Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #17533 Sitting 363 2006-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festival Internazzjonali tal-Kori

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kori li s'issa huma konfermati li se jieħdu sehem fil-festival internazzjonali Malti tal-kori bejn id-9 u t-13 ta' Novembru? Kemm se jintnefqu fuq dawn il-kori? Mnejn se joħorġu l-fondi għal dan il-festival?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fl-aħħar xahrejn il-Fondazzjoni Interkultur ħabbret dan il-festival lill-madwar 30,000 kor u assoċazzjoni oħra f'diversi pajjiżi. Diġa intwera interess qawwi pero` l-applikazzjonijiet jagħlqu fl-aħħar ta' Lulju 2006. Il-korijiet li jieħdu sehem huma responsabbli ta' l-ispejjeż kollha li jkollhom għall-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni. Il-fondi ta' dan il-festival ser jittieħdu mill-budget ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu, liema fondi jiġu allokati appożitament għal attivitajiet ta' dan it-tip.
Leg 10 PQ #17534 Sitting 363 2006-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Festival Internazzjonali tal-Kori

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kumpannija Ġermaniża ġiet kuntrattata biex torganizza l-festival internazzjonali Malti tal-kori bejn id-9 u t-13 ta' Novembru? Kif intgħażlet? Kemm se titħallas għax-xogħol tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Interkultur intagħżlet minħabba s-suċċessi li kellha biex tiġbed numru kbir ta' korijiet mid-dinja kollha għall-festivals li torganizza f'pajjiżi differenti u li għalhekk il-kollaborazzjoni ma' din il-fondazzjoni tista' tkun vantaġġjuża għal Malta. Għax-xogħol li ser tagħmel Interkultur se titħallas 20,000 Ewro. Għal informazzjoni iktar dettaljata qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija għall-Istampa tat-3 ta' Marzu 2006.

Rapport Ambjentali Blue Plan

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17252 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, u jikkonferma li l-aquifer fir-Rabat, Malta minħabba l-użu tal-fertilizzant għandu nitrati eċċessivi sa 100mg u anke 300mg kull litru kif jingħad fir-rapport ambjentali Blue Plan (2004) ta' Margat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li huwa minnu li l-aquifer fir-Rabat għandu nitrati għoljin. Dan minħabba l-biedja ntensiva li hemm fl-inħawi. Records, li diġa` jinstabu fuq il-website ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, juru li l-livell ta’ nitrati fil-punti ta’ monitoraġġ ivarja bejn 32mg/l u 231mg/l. Irrid ngħid ukoll li minħabba l-livell ta’ nitrati, dan l-ilma llum m’huwiex jintuża għax-xorb minkejja li s-salinita` tiegħu hija baxxa.
Leg 10 PQ #17544 Sitting 363 2006-03-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Wirt Storiku u Kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-avviżi legali li saret riferenza għalihom f'mistoqsija parlamentari 15941?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ drafting ta' l-Avviż Legali dwar l-użu ta’ inċentiv fiscali għal-benefiċju ta’ Għaqdiet Kulturali Non Governattivi qed jiġi finalizzat. Il-publikazzjoni tal-Avviż Lokali fil-Gazzetta tal-Gvern għanda ssir fil-gimgħat li ġejjin.
Leg 10 PQ #17448 Sitting 362 2006-03-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tour operators barranin

