Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #19273 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MIA — Market Support

Question

Jista' il-Ministru jgħid inħatritx persuna biex tikkordina l-market support disinjat mill-MIA, gvern u s-settur privat, biex iħajjar linji ta' l-ajru tradizzjonali u low cost iżidu l-operazzjonijiet tagħhom lejn Malta? Min hi din il-persuna u meta se tittieħed id-deċiżjoni dovuta u meta se ssir effettiva f'pajjiżna u għal liema staġun turistiku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern qiegħed jiddiskuti l-iskemi mal-Kummissjoni Ewropea. F’dan l-istadju, l-iskemi qed jiġu koordinati mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.
Leg 10 PQ #19282 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefqet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fuq il-marketing ta' Malta u Għawdex bħala destinazzjoni għall-għaddasa fis-snin 2004, 2005 u 2006 s'issa? Fiex intnefqu, f'liema mezzi u f'liema pajjiżi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li in-nefqa annwali tal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'dak li hu marketing dirett ta' Malta u Għawdex bħala destinazzjoni għall-għaddasa fis-snin 2004, 2005 u 2006 kienet kif ġej: 2004: - Madwar Lm 6,000 2005: - Madwar Lm 5,000 2006: - Madwar Lm 38,000. In-nefqa għas-sena 2006 tinkludi reklamar speċifiku u parteċipazzjoni ġewwa fieri speċjalizzati tad-diving, li seħħ fl-ewwel ħames xhur tas-sena jew li diġa' ġie ibbukjat u se jsir fix-xhur li ġejjin, sa Diċembru 2006. Il-marketing imsemmi sar jew se jsir f'dawn il-pajjiżi: Renju Unit, Ġermanja, Italja, Franza, Spanja, Olanda, Russja u Ġappun. Iċ-ċifri msemmija ma jinkludux spejjez marbuta maż-żjarat ta' ġurnalisti li jiġu mistiedna mil-MTA sabiex jigu Malta u Għawdex u jiktbu dwar il-qasam tad-diving. Ma jinkludux ukoll l-ammont ta' pubbliċita' miksuba mingħajr ħlas permezz tal-ħidma tal-MTA , per eżempju permezz ta' artikli f'gazzetti u perjodiċi miktuba mill-ġurnalisti mistiedna tal-MTA, jew meħudin minn press releases maħruga mill-MTA. Minbarra dawn, is-settur tad-diving jibbenefika ukoll mir-reklamar ġenerali tal-MTA. Infatti, ir-riklami kollha li toħroġ l-MTA bħala parti mill-kampanja kurrenti jinkludu numru ta' ritratti żgħar li jirrapreżentaw oqsma differenti u jikkumplimentaw ir-ritratt prinċipali. Fil-part l-kbirai ta' dawn ir-riklami jidher ukoll ritratt ta' għaddas. Meta wieħed iqis dan kollu, il-valur totali tal-marketing għal dan is-settur huwa konsiderevolment akbar min-nefqa mmsemmija hawn fuq.
Leg 10 PQ #19283 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu — Għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-pjan ta' marketing short-term li kellha l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu għas-segment ta' l-għaddasa tul l-2005? Iċ-ċentri tad-diving ġew informati b'dan il-pjan? Xi twettaq minn dan il-pjan?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma jirriżultax li l-MTA kellha xi pjan “Short Term” għall-marketing tat-turiżmu għall-għaddasa fl-2005. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-proposti li saru mill-PDSA (Professional Diving Schools Association) f’Settembru ta’ l-2004, ninsab infurmat li ma kien hemm ebda ftehim fuq dawn. Matul is-sena 2005 l-MTA għamlet pubbliċita' speċifika f’ġurnali speċjalizzati għal dan is-suq, hosting ta’ ġurnalisti, kif ukoll operaturi w aġenti ta’ l-ivvjaġġar speċjalizzati, jew ‘professional divers,’ li mbagħad jiktbu jew iwettqu programmi għal Malta u Għawdex, parteċipazzjoni f’fieri speċjalizzati għal dan is-settur.
Leg 10 PQ #19285 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Għaddasa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex intejbu l-prodott li noffru f'pajjiżna għall-għaddasa meta nqisu li qed naqgħu lura ma' destinazzjonijiet rivali, bħall-Eġittu, Kroazja, Greċja u Ċipru u destinazzjonijiet oħra f'inħawi differenti tad-dinja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, bl-involviment ta’ l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, għadu kemm ħejja proposta estensiva ta’ inizjattivi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodott relatat mall-għaddasa. L-inizjattivi jkopru kemm titjib fuq l-art (dive site access point) kif ukoll taħt il-baħar. Minħabba li din is-sottomissjoni qed issir għall-infiq minn fondi tal-Programm għall-Fondi Strutturali li jmiss tal-Unjoni Ewropeja għadu daqsxejn kmieni sabiex inħabbru l-programm fid-dettal. Fil-frattemp l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qed tgħin lill-Malta Marine Foundation sabiex timplimenta proġetti ta’ siwi għal din l-industrija. Wieħed mill-proġetti kurrenti huwa l-kreazzjoni ta’ artificial reefs billi jiġu mgħarrqa vapuri li jipprovdu attrazzjoni qawwija għall-għaddasa. Bħalissa qed isiru l-istudji neċessarji mall-MEPA sabiex jitniżżlu żewġ ex-patrol boats tal-Forzi Armati.

