Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mellieħa — Bejjiegħa tal-Ħaxix

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm bejjiegħa tal-ħaxix bit-trakk bil-permessi meħtieġa biex ibigħu fit-triq ewlenija ta' l-Għadira, Mellieħa? F'liema postijiet huma awtorizzati li jbigħu minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Taħriġ u Edukazzjoni għall-Adulti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm kumpanniji privati li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni għall-adulti u li huma reġistrati mal-ministeru? Kemm hemm impjegati full-time u part-time magħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' kumpanniji privati li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni għall-adulti u li huma reġistrati mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi huma 102. Informat ukoll li n-numru ta' impjegati hu: Full-Time 12 Part-Time 252

Studenti Barranin

Question

Fid-dawl ta' dak li qalet il-Malta Association for Private Training Providers li studenti minn pajjiżi non-Unjoni Ewropea qed isibuha diffiċli jiġu jistudjaw Malta minħabba l-ħruġ tal-visa qed jispiċċaw imorru f'pajjiżi kompetittivi tagħna, x'passi se jitttieħdu biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-visi biex insaħħu dan il-qasam importanti f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent studenti minn pajjiżi fejn hija meħtieġa l-visa, li jkunu jridu jiġu jistudjaw Malta, jistgħu japplikaw sabiex jingħataw permess jiġu Malta sabiex isegwu il-kors ta' studju. Talbiet minn studenti li jirriżulta li huma bona fide m'humiex ikunu miżmuma.

Aċċess għall-Munxar

Question

Jista' il-Viċi P:rim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu fid-dawl ta' l-ittra miftuħa indirizzata lill-Viċi Prim Ministru Tonio Borg u li dehret f'sezzjonijiet differenti ta' l-istampa dwar dritt għall-aċċess pubbliku fil-Munxar u miktuba mir-Ramblers Association of Malta?

Response (BORG, TONIO)

Saret laqgħa "kordjalissima" u posittiva bejni, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, il-Pulizija u r-Ramblers Association fejn ġew diskussi l-problemi elenkati fl-istess ittra. Ġew indikati "contact persons" miż-żewġ naħat ħalli jiġi miġġieled aħjar l-abbużi li jista' jkun hemm fejn jiġi blukkat l-aċċess tal-pubbliku.

Aġenziji governattivi — Fondi Ewropej

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-gvern dwar dak li qalet il-Malta Association for Private Training Providers li aġenziji tal-gvern qed jikkompetu nġustament ma' kumpanniji privati lokali għall-fondi Ewropej taħt il-European Social Funding?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Association for Private Training Providers

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jintlaqgħu t-talbiet urġenti tal-Malta Association for Private Training Providers biex ikun hemm rikonoxximent għall-kwalifiki ta' korsijiet serji li jipprovdu dawn it-training providers?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf l-Onor. Membru illum hemm in vigore liġijiet li jistabilixxu kif isir ir-rikonoxximent ta' kwalifiki ta' istituzzjonijiet edukattivi. Informat li t-Training Providers imsemmija jipprovdu korsijiet li jwasslu għal kwalifiki barranin. Kwalifiki barranin maħruġa f'pajjiżi li huma parti minn xi ftehim ta' rikonoxximent reċiproku ma' Malta huma rikonoxxuti minn Malta jekk ikunu rikonoxxuti mill-pajjiż li fih jinħarġu. Għaldaqstant ma jirriżultax li dawk it-Training Providers li jipprovdu korsijiet serji u li l-kwalifiki li għalihom jippreparaw huma rikonoxxuti mill-pajjiż fejn jinħarġu, għandhom xi problemi ta' rikonoxximent.

