw rapport ta’ health and safety procedures
13. Kellhom limitu ta’ nies li setgħu jdaħħlu fil-post
14. Ġew obligati li jkollhom persuni responsabbli ma’ kull cloakroom u toilets
15. Ġew obligati jattrezzaw kamra medika għal li seta’ jinqala’
16. Ġew obligati li jkollhom persuni mharrġa għal din il-kamra – kellhom tnax-il persuna
17. Kellhom jinfurmaw lill-pulizija sabiex ikunu preżenti membri tad-drug squad
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15895 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk bħalissa l-private public partnership ma' l-environmental landscape consortium hux paralizzat? X'inhi r-raġuni, jekk iva?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Le, l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) u l-Malta Embellishment and Landscaping Project (MELP) m’huma jbatu minn ebda paraliżi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ilu mhux maħtur il-bord tal-kummissarji fid-dipartiment tat-taxxi ? Għaliex mhux maħtur? Kemm hemm każi pendenti quddiemu? Meta se jinħatar il-bord?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żmien tal-ħatra tal-membri taz-zewġ Bordijiet ta’ Kummissarji Speċjali mwaqqfin skond l-artiklu 34 ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa kien skada f’Diċembru li għadda. It-tmiem tat-terminu tal-ħatra ta’ membri f’xi bord huwa z-żmien li fih il-Ministru jikkunsidra dwar jekk għandux jirritjeni jew jibdel xi membri fil-bord. Il-President issa approva l-ħatra tal-membri taz-zewġ Bordijiet u l-ittra tal-ħatra diġa’ nħarġet mill-Ministeru tal-Finanzi ; l-avviz ħareġ fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-20 ta’ Diċembru 2005. In-numru ta’ kazijiet pendenti huwa 91.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk inħatrux il-persuni li ser ikunu inkarigati jimplimentaw in-national reform programme? Min huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li qegħdin jiġu maħtura contact-persons fil-Ministeri biex jiġu implimentati l-miżuri ta’ National Reform Programme taħt id-direzzjoni tal-Management Efficiency Unit fi ħdan l-uffiċċju tiegħi. Mhux antiċipat li ser ikun hemm bżonn ta’ ebda reklutaġġ estern.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15891 u jgħid meta hemm il-ħsieb li s-sistema tad-drenaġġ tgħaddi għar-residenti ta' Triq il-Ftieħ, Birkirkara? X'qed iżomm milli tgħaddi s-sistema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ostaklu biex isir dan ix-xogħol mhux ġej mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Il-problema hi li f'tarf fejn suppost kellha tiġi kantuniera ma' triq oħra hemm razzett antik li l-MEPA trid tippreserva minkejja li dan minn dejjem kien jidher għat-twaqqigħ fil-pjani (scheme) ta' l-area.
Biex il-main tad-drenaġġ (minħabba l-oġġezzjonijiet tal-MEPA) ma jgħaddix mir-razzett, irid jgħaddi minn propjeta' ta' terzi li qed joġġezzjonaw għall-bidla fl-iskema ta' l-area. Din il-kwistjoni trid tiġi riżolta mill-MEPA qabel ma tkun tista' ssir l-estensjoni tad-drenaġġ.
Environmental Landscape Consortium — Proġetti ġodda
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15896 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-gvern ħax deċiżjoni li l-environmental landscape consortium iwaqqaf il-proġetti ġodda kollha li kien se jagħmel fuq ir-roundabouts ta' Ħal-Lija, il-Fgura, Raħal Ġdid, l-MIA u l-landscaping ta' Vjal Diċembru 13 fil-Marsa? X'kienet ir-raġuni għal deċiżjoni bħal din?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qatt ma sar ebda kuntratt fuq l-imsemmija roundabouts jew triq.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15893 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk minn Mejju 2003 sal-lum l-environmental landscape consortium ġiex informat li l-gvern m'għandux biżżejjed flus biex jonora l-obbligi kuntrattwali tiegħu? X'obbligi kuntrattwali kellu jonora l-gvern u mhux qed jonorahom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s'issa l-Gvern dejjem onora l-obbligi kuntrattwali skond kif interpretati mill-Monitoring Unit. Bħal ma jiġri f'kull kuntratt ġieli nqalgħu xi differenzi ta' interpretazzjoni, iżda dawn dejjem jiġu solvuti.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15894 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ilu jeżisti l-private public partnership bejn il-gvern u l-environmental landscape consortium kemm ħarġu fondi pubbliċi bi ħlas, sena b'sena, u fuq liema proġetti ntnefqu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-kuntratt beda fl-1st November, 2002 u s'issa ġew iċċertifikati dawn il-fondi:
01/11/02 - 31/10/03 - LM3,445,318.45
01/11/03 - 31/10/04 - LM2,773,191.04
01/11/04 - 31/10/05 - LM2,665,236.63
Dawn il-figuri kollha bil-VAT eskluża.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u titjib saru fil-lista ta’ postijiet indikati fil-kuntratt, kif ukoll saru xogħlijiet fuq proġetti fil-lista t’hawn taħt :
War Memorial - Floriana
RAF Memorial - Floriana
Christ the King - Floriana
Castille - Valletta
St. Anne Street - Floriana
Spencer Gardens - Floriana
Sta Venera/Msida Junction
Kappara Roundabout
Qormi Roundabout
Mellieha/Selmun Roundabout
De Paule Avenue/Mdina Road
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fabbrika Denim ħallsitx lill-gvern il-parti tal-bolla dovuta mill-impjegati fl-aħħar ħames snin peress li avviċinawni mpjegati nkwetati dwar dan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni huwa prekluż mill-Att dwar it-Taxxi fuq id-Dħul milli jagħti l-informazzjoni mitluba, pero’ ninsab infurmat li ttieħdu l-passi neċessarji biex ikunu protetti l-interessi ta’ kulhadd.
Pulizija — Ħruġ ta' visa lil persuni ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi policy bil-miktub dwar x'inhuma l-linji gwida u l-parametri li bihom tinħareġ visa mill-pulizija lill-barranin li japplikaw għaliha? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-linji gwida/parametri?
Response (BORG, TONIO)
M'hemmx policy bil-miktub dwar x'inhuma il-linji gwida u l-parametri li bihom tinħareġ visa mill-Pulizija lill-barranin li japplikaw għaliha. Il-Pulizija jaraw kull applikazzjoni fuq il-merti tagħha u huma ggwidati mill-Kap 217 tal-Liġijiet ta' Malta u mir-regolamenti ta' l-Immigrazzjoni.