Legislature:
Category:
Reset
Active:

ITS

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-istitut għall-istudji turistiċi peress li donnu jinsab fil-limbu?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ewwelnett l-Istitut għall-Studji Turistiċi qed jopera b'mod normali il-korsijiet tiegħu għal mijiet ta' studenti. Numru minn dawn l-istudenti jiksbu kwalifiki rikonoxxuti mill-Universita' u jkomplu l-istudji tagħhom f'korsijiet ta' Degree fl-Universita'. Il-futur ta' dan l-Istitut hu wieħed mill-oqsma li l-kummissjoni għal Edukazzjoni Ogħla ser tevalwa flimkien ma' dawk kollha involuti, b'mod partikolari dawk li jmexxu l-industrija tat-turiżmu. Ikun fid-dawl ta' din l-evalwazzjoni li l-Gvern jista' jingħata pariri bl-iskop li tissaħħaħ l-istruttura u l-kwalita' ta' l-Istitut għall-Studji Turistiċi li hu ta' importanza nazzjonali u li qed jagħti riżultati tajbin frott ta' l-impenn u d-dedikazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u l-għalliema u l-ħaddiema tiegħu.

MEPA — Pjani lokali

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-MEPA kemm approvat pjani lokali s'issa u meta approvathom? Liema pjani lokali jonqosha tapprova u meta se jiġi approvat kull pjan lokali? X'qed iżomm l-approvazzjoni ta' dawn il-pjani lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s’issa Approvati Marsaxlokk Bay Local - May 1995 Grand Harbours - April 2003 Approvati ghal-konsultazzjoni pubblika North Harbour Local Plan - April 2000 North West Local Plan - July 2001 Gozo & Comino Local - June 2002 Central Malta Local Plan - July 2002 South Malta Local Plan - April 2005 Skond ma tħabbar fil-Parlament - huwa mistenni li l-pjanijiet lokali kollha jiġu approvati fis-sena 2006. Ir-raġunijiet għad-dewmien kienu diversi u jinkludi: Tibdil fil-policies li jeffettwaw l-użu ta' l-art bid-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewreopea; Il-parteċipazzjoni pubblika qawwija u l-input qawwi li kien hemm; Nuqqas ta' staff professjonalment imħarreġ fuq pjanijiet lokali; Konsolidazzjoni ta' policies; Updates u tibdil li oriġinaw minn talbiet għal żvilupp li qabel ma kienx ikkontemplat.

Mellieħa — Santa Maria Estate

Question

Peress li qed jasluli lmenti kontinwi dwar vultaġġ baxx fid-djar tar-residenti ta' Santa Maria Estate fil-Mellieħa, jista' jara x'inhuma r-raġunijiet għal dan u jgħid x'passi se tieħu l-Enemalta biex tirrimedja s-sitwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta m'għandhiex ilmenti pendenti minn residenti fl-inħawi ta' Santa Marija Estate. Għalhekk u peress li l-area hija vasta, nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji tar-residenti nvoluti ħalli l-Enemalta tkun tista' tieħu azzjoni.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004 u 2005 kienx hemm re-instatement ta' persuni fil-korp tal-pulizija li kienu telqu mill-korp fis-snin ta' qabel? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati fis-sena 2005 persuni fil-korp tal-pulizija li qabel kienu diġa' fil-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kien hemm żewġ ex-membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew re instated, filwaqt li matul is-sena 2005 kien hemm wieħed.

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul is-snin 2004 u 2005 kemm kien hemm persuni li talbu li jerġgħu jidħlu lura fil-korp tal-pulizija u li kienu jaħdmu fih qabel? Kemm minn dawk li talbu biex jiddaħħlu lura fil-fatt iddaħħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2004 u 2005 kien hemm 13-il ex-membru tal-Korp tal-Pulizija li talbu sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp. Minn dawn, 3 ġew re-instated.

Sigurta' Soċjali — Żieda għall-għoli tal-ħajja

Question

Jista' jiġi vverifikat jekk il-pensjonant li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux intitolat għal żieda għall-għoli tal-ħajja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma jirriżultax li tirċievi xi pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali u għalhekk mhux il-każ li hi ntitolata għal xi żieda fl-għoli tal-ħajja f’din il-pensjoni.