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16512 u 17247, jista' il-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li xi tour operators barranin din ix-xitwa ddeċidew li għal xi żmien jieqfu jġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Jekk iva, min huma dawn l-operators? Ittieħdu xi passi rimedjali dwar dan? Jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F’dawn l-aħħar snin saret prassi illi tour operators, speċjalment dawk fir-Renju Unit, iwaqqfu l-programm tagħhom għal xi perjodu ta’ żmien fix-xitwa. Din hija ħaġa normali li ssir kull sena, u tiġi ppjanata bil-quddiem, ħafna qabel il-bidu ta’ l-istaġun, meta l-operatur ikun qiegħed ifassal il-programmi tiegħu. Mit-tweġibiet mogħtija lilna mill-operaturi ewlenin fir-Renju Unit, jirriżulta illi l-perjodi fejn il-programmi tagħhom twaqqfu għax-xitwa ta’ din is-sena, huma bejn wieħed u ieħor l-istess bħal tas-sena l-oħra u ma kienx hemm xi tibdil sostanzjali. Madanakollu, u minkejja li s-sitwazzjoni ma tinħtiġx li jittieħdu passi rimedjali għal ta’ l-apposta, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta xorta waħda qegħda tissokkta bil-programm ta’ Joint Marketing Activities, bil-għan illi s-servizzi tat-tour operators barranin lejn Malta jissaħħew. Il-programm ta’ Tour Operator Support jikkonsisti fost l-oħrajn f’kampanji ta’ marketing u ta’ pubbliċità għal Malta li jittellgħu bi sħab bejn operaturi u l-Awtorità. Barra minn hekk, mil-lat ta’ promozzjoni u marketing qed isir kull sforz sabiex tissaħħaħ il-pubbliċita' għal Malta, speċjalment f’dawk li huma s-swieq ewlenin tagħna. Fil-perjodu tax-xitwa ta’ din is-sena, per eżempju, l-ispiża għall-pubbliċita' u l-promozzjoni fir-Renju Unit kienet ’l fuq minn 5 darbiet aktar mill-ispiża għall-istess perjodu tas-sena l-oħra. Minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant, għal dawk li huma ismijiet ta’ kumpaniji speċifiċi, ma nħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata, aktar u aktar meta tintalab informazzjoni kummerċjali dwar l-istaġun kurrenti.

Servizz tal-helicopter

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 17244, jista' il-Ministru jgħid minn meta bdiet topera, jum b'jum, meta l-kumpannija Del Sureste ma onoratx l-obbligi tagħha skond il-kuntratt u ffirmat mal-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mgħotija f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 17244.

Ftehim ta' kuntratt

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17099 u 17243, jista' il-Prim Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u kuntratt tax-xogħol li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-persuna li għaliha tirreferi l-Mistoqsija Parlamentari ġiet detailed biex taħdem fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex din l-persuna tingħata kuntratt ma’ dak il-Ministeru.

Immaniġġar ta' l-iskart — Kuntratturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17189, jista' il-Ministru jgħid liema xogħol b'kuntratt qed isir fis-sit tal-Magħtab u jagħti lista sħiħa tal-kuntratti, kuntratturi u ħlasijiet li ħadu fis-sena 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Ċensiment Nazzjonali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17183, jista' il-Prim Ministru jgħid jirriżultalux li l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika hux qed jipprova jidentifika xi 27,000 persuna b'tagħrif meħtieġ għaċ-ċensiment nazzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hi fin-negattiv. L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-istatistika mhux qiegħed jipprova jidentifika 27,000 persuna, imma qiegħed juża diversi reġistri amministrattivi biex jassigura li ikun inqabad kulħadd fiċ-ċensiment. Għaldaqstant intbagħtu madwar 26,000 kwestjonarju lil diversi persuni sabiex ikun aċċertat li kulħadd ikun ġie inkluż fiċ-ċensiment.

Gżira — Triq Reġjonali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17251, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex il-wied li jinżel bix-xita ma jibqax joħloq għargħar u problemi għal ċerti nħawi fil-Gżira?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ftehim ta' Kuntratt

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17099 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u kuntratt tax-xogħol li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-persuna li għaliha tirreferi l-Mistoqsija Parlamentari ġiet detailed biex taħdem fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex din il-persuna tingħata kuntratt ma’ dak il-Ministeru.
Leg 10 PQ #17290 Sitting 361 2006-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Buġibba — Bejjiegħa tat-timeshare

Question

Peress li tul Jannar u Frar 2006 baqgħu jasluli rapporti regolari li bejjiegħa barranin tat-timeshare baqgħu jdejqu b'mod arroganti u inaċċettabbli turisti li jkunu fil-pjazza ta' Buġibba, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra dan l-abbuż li qed jagħmlilna ħsara mat-turisti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Matul Jannar u Frar 2006 saru għaxar (10) spezzjonijiet f’Buġibba, Qawra u Golden Sands. Matul dawn l-ispezzjonijiet, ġew iċċekkjati: · 62 OPCs; u · 3 identification tags ġew elevati. Id-Direttorat ta’ l-Infurzar qiegħed jagħmel ukoll spezzjonijiet flimkien mal-Pulizija ta’ l- Administrative Law Enforcement.

Sigurta' Soċjali — Benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qatgħulha l-benefiċċji soċjali kollha u issa sfat mingħajr dħul? Kif se tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.