Aċċess pubbliku għal tgawdija tal-kampanja

Question

Fid-dawl ta' dak li ntqal f'paġna 27 (3.1.7. Marine and Coastal Environment) u f'paġna 34 (3.1.11 Leisure and the Environment) tas-Sustainable Development Report dwar aċċess pubbliku għal min irid jimxi u jgawdi l-kampanja, x'passi se jittieħdu biex dawn ir-rakkmandazzjonijiet jitwettqu fil-prattika?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista’ jingħad li wara l-konsultazzjoni wiesgħa li saret fuq l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, sar enfażi fuq il-bżonn li jitħares l-aċċess pubbliku f’zoni rurali u f’zoni viċin il-baħar. Filwaqt li din l-Istrateġija ssostni t-twettieq tal-Pjan ta’ Struttura u Pjanijiet Lokali oħra li jindirizzaw din il-problema, ġew identifikati wkoll “headline indicators and Targets” li jpoġġu obbligu dirett fuq l-awtoritajiet kompetenti biex titieħed l-azzjoni. Din l-azzjoni tiġi mfassla meta l-Istrateġija tiġi addottata mill-Gvern, u allura l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli tkun tista’ tibda l-proċess li jieħu ħsieb iħejji pjanijiet ta’ azzjoni għal kull priorità msemmija fid-dokument. Dwar dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni trid issir konsultazzjoni ma’ dawk kollha nvoluti, inkluż it-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Negozjanti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar każi fejn negozjanti qed jgħollu l-prezzijiet b'5% skond huwa, biex ikopru l-4.7% li qed jitilfu meta jmorru għand il-banek jixtru l-Euro u biex ilaħħqu ma' l-ispejjeż tad-dħul ta' sistemi ta' software u bidliet oħra li jridu jagħmlu għad-dħul tal-Euro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sa llum il-munita Euro hija meqjusa bħala munita barranija u għaldaqstant hija sottomessa għal tariffi tl-kambju normali bħalma huma muniti oħra. Il-Gvern permezz tal-NECC jinsab għaddej b’diskussjonijiet mal-banek sabiex it-tariffi ta’ xiri tal-Euro mill-banek (buying rate) jitneħħew fil-perjodu tad-dual pricing. L-eżempju li qed insemmi jista’ japplika biss fil-każ ta’ dawk in-negozji li voluntarjament jaċċettaw ħlas bl-Euro u li mbagħad jiddepositaw l-Euro fil-bank. In-NECC ħarġet linji gwida dwar dak illi jissejjaħ “optional dual display of prices in Euro” illi wieħed isib fuq il-website tal-NECC.

Enemalta — Prezzijiet taż-żjut

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17954, 18224 u 18762 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-prezzijiet li setgħet tixtri bihom kuljum (Platts prices) l-Enemalta l-fuel oil u gas oil għax-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2005 u Jannar 2006? X'inhi din id-diffikulta' kollha biex iwieġeb u jagħti tagħrif li l-Enemalta żgur għandha u tista' tforni malajr?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-prezzijiet li l-Enemalta setgħet tixtri bihom il-fuel oil u gas oil jistgħu jinkisbu mill-pubblikazzjoni "Platts European Marketscan". Il-prodotti huma: -Gas Oil 0.2 % CIF Med (Genova/Lavera) High Data Code POAAAOO -Fuel Oil 1.0% CIF Med (Genova/Lavera) High Data Code PUAAJOO

MEPA — Tagħrif dwar applikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li fl-aħħar ġimgħat naqas tagħrif dwar applikazzjonijiet għall-bini u proġetti fil-website tal-MEPA? Dan in-nuqqas ta' trasparenza ma jmurx kontra diversi obbligi li għandha l-MEPA li tkun iżjed aċċessibbli fit-tagħrif li tipprovdi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ġimgħat bl-ebda mod ma naqas tagħrif b’mod intenzjonali dwar applikazzjonijiet għall-bini u l-proġetti fil-website ta’ l- Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li diġa' kien qiegħed jiġi ppubblikat. Din l-informazzjoni hija fil-fatt meħuda b'mod awtomatiku mis-sistemi interni li tuża l-istess Awtorità u tkun 'online' immedjatament wara li din tiġi mdaħħla fis-sistemi interni. Jirrizulta li kien hemm nuqqas ta’ xi ritratti li jindikaw fejn tkun twaħħlet is-site notice u xi dettalji oħrajn u l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qiegħda tieħu l-passi neċessarji sabiex dan jiġi rrimedjat mill-aktar fis. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi informazzjoni oħra nitlobu jinfurmani.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Jista' jiġi vverifikat mill-ġdid l-ammont ta' pensjoni li hu ntitolat għalih persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li tħoss li dak li se jingħata huwa ammont baxx ħafna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġie verifikat u l-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar l-eżitu.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema persentaġġ ta' fondi ta' l-Unjoni Ewropea diġa' użajna fi proġetti identifikati mill-gvern għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea sas-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-flus allokati lil Malta għal perjodu 2004-2006 taħt il-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond ta’ Transizzjoni huma kollha allokati lill-proġetti identifikati mill-Gvern Malti. Dawn il-proġetti jinsabu f’fażijiet differenti ta’ implementazzjoni. Minn dawn il-fondi s’issa saru pagamenti li jammontaw għal għoxrin fil-mija (20%) ta’ l-allokazzjoni totali. Il-kumplament tal-flus tal-proġetti għadhom għaddejjin mill-proċess ta’ kuntratti u pagamenti.

