Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċjali tad-Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex uffiċjali tad-dawana jkunu għax-xogħol fit-terminal tal-passiġġieri tal-vapuri f'ħin konvenjenti għal dawk li jaslu biex ma joqogħdux jistennew sa wara s-2.00 p.m. kif ġara nhar il-Ġimgħa 26 ta' Mejju, 2006 għaliex tħallew jistennew il-passiġġieri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-vapur li fil-ġurnata u l-ħin li ssemma’ l-Onorevoli Interpellant jidħol Malta hu vapur MSC Opera li jidħol Malta ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa biex inizzel il-passiġġieri u ilu jagħmel dan mis-7 ta’ April 2006. Fis-seba’ darbiet ta’ qabel li daħal dan il-vapur, l-uffiċjali tad-Dwana dejjem kienu fil-ħin biex jeżaminaw il-bagalji tal-passiġġieri. Fil-ġurnata li dwarha qiegħed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant, l-uffiċjali tad-Dwana li kienu assenjati għall-eżami tal-bagalji tal-passiġġieri ta’ dan il-vapur inqabdu fuq xogħol ieħor u waslu għoxrin minuta tard. Diġa ttieħdu l-passi neċessarji sabiex dan id-dewmien ma jerġax iseħħ

Skart tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom fil-jiem li għaddew l-għolja skart tal-Magħtab kienet qed taqbad regolarment, kif rajt b'għajnejja jien stess meta għaddejt mill-coast road diversi drabi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif kien tħabbar ftit taż-żmien ilu, l-għolja skart tal-Magħtab trid tiġi armata b'sistema ta' pipework biex il-gassijiet li jistgħu joħorġu, jinġabru u jiġu ttrattati. Il-gassijiet it-tajbin jiġu użati biex jiġġeneraw l-enerġija elettrika. Biex l-installazzjoni ta' dawn il-pajpijiet tkun tista` ssir, hemm bżonn li jiġi mibdul l-angolu tal-wiċċ tal-għolja u jinħolqu numru ta' passaġġi minn fejn ikun jista’ jsir l-aċċess. Is-sena l-oħra ingħata kuntratt biex dan ix-xogħol jibda. Bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu. Maċ-ċaqliq tal-materjal jinqala` ammont ta' trab, u jekk dan iċ-ċaqliq isir fejn hemm skart organiku xi drabi ifeġġu n-nirien. Il-kuntrattur għandu l-obbligu li jġib is-sit fi stat stabbli kuljum qabel iħalli l-lant tax-xogħol. Waqt dan ix-xogħol kollu, hemm monitoraġġ kontinwu ta' l-arja biex wieħed ikun attent jekk tinħoloq xi kontaminazzjoni. Dawn ix-xogħlijiet mixjin b'ritmu tajjeb u dalwaqt inkunu nistgħu nikkonfermaw li dan l-inkonvenjent ikun intemm. Ta’ min ifakkar dejjem li n-nar intern fil-volum ta’ l-iskart għadu għaddej u skond it-tekniċi huwa biss bl-estrazzjoni tal-gassijiet li wieħed se jkun jista’ jnaqqas il-qawwa tan-nirien.

Salini — Kanali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar mix-xogħol li kien qed isir fuq il-kanali madwar il-Salini peress li f'postijiet jidher li għadhom mirdumin u qed jagħmlu l-intiena? Għaliex waqaf ix-xogħol ta' tħammil? Meta se jitkompla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li għalkemm dan il-kanal tnaddaf tajjeb ħafna s-sena l-oħra, ma setgħax isir dredging f'parti żgħira bil-għan li ma ssirx ħsara strutturali lit-triq eżistenti. L-Onor. Interpellant jaf li l-ilmijiet li jiġu mit-triq ta’ taħt it-telgħa t’Alla u Ommu iġorru ħama għal ġewwa l-istess kanal. Kawża t'hekk, ix-xitwa li għaddiet ġabet magħha dan l-effett u dik tispjega r-raġuni li parti mill-kanal reġa mtela bil-ħama. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet diġa' fasslet u bdiet tattwa soluzzjoni għal dan il-bottleneck. B'riżultat ta' dan ix-xogħol is-sukkursu ser jerġa jiffunzjona kif oriġinarjament kien ippjanat.