Naxxar — Parish Street

Question

Jista' il-Ministru jara li jkun hemm dawl tajjeb u regolari maż-zebra crossing f'Parish Street, Naxxar, ħdejn ir-roundabout, għax bħalissa kif inhi fid-dlam hi ta' periklu għal min jużaha wara li jidlam?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li ser isiru site inspections fuq iz-zebra crossing imsemmija mill-Onorevoli Interpellant biex ikun jista' jsir ix-xogħol neċessarju biex jinxtel id-dawl u ma tibqax ta' periklu.

Anzjani — Taxxa tad-dħul

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-anzjani li jinsabu fid-djar ta' l-anzjani humiex jiġu ntaxxati darbtejn: darba għall-ħlas għas-servizz fid-djar ta' l-anzjani u l-istess somma li titħallas għal hekk terġa' tiġi komputata biex jiġi stabilit kemm l-istess anzjan iħallas bħala taxxa tad-dħul?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull anzjan residenti f'xi Dar tal-Anzjani li għandu dħul inqas minn Lm3,100 fis-sena ma jħallas l-ebda taxxa. Kull ma jħallas hu 60% tad-dħul li jkollu u dan bħala kontribuzzjoni għas-servizz li jkun qed jirċievi fid-Dar tal-Anzjani. Dak l-anzjan li jkollu dħul ta' aktar minn Lm3,100 fis-sena, l-ewwel titnaqqaslu t-taxxa u wara tinqatagħlu 60% tal-ammont li jibqa'. F'kull każ pero jiġi żgurat illi kull resident jibqagħlu minimu ta' Lm600 fis-sena f'idejh.

Protokoll Taljan — Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew it-toroq kollha li saru s'issa f'pajjiżna bl-aħħar protokoll Taljan? X'kienu l-ammonti ta' varjazzjonijiet li saru fuq l-offerti oriġinali tal-kuntratti magħrufa? Jista' jagħti lista sħiħa tal-kumpanniji, barranin u lokali, li b'xi mod jew ieħor għamlu xogħol fuq dawn it-toroq u jgħid f'kull każ kemm tħallset jew se titħallas kull kumpannija li għamlet xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant ser tingħata f'seduta oħra.

Kummissjoni għas-Saħħa Mentali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hix kostitwita l-kummissjoni għas-saħħa mentali? Fil-każ li iva, min huma l-membri u kemm iltaqgħet fis-sena 2005? Jekk mhix kostitwita, din il-kummissjoni meta se tkun kostitwita u b'liema terms of reference?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali bħalissa għadha mhiex kostitwita. Qegħda tiġi mistħarġa l-possibbilita' li din il-Kummissjoni terġa' tiġi kostitwita b'termini ta' rferenza xierqa u relevanti.

MPO — Kariga ta' Direttur Ġenerali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern dwar il-Management & Personnel Office peress li għaddiet sena mindu tbattlet il-kariga tad-Direttur Ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju tiegħi, bħal diversi Ministeri oħra, għaddej minn ristrutturar fil-livelli għolja tal-Ministeru. L-Uffiċċju tal-Management and Personnel kif ukoll il-post ta’ Direttur Ġenerali jiffurmaw parti minn dan ir-ristrutturar u huwa ttamat illi deċiżjoni dwar din il-vakanza, bħal oħrajn, tittieħed kemm jista jkun malajr.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji soċjali

Question

Jista' jiġi vverifikat il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament dwar x'servizzi soċjali hija ntitolata għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali nforma bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn Ottubru 2003 sal-lum sarux proġetti ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam ta' l-esplorazzjoni taż-żejt? Jekk iva, liema proġetti saru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li minn Ottubru 2003 sa llum ma sarux proġetti ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fil-qasam ta' l-esplorazzjoni taż-żejt.

Esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati ma' l-awtoritajiet Libjani u Tuneżini dwar il-qsim ta' l-ibħra ta' bejnietna għal skop ta' esplorazzjoni għaż-żejt u l-gass?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li n-negozjati ma' l-awtoritajiet Libjani u Tuneżini dwar il-qsim tal-blata kontinentali għadhom għaddejjin.

