Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar — Triq Sir Harry Luke

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17653 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qatt ma tlestiet b'mod diċenti t-Triq Sir Harry Luke f'San Pawl tat-Tarġa, fin-Naxxar, b'detriment għas-saħħa u l-inkonvenjent tar-residenti? Meta se titlesta t-triq kollha minkejja l-ħafna wegħdi li saru li se ssir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' għandha stima u abboz ta' tender għax-xogħlijiet fi Triq Sir Harry Luke f'San Pawl tat-Tarġa, Naxxar. Bħalissa għaddej eżerċizzju sabiex ikunu identifikati t-toroq li ser jidħlu fil-program għax-xhur li ġejjin. Inkun nista' ngħati data meta jitlesta dan l-eżerċizzju.

Enemalta — Prezzijiet taż-żjut

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-prezzijiet li setgħet tixtri bihom kuljum (Platts prices) l-Enemalta l-fuel oil u gas oil għax-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2005 u Jannar 2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pubblikazzjoni "For a Better Sliema"

Question

Jista' il-Ministru jgħd kemm ġiet tiswa l-pubblikazzjoni "For a Better Sliema"? Meta tqassmet lir-residenti ta' Tas-Sliema? Kemm kopji tqassmu? Kemm swew l-ispejjeż tat-tqassim tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-pubblikazzjoni indikata mill-Onorevoli Interpellant qamet Lm1003 bil-VAT inkluza. Din tqassmet bejn it-Tlieta 7 ta' Marzu u l-Erbgha 8 ta' Marzu 2006. B'kollox tqassmu mas-7,400 kopja. L-ispiza ghad-distribuzzjoni kienet Lm96.20 bil-VAT inkluza.

Environmental Landscape Consortium

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet għamel l-environmental landscape consortium taħt l-iskema PPP fis-snin 2002, 2003, 2004 u 2005 u xi ħlasijiet talab u xi ħlasijiet ingħata għal dawn ix-xogħlijiet sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li għamel l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) saru f’dawn l-inħawi : War Memorial RAF Memorial Kristu Re Kastilja Triq Sant’.Anna Il-Ġonna ta’ Spencer Sta Venera / Msida Junction Kappara Roundabout Qormi Roundabout Mellieha / Selmun Roundabout Vjal De Paule / Triq l-Imdina Kif ukoll xogħol ta’ landscaping fir-rikostruzzjoni ta’ Triq bejn l-Imġarr u Ħal Luqa. Minbarra dawn hemm ix-xogħol ta’ rutina ta' kuljum ta' manutenzjoni, jigifieri flowering, weeding u upkeep ta' kull triq arterjali f'Malta. Kif ukoll il-manutenzjoni tal-ġonna ta’ San Anton, tal-Barrakka ta' Fuq, tal-Barrakka t'Isfel, ta’ l-Argotti, ta’ Sa Maison, ta’ Herbert Ganado u tal-Buskett Il-ħlasijiet li saru għal dawn ix-xogħlijiet sena b'sena kienu hekk kif jidher fit-tabella hawn taħt. Ta' min isemmi li dawn il-pagamenti jinkludu: 1) Il-manutenzjoni tat-toroq arterjali kollha ta' Malta 2) Il-manutenzjoni tal-ġonna pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern ċentrali 3) Is-salarji tal-231 impjegat tal-Gvern issekondat ma’ l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) 4) Is-salarji tas-26 ħaddiem ex-Kalaxlokk 5) Bonuses tal-ħaddiema, inkluż incentive bonus. It talba ta’ ħlasijiet hija ta’ natura kummerċjali u allura ma nħossx li għandi nippubblikaha. Sena Ammont Lm 2002 381,197.90 2003 3,520,964.88 2004 2,737,191.88 2005 2,877,099.62

Għajn Żnuber — Pumping Station

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-pumping stationta' Għajn Żnuber ma tibqax tfur u tniġġes l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-"pumping station" ta' Għajn Żnuber qatt ma faret. Il-fawran fl-inħawi ta' Għajn Żnuber kien kaġun ta' 'mains' difettużi. Ittieħdu l-passi kollha biex dan id-difett jiġi rimedjat.

MIA

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Malta International Airport reġgħetx għolliet il-ħlasijiet fuq il-passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport ta' Malta? B'kemm għolew il-ħlasijiet? Għaliex għolew? Xi studju sar fuq l-impatt ta' din il-miżura fuq it-turiżmu dwar il-kompetittivita' internazzjonali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Airport Charges li jinkludu ħlasijiet fuq passiġieri li jgħaddu mill-ajruport ta' Malta ser jinbidlu mill-ewwel ta' April 2006. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif huma u kif ser jiġu il-passenger Service Charge u s-Security Fee. Ta' min jgħid illi l-Airport Charges jiġu ffissati skond ir-regolamenti msejħa Regolamenti Ekonomiċi ta' l-Ajruport ta' 2001 pubblikati b'Avviż Legali 299/2001.