Mina fil-Manikata

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex jiġi studjat l-impatt tal-mina fil-Manikata fuq l-għejjun ta' l-ilma ġieri fl-inħawi, żvilupp li qed jinkwieta ħafna lill-bdiewa tal-Manikata u l-Pwales?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-Twegiba ghal din il-mistoqsija parlamentari tinghata f'seduta ohra.
Leg 10 PQ #19389 Sitting 392 2006-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MIA — Market Support

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19273, jista' il-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet dwar l-iskemi msemmija mill-Kummissjoni Ewropea? Hemm xi ħjiel meta l-Kummissjoni Ewropea se tagħti d-deċiżjoni tagħha? Xi problemi jonqos jingħelbu biex il-Kummissjoni Ewropea tkun sodisfatta b'dawn l-iskemi bħala li huma permessi mir-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #19390 Sitting 392 2006-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

MTA — Studenti Barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati ma' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu biex iżommu studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż f'Mejju 2003, Mejju 2004, Mejju 2005 u Mejju 2006?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li sa Mejju ta' din is-sena (5 xhur) l-Awtorita' tat-Turiżmu ħarġet 876 liċenzja ta' host family. Fis-snin 2003, 2004, u 2005 sa l-aħħar tas-sena (12 il-xahar) kienu ħarġu 1,258, 1,691 u 2,013 liċenzja rispettivament.
Leg 10 PQ #19391 Sitting 392 2006-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jgħid bħalissa kemm għandna lukandi 2-Star, 3-Star, 4-Star u 5-Star? Kemm hemm sodod f'kull kategorija u kemm hemm ħaddiema full-time u part-time f'kull kategorija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar in-numru ta’ lukandi u s-sodod f’kull klassi, hija ġej: Klassi Hotels u Aparthotels Numru Sodod 5 Star 4 Star 3 Star 2 Star 14 51 60 24 6,172 16,440 13,422 2,467 Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura ma jżommx statistika relatata ma mpjiegi fil-lukandi kif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Triq madwar il-bajja tax-Xemxija

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni meħtieġa fit-triq madwar il-bajja tax-Xemxija li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa il-periti tad-Direttorat qed iħejju l-istimi neċessarji għal dan ix-xogħol.

Tiswija ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid sa l-aħħar ta' din is-sena liema toroq arterjali u toroq oħra responsabbli tal-gvern ċentrali mistennija li jsir xogħol fuqhom f'San Pawl il-Baħar, fin-Naxxar u fil-Mellieħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġranet li għaddew ingħata tender għall-bini ta’ Triq San Ġwann l-Evanġelista fin-Naxxar filwaqt li xogħol tal-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar (ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea) huwa fil-bażi inizjali tiegħu. Fil-ġranet li ġejjin l-Awtorita' dwar it-Trasport mistennija tagħmel xogħlijiet ta' għoti ta' tarmac fit-triq biswit il-proġett tal-promenade tax-Xemxija, liema xogħlijiet saru mill-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura u l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar. Bħalissa hemm tlett tenders mgħotija f'dawn il-lokalitajiet :- Triq ir-Rattan - Mellieħa Culverts in Triq l-Għargħar - Mellieħa Triq San Mark - Naxxar Ix-xogħlijiet għadhom fi stadju bikrin. Fl-aħħar ġimgħat thejja program fuq it-toroq residenzjali f'Malta, li qatt ma nbnew. Tenders fuq dawn it-toroq jibdew jinħarġu skond il-program u prijoritajiet li ser ikun stabbilit mill-Awtorita' dwar it-Trasport.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja kemm saru toroq mill-gvern ċentrali? Fejn? B'liema fondi? Kemm swew? Min kien il-kuntrattur f'kull każ u kemm tħallas jew se jitħallas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

Awtorita' tad-Djar — Manutenzjoni f'saqaf ta' dar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19292, jista' jiġi verifikat b'mod professjonali jekk fil-fatt f'fond Nru 7, William H Prescott, San Ġiljan hemmx ħsarat strutturali fis-saqaf? F'każ li jirriżultaw dawn il-ħsarat, min ikun responsabbli mit-tiswija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn spezzjoni oħra li saret reċentement fill-fond indikat lill-Onor. Interpellant ġie konfermat li hemm ħsara strutturali fis-saqaf ta’ l-intrata u rriżulta li żviluppat konsentura fl-ispare bedroom kawża ta’ dħul ta’ ilma mill-ħitan ta’ wara. Kif għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19292 f’Seduta Numru 391 dwar l-istess suġġett, il-ħsarat strutturali ser jissewwew mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar.