Awtorita' tad-Djar — Manutenzjoni f'saqaf ta' dar

Question

Tista' issir il-manutenzjoni u t-tiswija meħtieġa fuq il-ħsarat estensivi u serji li hemm fis-saqaf u bini fid-dar proprjeta' tal-gvern li tinsab fl-indirizz li qed nibgħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-unika ħsara strutturali li hemm fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant hi fl-intrata u t-tiswija meħtieġa ġiet approvata u ser issir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Ninsab infurmata wkoll li xogħlijiet oħra jirrigwardaw manutenzjoni ordinarja li għandhom isiru mill-inkwilin.

Trends International Mathematics and Science Study

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa biex l-istudenti tagħna jieħdu sehem fit-Trends International Mathematics and Science Study (TIMSS) 2006/07 li jkejjel il-kompetenzi ta' l-istudenti b'mod internazzjonali biex jgħin fit-titjib u t-tisħiħ tat-tagħlim tal-matematika u xjenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bi tħejjija għall-'field study', id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħatret kumitat b'rappreżentanti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ta' l-iskejjel tal-Knisja u ta' l-iskejjel Indipendenti u tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni biex jikkordina x-xogħol. Malta flimkien mal-parteċipanti l-oħra fit-Trends in International Mathematics and Science Study wettqet din il-ħidma: Ġie kkunsidrat l-'Assessment Framework' fid-dawl tal-kurrikulu malti fil-matematika u x-xjenza. Inkitbu mistoqsijiet għall-'achievement test'. Il-mistoqsijiet tal-'field test' ġew eżaminati u saret adattazzjoni kulturali fejn meħtieġ. Dan l-eżerċizzju sar ukoll fuq il-mistoqsijiet tal-kwestjonarji. Sar xogħol fuq is-'setting' tat-'test booklets' u l-kwestjonarji. Il-materjal tal-'field test' ġie stampat fl-Istamperija tal-Gvern. Sar taħriġ fl-immaniġjar tad-data u l-ikkoreġġjar tat-'tests'. Sar il-'field test' fl-iskejjel. Il-'field tests' ġew ikkoreġuti. Bħalissa qed tiddaħħal l-informazzjoni fid-database provdut mill-International Association for the Evaluation of Educational Achievement (IEA). F'Awissu 2006 se ssir laqgħa biex jibda x-xogħol bi tħejjija għall-istudju prinċipali (main study).