WSC, Enemalta u Maltacom

Question

Jistgħu jittieħdu inizjattivi biex enti bħal korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, l-Enemalta u l-Maltacom ikunu iżjed sensittivi lejn il-bżonnijiet ta' l-industrija turistika fiż-żoni turistiċi meta jagħmlu x-xogħlijiet pubbliċi tagħhom u joqogħdu iżjed attenti biex jimmaniġġaw aħjar ix-xogħol li jagħmlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kemm-il KSI kif ukoll l-Enemalta huma konxji u sensittivi għall-bżonnijiet ta' l-Industrija turistika. Ix-xogħolijiet neċessarji jsiru skond ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ta' l-Awtoritajiet kompetenti - inkluża dik tat-Turiżmu. Hija policy stabbilita li waqt dawn ix-xogħolijiet jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibli, kullimkien. Ta' min jgħid ukoll illi kemm jista jkun xogħolijiet ta' natura strateġika fiż-żoni turistiċi jsiru fix-xhur kwieti tax-xitwa imma wieħed irid jifhem ukoll li xi xogħolijiet mhux ippjanati jinqalgħu minn ħin għall-ieħor.

Bini ta' ħajt

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi emendata l-liġi biex il-kunsilli lokali li jibnu ħajt madwar sit fejn is-sid mhux identifikat ikun jista' jitlob lura il-ħlasijiet li jkun għamel, jgħaddu kemm jgħaddu s-snin biex jiġi identifikat is-sid?

Response (BORG, TONIO)

Il-proposta ta' l-Onor. Interpellant ser tiġi kkonsidrata.
Leg 10 PQ #17882 Sitting 372 2006-03-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Żoni turistiċi — Kumitat ta' azzjoni

Question

Jistgħu jittieħdu inizjattivi kontinwi biex il-ministeru, flimkien ma' l-MTA, l-MHRA, il-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar, l-operaturi turistiċi u enti pubbliċi jagħmlu kumitat ta' azzjoni li jaħdem b'mod regolari u kontinwu biex jindirizza l-problemi fiż-żona turistika ta' Buġibba, Qawra, San Pawl il-Baħar u x-Xemxija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern kien identifika sitt zoni turistiċi li qegħdin jingħataw priorita' f'xogħol ta' tisbiħ. Waħda minn dawn iz-zoni tikkonsisti f'Buġibba, il-Qawra, il-Mellieħa, Golden Bay u l-Marfa. L-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għandha Tourism Zone Co-ordinator li jieħu ħsieb din iz-zona. Din il-persuna torganizza b'mod regolari laqgħat mall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar rigward soluzzjonijiet meħtieġa. Tajjeb li wieħed isemmi, illi s-St Paul's Bay sub-committe tal-MHRA jiltaqa' regolarment mal-membri ta' din iz-zona fuq programmi ta' azzjoni għall-benefiċċju taz-zona kollha. Hu l-ħsieb illi t-Tourism Zone Co-ordinator jaħdem mill-qrib ma' dan il-kumitat rigward interventi li jkunu meħtieġa mill-entitajiet pubbliċi.

Buġibba — Siti li qed iservu ta' miżbla

Question

Jistgħu jittieħdu inizjattivi biex f'Buġibba jiġu identifikati min huma s-sidien ta' ħafna siti li qed jimtlew ħmieġ għax huma bla ħitan madwarhom? Kemm hemm siti li mhux magħruf ta' min huma f'Buġibba?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Channel 22 — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq Channel 22 għas-sena 2005? Jista' jgħid kemm hemm impjegati part-time, full-time u free-lancers ma' Channel 22 u jagħti lista ta' l-ismijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Inqis li l-Education Channel 22 irnexxielu jagħmel qabża konsiderevoli fil-kwalita' matul is-sena 2005 minkejja li l-infieq kien relattivament ċkejken ħafna paragonat ma' stazzjonijiet oħra lokali. Barra milli żied konsiderevolment il-ħin tat-trasmissjoni diretta u l-varjeta' ta' programmi oriġinali tjiebet ukoll il-kwalita' ta' l-istampa, it-teknika, id-dwal u l-irtokk kif ukoll il-kwalita' u l-ispazju ta' l-istudio. In-nefqa kienet kif ġej: Materials and Supply: Lm 24,446.24 Contractual Services (Kontributuri - part-timers) Lm 74,418.46 Management and Operative Services Lm 23,643.14 Divisional Paylist Lm 52,771.60 Capital Impressed Lm 8,000.00 Informat ukoll li n-numru ta' impjegati huwa kif ġej: Full-Time 13 Part-Time/Kontributuri 127