Tas-Sliema — Spazju taħt it-torri

Question

Possibbli li spazju pubbliku taħt it-Torri f'Tas-Sliema jingħata għal żvilupp ta' ċentru tal-boċċi li jista' jintuża mir-residenti u t-turisti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta xi entita' tkun tixtieq tingħata art tal-Gvern għal xi użu sportiv din għandha tagħmel it-talba tagħha lil Kunsill Malti għall-iSports li imbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-possibilita' li l-art mitluba tingħata għall-iskop mitlub. Qabel ma tkun tista' tiġi kkunsidrata tali talba ikun meħtieġ li l-iżvilupp mitlub ikun approvat mill-MEPA.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Skejjel li jgħallmu l-Ingliż

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm familji li l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin għaddew tagħrif dwarhom lid-dipartiment tat-taxxi interni dwar dħul ġej mill-istudenti li jżommu għandhom? Għal-liema snin għaddew dan it-tagħrif? B'liema rata ta' taxxa se jiġu ntaxxati l-familji? Ġie meqjus x'impatt se jkollu dan kollu fuq settur tant importanti f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’Mistoqsija Parlamentari numru 17952.

Tgħalim ta' l-Ingliż — Host Families

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim milħuq mal-GRTU dwar host families li jżommu magħhom studenti li jiġu jitgħallmu l-Ingliż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18137.
Leg 10 PQ #18759 Sitting 381 2006-05-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Organizzaturi li jġibu kantanti minn barra

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18542 u jgħid kemm ingħataw flus l-organizzaturi li ġabu lill-kantant Elton John f'Malta minn xi struttura jew oħra li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru, taħt xi nefqa jew oħra, b'isem jew ieħor?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-organizzaturi li ġabu l-kantant Elton John f'Malta ingħataw Lm1,500 sponsorship mill-Awtorita' tat-Turiżmu.
Leg 10 PQ #18760 Sitting 381 2006-05-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Low cost airlines

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18540 u jgħid minn mindu tħabbret skema ta' għajnuna biex low cost airlines joperaw fuq ċerti rotot lejn Malta fix-xitwa, x'passi ttieħdu u minn min u b'liema riżultati biex low cost airlines jibdew joperaw minn u lejn Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nixtieq nippreċiża li l-iskemi li ħabbar il-Gvern huma intiżi sabiex iżidu t-turiżmu fix-xhur tax-xitwa. Waħda minn dawn l-inizjattivi hija mmirata sabiex jiġu żviluppati rotot ġodda minn linji ta’ l-ajru inkluż dawk low cost iżda mhux b'mod esklusiv. L-iskemi qed jiġu finalizzati f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea. Il-mira tal-Gvern hi li dawn id-diskussjonijiet jintemmu fl-iqsar żmien possibbli u ċertament b’mod li jagħmilha possibbli li uħud minn dawn ir-rotot jibdew jitħaddmu mix-xitwa li ġejja.

Enemalta — Prezzijiet taż-żjut

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17954 u 18224 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-prezzijiet li setgħet tixtri bihom kuljum (Platts prices) l-Enemalta l-fuel oil u gas oil għax-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2005 u Jannar 2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #18787 Sitting 381 2006-05-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bejgħ on line ta' faċilitajiet turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentiari 18539 u jgħid fejn wasal ix-xogħol biex isir il-portal nazzjonali għall-marketing u l-bejgħ on line ta' faċilitajiet turistiċi fil-gżejjer Maltin? Kif se jkun iddisinjat dan il-portal? Kemm se jkun interattiv ma' l-operaturi turistiċi lokali? Meta ser jkun lest?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, flimkien ma’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, beda x-xogħol preparatorju fuq din l-inizjattiva. Il-Ministeru, flimkien mal-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informatika, qiegħed jipprepara s-sejħa għall-offerti bil-ħsieb li din toħroġ fil-ġranet li ġejjin.

Proġett ta' Tigne'

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 18200 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid f'liema stat wasal il-ftehim bejn ir-residenti li daħlu lura fid-djar f'Tigne' wara li kienu marru jgħixu x'imkien ieħor minħabba l-proġett ta' Tigne'? Meta se jitħallsu l-flus imwiegħda lilhom? Liema partijiet tal-bini tagħhom qed jitqiesu kondominju li jridu jieħdu ħsieb?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li waħda biss mir-residenti li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant ikkonkludiet il-ftehim għall-kiri tal-post il-ġdid. Ninsab infurmata wkoll li meta r-residenti l-oħra ġew mitluba biex jiffirmaw il-ftehim għall-kirja dawn qajmu oġġezzjonijiet dwar xi termini tal-ftehim, fosthom liema partijiet tal-bini għandhom jitqiesu bħala kondominju li jridu jieħdu ħsiebu, u għaldaqstant għadhom ma ffirmawx il-ftehim. Ninsab ukoll infurmata li nbeda l-proċess biex l-inkwilin li ffirma l-ftehim għall-kirja jirċievi l-kumpens dovut.