TIMSS

Question

Fil-ħidma tagħna biex nieħdu sehem fit-TIMSS 2006/07, f'liema skejjel saret il-field test f'Marzu u April 2006? Kemm studenti ġew ittestjati? X'jindika dan il-field test s'issa dwar il-kompetenzi ta' l-istudenti tagħna fix-xjenza u fil-matematika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Trends in International Mathematics and Science Study 'field test' sar f'dawn l-iskejjel: Kulleġġ Santu Wistin, Pieta' Kulleġġ Savio, Dingli St Francis Skola Sekondarja, Sliema Skola Sekondarja tas-Subien G. D'Amato, Paola Skola Sekondarja tas-Subien, Naxxar Skola Sekondarja tal-Bniet M. Goretti, Tarxien Skola Sekondarja M'Assunta, Ħamrun Liceo tas-Subien M.A. Vassalli, Ħandaq Liċeo tas-Subien G. Despott, Verdala Liċeo tal-Bniet C. Diacono, Żejtun Liċeo tal-Bniet St Tereża, Mrieħel Kulleġġ St Martin, Swatar Kulleġġ Newark, Swieqi Skola Sekondarja tal-Bniet Kan. G.F. Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex Liċeo tal-Bniet Kan. G.F. Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex In-numru ta' studenti li ġew ittestjati kien 1,400. L-iskop prinċipali tal-'field test' hu li jiġu ppruvati l-proċeduri kif ukoll tiġi assessjata l-validita' tal-mistoqsijiet qabel ma jintużaw fl-istudju prinċipali (main study).
Leg 10 PQ #19173 Sitting 388 2006-05-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Superintendance of Cultural Heritage

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-operations review li għamel il-management efficiency unit dwar is-superintendance of cultural heritage?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Aġenziji Governattivi — Fondi Ewropej

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19058 u jagħti aktar informazzjoni dwar is-suġġett li qed jintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-għan tal-Fond Soċjali Ewropew, bħall-Fondi Strutturali kollha, hu li jtejjeb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż u l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadin. Il-proġetti tal-Fond Soċjali Ewropew jiġi implimentati permezz ta’ kuntratti pubbliċi u kuntratti ta’ impjieg. Is-sejħiet kollha għall-kuntratti pubbliċi jridu jkunu pubblikati skond ir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi, filwaqt li l-kuntratti ta’ impjieg isiru skond l-Att dwar l-Impjiegi u t-Taħriġ. L-istqarrijia tirreferi għal xi każ partikolari li pero’ mhux identifikat fl-istqarrija tal-Malta Association of Private Training Providers. Ta’ min ifakkar li r-responsabbilita’ tal-fondi ta’ proġett partikolari u r-relazzjoni bejn l-imsieħba tal-proġett hi tal-‘project leader’. F’dan il-kuntest, nistieden l-Onorevoli interpellant jindika l-isem u n-numru ta’ riferenza tal-proġett ikkonċernat biex ikun jistgħu isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Leg 10 PQ #19270 Sitting 388 2006-05-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija għat-Turiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-evalwazzjoni tal-Ministeru dwar il-performance u r-riżultati miksuba s'issa mir-rappreżentanti ġodda maħtura mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu flok l-uffiċċji barranin li kellha f'għadd ta' swieq ewlenin tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li r-rappreżentanti ġodda maħtura mill-MTA f’numru ta’ swieq barra minn Malta qegħdin jiffunzjonaw kif mistenni. Dawn ir-rappreżentanti jikkonċentraw l-użu tar-riżorsi li tallokalhom l-MTA fuq attivitajiet ta’ marketing u qegħdin igħinu sabiex jiġu ffrankati eluf ta’ liri li qabel kienu jintefqu fuq spejjeż amministrattivi. Xieraq li wieħed igħid li kemm ilhom jagħtu servizz lill-MTA, ir-rappreżentanti għamlu numru ta’ workshops u attivitajiet oħra biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-operaturi u l-aġenti tal-ivvjaġġar fil-pajjiżi rispettivament rappreżentati minnhom. Saru attivitajiet ta’ dan it-tip fl-Iskandinavja, Ġermanja, Franza u l-Italja. Hemm ippjanati wkoll attivitajiet simili fil-Benelux. Attivitajiet oħra huma ppjanati għal kmieni fil-ħarifa, sabiex jitkomplew dawn l-inizjattivi fi swieq differenti. Dawn ir-rappreżentanti wkoll jagħmlu xogħol li jinkludi parteċipazzjoni f’fieri u attivitajiet simili meta jkun hemm bżonn.