Enemalta/WSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul tal-korporazzjonijiet Enemalta u Water Services f'soprataxxa fuq dawl u ilma tul is-sena 2005 mil-lukandi, ristoranti u l-oqsma kollha reġistrati bħala attivi fl-oqsma tat-turiżmu ta' l-istess korporazzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #16570 Sitting 343 2006-01-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Azjendi turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista sħiħa ta' taxxi u tipi differenti ta' ħlasijiet li huma obbligati jħallsu azjendi turistiċi lill-gvern?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Skeda sħiħa ta' taxxi u tipi differenti ta' ħlasijiet li huma obbligati jħallsu azjendi turistiċi lill-Gvern tinstab fl-Avviż Legali Numru 87 ta' l-2005 - Att dwar Servizzi ta' l-Ivjaġġar u tat-Turiżmu ta' Malta (Kap. 409): Regolamenti ta' l-2005 li jemendaw ir-Regolamenti dwar drittijiet għat-Turiżmu.

Manikata — Trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid kuljum liema ħinijiet hemm is-servizz tat-trasport pubbliku lejn il- u mir-raħal tal-Manikata peress li qed jasluli lmenti li n-nies tal-lokalita' żgħira mhux qed ikunu moqdija tajjeb u regolarment? Jista' jittieħdu passi biex dan is-servizz jitjieb?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda skeda tax-xarabanks li jmorru lejn u mill-Manikata bin-numri tar-Rotot 47 u 52. L-Awtorita' ser tibgħat lill-uffiċjali tagħha sabiex jiċċekkjaw li s-servizzi qed isiru kif suppost.

Dħul għall-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern settur b'settur mill-oqsma tal-lukandi, ristoranti, skejjel li jgħallmu l-lingwi barranin, kumpanniji għall-għaddasa barranin u kumpanniji kollha jew traders turistiċi reġistrati mad-dipartiment tat-taxxi interni jew tal-VAT tul is-snin 2003, 2004 u 2005 f'dawn il-kategoriji ta' dħul: Taxxa tal-kumpannji, VAT; Bolla tas-sigurta' soċjali; Eko-kontribuzzjoni u taxxi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Air Malta — Titjir ta' ajruplani ta' linji oħra

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14817, 15039 u 15309 u jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom l-Air Malta ma ħallietx iżjed piloti tagħha jmorru jtajru ajruplani ta' linji oħra u waqt li tiffranka l-pagi tagħhom, iżżommhom fuq il-kotba tagħha bla ma jitilfu mill-kontinwita' tas-servizz, kif kienet tagħmel qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-passat meta l-piloti kienu jmorru jaħdmu ma' linji ta' l-ajru oħra, dan kien isir mingħajr l-ebda arranġament li kien iħares l-interessi ta' l-Air Malta jekk qatt kien jinqalha xi inċident. Dan ifisser li l-Air Malta kienet qed tieħu riskji kbar li setgħu jiswewla mijiet ta' l-eluf ta' liri f'indemnity claims. Għal din ir-raguni l-Air Malta fasslet dokument li kien iħares l-interessi tagħha mill-aspett ta' indemnity jekk qatt jinqala xi inċident meta piloti jmorru jaħdmu ma xi linja ta' l-ajru oħra. S'issa ma kien hemm l-ebda domanda mill-piloti biex jutiliżżaw din il-possibilita' kif kienet mfassla.

MEPA — Vapuri mgħarrqa fl-ibħra Maltin

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslet il-ħidma tal-MEPA biex iżjed vapuri jkunu jistgħu jiġu mgħarrqa fl-ibħra tagħna biex iservu ta' attrazzjoni għall-għaddasa li jiġu fostna? Meta huwa maħsub li jistgħu jiġu mgħarrqa iżjed vapuri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li bħalissa l-applikazzjonijiet pendenti ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qegħdin jiġu pproċessati wara li l-operaturi wettqu l-obbligi pendenti marbuta mal-permessi li kellhom fuq applikazzjonijiet preċedenti. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ukoll ltaqgħet mal-Malta Marine Foundation u rappreżentanti tal-Ministeru tat-Turiżmu, fejn ġew iggwidati biex huma joħolqu strateġija dwar dawn l-istrutturi billi jikkunsidraw l-elementi kollha kemm ambjentali kif ukoll dawk relatati ma’ l-ippjanar.