Cambridge International College — MBA u CiIC Honours Graduate diploma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kwalifiki għall-MBA u CIC Honours Graduate Diploma mill-Cambridge International College li jopera l-Floriana humiex rikonoxxuti lokalment peress li min jattendi jemmen li huma rikonoxxuti u anke s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ġieli qassam hu stess iċ-ċertifikati tal-kwalifiki f'ċerimonji ta' gradwazzjoni organizzati għall-okkażjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Istituzzjoni konċernata ma tinstabx f'Malta iżda f'Jersey li hija barra mill-Arja Ewropea ta' l-Edukazzjoni Għolja. F'Malta l-uniku istituzzjoni s'issa awtorizzata bil-liġi li tagħti gradi universitarji hija l-Universita' ta' Malta. Informat ukoll li l-Awtorita' Ingliża ma tirrikonoxxix din l-Istituzzjoni u l-kwalifiki tagħha. Għaldaqstant mhux possibli li dawn il-kwalifiki jingħataw rikonoxximent reċiproku minn pajjiżna.

MMA — Fondi mill-UE

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17226, jista' il-Ministru jgħid jekk l-MMA talbitx għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea għal studji dwar il-Port il-Kbir u jagħti lista x'inhuma s-suġġetti ta' dawn l-istudji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima kisbet fondi ta' l-Unjoni Ewropea għal dawn l-istudji dwar il-Port il-Kbir: 1. Refurbishment u upgrading ta' Deep Water Quay kif ukoll estensjoni tal-moll sal-Menqa. 2. Żvilupp ta' moll u terminal għall-cruise liners ġewwa Barriera Wharf. 3. Żvilupp ta' moll għall-ħatt tal-merkanzija ġewwa Bridge Wharf. 4. Estensjoni ta' Fuel Wharf sa x-xatt, il-Laboratorju u żvilupp ta' Terminal għall-containers. 5. Żvilupp ta' l-art madwar il-port il-kbir għal użu portwali. 6. Links bejn il-portijiet kummerċjali.

San Ġiljan — Triq l-Isqof Romero

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17223 u jara li jittieħdu passi biex Triq l-Isqof Romero f'San Ġiljan tinbidel fi spazju fejn ir-residenti jistgħu jipparkjaw fiha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser isiru spezzjonijiet fit-triq imsemmija biex naraw il-possibilita' li jsir spazju għall-parkeġġ għar-residenti.

Belt Valletta — Telgħa ta' Kastilja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17221 u jgħid jekk hux veru li se tinqala' u ssir mill-ġdid it-triq li mill-Furjana tieħu għat-Telgħa ta' Kastilja? Jekk iva, għaliex? Kemm ġiet tiswa? Kemm se jiswa x-xogħol il-ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija ser terġa' tinqala minħabba li sar xogħol ħażin mill-kuntrattur. Ix-xogħol ta' asfaltar li sar kien ġie jiswa' madwar Lm 34,000. Ix-xogħlijiet kollha ta' tiswija ser isiru għall-ispejjeż tal-kuntrattur.

Paceville — Fawran tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm fawran tad-drenaġġ f'Paceville matul Frar 2006? Minn xiex hu kkaġunat u x'passi rimedjali ttieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fi Frar 2006 kien hemm żewġ okkazzjonijiet ta' fawran ta' drenaġġ f'Paceville. Dan kien kaġun ta' sadd fis-sistema. Dan is-sadd ġie mnaddaf.

Swieqi u Madliema — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'Jannar u Frar 2006 kemm-il darba kien hemm qtugħ ta' dawl fis-Swieqi u l-Madliena? X'ikkaġuna dan il-qtugħ? X'passi qed jittieħdu dwar din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kien hemm tlett interruzzjoni li affetwaw lil Madliena u s-Swieqi. Dawn ġraw fit-13/02/2006 u fl-14/02/2006 u fid-19/02/2006. L-ewwel tnejn ġew ikkaġunati minħabba ħsara fil-Power Station tal-Marsa, waqt li dik tad-19/02/2006 ġiet ikkaġunata minn ħsara f'cable taħt l-art. Dawn il-ħsarat mhumiex relatati ma' xulxin, għaldaqstant m'hemmx azzjonijiet li jittieħdu biex ma jerġgħux jiġru.