Familji li jżommu studenti barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-avviżi legali ġodda dwar il-kondizzjonijiet fiskali dwar familji u persuni li jżommu magħhom studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż fostna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19165 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi hemm maħsuba biex jiġu promossi f'pajjiżi oħra lukandi 3-Star f'Malta u f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-promozzjoni li tagħmel l-Awtorita' tat-Turiżmu mhix intenzjonata li tiffavorixxi xi kategorija jew oħra ta' l-akkomodazzjoni. Il-marketing ta' l-Awtorita' hu mmirat biex jattira l-firxa aktar wiesgħa ta' viżitaturi lejn id-destinazzjoni u dawn jagħmlu l-għażla ta' l-akkomodazzjoni tagħhom skond il-preferenzi u l-budget li jkollhom. Ta' min jgħid ma' dan kollhu li l-Awtorita' qed taħdem bis-sħiħ biex din is-sena jiġi mniedi internet portal mill-MTA li jagħti l-faċilita' lill-viżitatur jagħmel l-bookings ta' l-ajru u l-akkomodazzjoni on-line. L-istabbilimenti ta' l-akkomodazzjoni kollha ser jingħataw il-faċilita' li jirreġistraw il-proprjeta' tagħhom fuq dan il-portal biex ikunu jistgħu jibbenifikaw minn bookings on-line li jidhru li qed tiżdied il-popolarita' tagħhom.
Leg 10 PQ #19166 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Frekwenza tat-Titjiriet bl-ajru

Question

Peress li qed jasluli lmenti li għandna nuqqas ta' titjiriet mir-Renju Unit, Franza u Ġermanja fost l-oħrajn li qed iwasslu biex eluf ta' turisti ma jistgħux jiġu Malta u Għawdex, anke jekk iridu, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi indirizzata din il-problema serjissima?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19167 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Tour operators

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja qed jingħataw tour operators ibbażati Malta jew barra li jispeċjalizzaw biss li jġibu turisti f'Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-informazzjoni li qed tintalab hija ta' natura kummerċjali sensittiva, naħseb li ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dettaljata. It-total li l-Awtorita' qiegħda tagħti bħala marketing support lit-tour operators ibbażati Malta jew barra, li jġibu turisti f'Malta u Għawdex huwa ta' Lm 1.8 miljuni. Ma jkolli l-ebda diffikulta' li ngħaddi d-dettalji mitluba mill-Onor. interpellant b'mod privat.
Leg 10 PQ #19168 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi hemm maħsuba biex jiġu promossi f'pajjiżi oħra lukandi 4-Star f'Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19165.
Leg 10 PQ #19169 Sitting 387 2006-05-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Pjan Nazzjonali Strateġiku għat-Turiżmu