Junior College

Question

Jista' il-Ministru jara li jkun hemm arranġamenti xierqa ħdejn il-junior college l-Imsida biex ġenituri li jmorru jiġbru lil uliedhom studenti jkunu jistgħu jipparkjaw ħin itwal minn tliet minuti biex jiġbru lil uliedhom flok jieħdu ċitazzjoni kull darba?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant irriżulta li tali ċitazzjonijiet jinħarġu meta vetturi jiġu pparkjati bi ksur tal-liġi. Għaldaqstant, minħabba raġunijiet ta’ sigurta’, vetturi għandhom ikunu pparkjati fil-parking bays provduti.
Leg 10 PQ #17795 Sitting 371 2006-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Segment Leaders

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk mindu daħlu fis-seħħ il-kuntratti l-ġodda tas-segment leaders fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu jekk il-miri li għandhom humiex qed jintlaħqu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kuntratti tas-segment heads bdew iseħħu mill-1 ta' Jannar 2006. Naħseb illi għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk il-miri humiex qed jintlaħqu. Jidher li l-ewwel xahrejn ta' din is-sena kellna xi tnaqqis overall. L-indikazzjonijiet fuq is-suq juru li dan it-tnaqqis għandu jiġi rkuprat fix-xhur li ġejjin.

Tgħalim ta' l-Ingliż — Host Families

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħuq mal-GRTU dwar host families li jżommu magħhom studenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #17797 Sitting 371 2006-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Host Families

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm host families iħallsu l-permess meħtieġ lill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu biex iżommu lill-istudenti magħhom f'Jannar 2004, Jannar 2005 u Jannar 2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-numru ta’ host families liċenżati mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fis-snin mitluba mill-Onor. Interpellant huma dawk li jidhru hawn taħt:- SENA Numru ta’ Liċenzi 2003 – sa Diċembru 2004 – sa Diċembru 2005 – sa Diċembru 2006 – sa Marzu 1,258 1,691 2,013 378 Ta’ min iżid li l-maġġoranza l-kbira tal-familji japplikaw għal-liċenzi hekk kif ikun qed joqrob is-sajf.

Uffiċċju għar-regolamentazzjoni aħjar

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17649 u jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex fost ir-regolamenti li se ssir reviżjoni tagħhom mill-uffiċċju għar-regolamentazzjoni aħjar, ikun hemm dawk dwar vetturi tal-baħar li jużaw it-turisti (luzzijiet u dgħajjes li jġorru 24 jew inqas) biex isiru iżjed addattati u kompetittivi meta mqabbla ma' ta' pajjiżi ġirien tagħna flok jibqgħu mmudellati fuq standards Ingliżi, Awstraljani u ta' New Zealand?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPCs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm matul is-snin 2004, 2005 u Jannar u Frar 2006 il-pulizija ħadu passi kontra OPCs (Outside Promotion Contact) li jbiegħu t-timeshare f'Buġibba minħabba l-mod abbużiv kif idejqu lit-turisti, anke b'imġieba agressiva?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2004 il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti erba' outside promotions contacts fuq ksur tar-Regolamenti ta' l-2004 dwar il-Promozzjoni tat-Timeshare ġewwa Buġibba, filwaqt li matul is-sena 2005 ressqet wieħed, u matul din is-sena, s'issa, ma tressaq ħadd.

Gżira — Immaniġġar ta' traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi arranġament mal-pulizija dwar ħarsien ta' liġi u mmaniġġar ta' traffiku fil-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-jum skolastiku ġewwa triq fil-Gżira barra l-kulleġġ Stella Maris, peress li għandi ilmenti dwar konfużjoni sħiħa fit-triq u ksur tal-liġi tat-traffiku kull jum skolastiku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-passaġġ tat-traffiku fit-toroq li jagħtu għall-iskola msemmija mill-Onorevoli Interpellant huwa ristrett b'tabelli tas-sinjali tat-traffiku għal waqt il-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ta' l-istudenti. Pero' jidher illi xi ġenituri tat-tfal li jattendu dan il-Kulleġġ jippretendu li jwasslu lit-tfal tagħhom sal-bieb. Infurmat ukoll illi kien hemm żmien meta kien ikun hemm is-sorveljanza tal-Gwardjani Lokali, fil-ħinijiet tad-dħul u ħruġ tat-tfal f'din l-iskola.

Tigne' — Mina taħt il-proġett MIDI

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi studji għamlet il-MEPA dwar il-mina għat-traffiku taħt il-proġett tal-bini MIDI f'Tigne' u jekk hijiex perikoluża jew le minħabba l-angolu tal-linja tagħha? Jista' iqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra ta' dawn l-istudji li saru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-iżviluppaturi tal-mina ta' Tignè kienu ntalbu jagħmlu "Fire Safety and Ventilation Report" li kien ġie approvat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Barra minn hekk, id-Dipartiment tat-Toroq, bħala l-Awtorità kompetenti dwar is-sigurtà tat-toroq, kien approva d-disinn ta' l-allinjament tat-triq ġewwa l-mina.