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex jitfassal pjan nazzjonali strateġiku għat-turiżmu? Jista' jgħid fiex wasal ix-xogħol li jitfasslu pjani strateġiċi nazzjonali settorjali, segment b'segment fit-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol biex jitfassal Pjan Strateġiku ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu għas-snin 2006-2008 jinsab fi stadju avanzat. Ġew imfassla proposti dwar il-Missjoni, Objettivi u Strateġiji flimkien ma' profili dettaljati dwar is-segments kollha li l-Awtorita' identifikat bħala importanti għall-iżvillup tat-turiżmu f'Malta. Dawn il-profili kienu l-bażi ta' konsultazzjoni estensiva li saret kemm internament ġewwa l-Awtorita' kif ukoll esternament ma' assoċċazzjonijiet, organizzazjonijiet u individwi involuti fit-turiżmu. Issa li qegħdin fl-aħħar fażi ta' konsultazzjoni, ix-xogħol fuq id-dokument miexi ukoll. Il-Pjan Strateġiku ser jagħti direzzjoni u jistabbilixxi l-framework, li madwaru jissawru l-Business Plans ta' l-Awtorita' għas-snin 2006-2008.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19044, jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex sa l-aħħar ta' din is-sena jintnefqu t-80% li fadal mill-fondi Ewropej? Se jintnefqu kollha? X'jiġri jekk ma jintnefqux kollha sa l-aħħar tas-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li b’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 19044, ninforma l-Onorevoli Interpellant li kull Fond għandu medda ta’ implimentazzjoni speċifika sa meta għandhom jintefqu l-flus u sa meta għandu jsir l-aħħar pagament fuq Fond jew program partikolari. Ta’ min jgħid li f’pajjiżna il-fondi kollha huma allokati fi programmi u proġetti. Il-Gvern hu kunfident li l-għanijiet finanzjari ta’ l-infiq ta’ kull Fond jew programm (li huma varji u jestendu sa l-2009 għal uħud mill-programmi/proġetti) ser jintlaħqu.

Uffiċjali tas-Sanita'

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex l-uffiċjali tas-sanita', partikolarment dawk responsabbli miż-żona tal-Mellieħa u l-limiti tagħha, waqt li jsegwu l-linji għall-ħarsien tar-regolamenti dovuti fl-ispezzjonar tar-ristoranti jagħmlu dan mingħajr attitudni arroganti li tqis lis-sidien tar-ristoranti bħala xi qatta' kriminali li jridu jiksru l-liġi?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-rwol ta' l-Ispetturi tas-Saħħa huwa dak regolatorju u għaldaqstant mhux dejjem jintgħoġob, speċjalment minn operaturi ta' l-ikel li kontrihom tkun qed tittieħed xi azzjoni legali. B'daqshekk, l-Onor. Interpellant żgur jaqbel li dan mhux sinjal ta' arroganza, iżda huwa mezz kif tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku. Inoltre, d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika nvesta fl-ispettorat tas-Saħħa billi l-Ispetturi ngħataw taħriġ fil-customer care kif ukoll f'apparat u taħriġ ieħor tekniku biex l-ispezzjonijiet jsiru b'mod ġust anke ma' l-operaturi. L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jiġbed l-attenzjoni ta' dan id-Dipartiment jekk għandu xi każijiet speċifiċi sabiex tkun tista' ssir l-investigazzjoni neċessarja.

Mellieħa — Beach kiosks

Question

Tul is-sena 2005, jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba uffiċjali tad-dipartiment tas-sanita' spezzjonaw il-beach kiosks li hemm fl-Għadira tal-Mellieħa u jgħid kemm-il darba nstab li kisru l-liġijiet u r-regolamenti dovuti dwar l-iġjene u s-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul l-2005 saru ħames spezzjonijiet fil-beach kiosks li hemm fl-Għadira l-Mellieħa u ġew innutati ħames ksur ta' regolamenti u liġijiet ta' l-iġjene u saħħa. Tali nuqqasijiet ġew rimedjati u b'hekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni legali.
Leg 10 PQ #19078 Sitting 386 2006-05-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Mellieħa — Beach Kiosks

Question

Jista' il-Ministru jieħu inizjattiva biex ikun hemm iżjed kordinazzjoni u ħidma id f'id bejn l-uffiċjali ta' l-infurzar ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-uffiċjali tad-dipartiment tas-sanita' li huma obbligati li jissorveljaw il-beach kiosks li hemm fl-Għadira, Mellieħa għal infurzar aħjar tal-liġijiet dovuti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorita' tat-Turiżmu kif ukoll id-Diviżjoni tas-Saħħa jikkolaboraw f'kull qasam li jirrigwarda l-iġene f'lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel li jinkludu beach kiosks. Qed nassumi li l-Onor interpellant qiegħed jirreferi għall-beach kiosks fissi li huma liċenzjati mill-Awtorita tat-Turiżmu u mhux għal-hawkers ta' l-ikel li huma liċenzjati mid-Dipartiment tal-Kummerċ.