Familji li jżommu studenti barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19271 u jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-avviżi legali ġodda dwar il-kondizzjonijiet fiskali dwar familji u persuni li jżommu magħhom studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż fostna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall mistoqsija parlamentari numru 19271.
Leg 10 PQ #19384 Sitting 391 2006-05-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Superintendance of Cultural Heritage

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19173 u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-operations review li għamel il-management efficiency unit dwar is-superintendance of cultural heritage?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport mitlub mill-Onor Interpellant li huwa l-bażi preliminari tar-ristrutturazzjoni ta’ l-operat tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Leg 10 PQ #19294 Sitting 390 2006-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Diving sites

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fid-diving sites ta' Malta tul is-sena 2004 u 2005 biex jitjiebu l-aċċessibilita' u l-kwalita' tal-faċilitajiet? Kemm intnefqu flus fuq dawn ix-xogħlijiet? Hemm xi xogħlijiet oħra ppjanati li jsiru fis-sena 2006? Liema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2004 u 2005, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu wettqet xogħol biex jitjieb l-aċċess ta’ dive site fiċ-Ċirkewwa. Dan kien jinvolvi xogħol biex jitranġa t-taraġ u biex sar poġġaman ta’ l-istainless steel. Għal din is-sena, l-Awtorita’ qed taħdem biex ittejjeb l-aċċess ta’ dive site ieħor fiċ-Ċirkewwa. Hemm ukoll pjan sabiex tittejjeb l-aċċessibilita’ u l-kwalita’ tal-faċilitajiet ta’ Wied iż-Żurrieq. Apparti minn dawn, l-Awtorita’ ssottomettiet proposta għall-Fondi Strutturali għall-xogħolijiet fuq dive sites oħra madwar Malta u Għawdex.
Leg 10 PQ #19296 Sitting 390 2006-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Diving

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inizjattivi se jittieħdu biex isir pjan strateġiku għas-segment tad-diving bħala parti minn pjan nazzjonali strateġiku għat-turiżmu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Pjan Strateġiku ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu huwa mfassal fuq il-prinċipju li jkopri l-aspetti kolha li twettaq l-MTA fil qasam ta' l-Industrija tat-Turiżmu. Is-segment tad-diving huwa wieħed minn dawn l-aspetti, u għalhekk ser ikun inkluż fil-Pjan. Dettalji fuq l-inizjattivi mitluba mill-Onor. interpellant joħorġu mall-publikazzjoni tal-Pjan.
Leg 10 PQ #19368 Sitting 390 2006-05-29 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Eurovision song festival

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-festival fejn intagħżlet il-kanzunetta Maltija għall-Eurovision 2006? Kemm nefaq il- kumitat li jmexxi dan il-festival fl-aħħar sena? Fuq xiex saru n-nefqiet ta' dan il-kumitat? Kemm swiet b'kollox il-parteċipazzjoni Maltija fil-Eurovision 2006? F'kemm pajjiżi saret promozzjoni favur il-kanzunetta Maltija li ħadet sehem fil-Eurovision 2006? Kemm swiet din il-promozzjoni? Min siefer biex jagħmel din il-promozzjoni u kemm intnefaq fuq is-safar? Kemm swew il-persuni barranin li akkumpanjaw lill-kantant Malti waqt il-kanzunetta tiegħu fil-Eurovision 2006? Kemm telgħu persuni jakkumpanjaw lill-kantant Malti għall-Eurovision 2006 f'Ateni? Kemm swiet l-akkomodazzjoni u l-ispiża tas-safar u nefqiet oħra f'Ateni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Kors tat-Teknoloġija Dentali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiftaħ il-kors tat-teknoloġija dentali għas-sena li ġejja? Se jkompli għaddej il-kors tat-teknoloġija dentali minkejja li l-aħħar wieħed li fetaħ beda b'10 u issa niżel għal tnejn? Jistgħu lill-istudenti li qed ikomplu jserħulhom rashom li l-kors se jibqa' għaddej? Għadu meqjus relevanti u utli kors tat-teknoloġija dentali għal dawn iż-żmenijiet u għal futur prevedibbli? Xi pjani għandha l-Universita' għall-iżvilupp ta' dan il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kors tat-teknoloġija dentali mhux ser jiftah is-sena li ġejja. Il-kors li beda s-sena l-oħra ser ikompli għaddej, avolja b'żewġ studenti. Informat ukoll li l-Kors tat-Teknolġija Dentali huwa meqjus relevanti u għal quddiem hemm pjanijiet biex id-diploma tiġi 'upgraded' għal livell ta' degree.

Telgħa tax-Xemxija — Sistema ta' parkeġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif ġiet introdotta s-sistema ta' parkeġġ fit-telgħa tax-Xemxija qabel ma tlesta x-xogħol kollu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi tali proġett ġie mmedi mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni u x-xogħlijiet ikkonċernati qed isiru minn tali dipartiment flimkien mall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.

Telgħa tax-Xemxija — Traffic lights u zebra crossing

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights u ż-zebra crossing biex persuni li jużaw din it-triq tat-telgħa tax-Xemxija jistgħu jaqsmu mingħajr periklu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-traffic lights u z-zebra crossing msemmija mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu huma parti mill-proġett ta' tisbieħ fit-telgħa tax-Xemxija u tali proġett qed isir mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni flimkien mall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Leg 10 PQ #19272 Sitting 389 2006-05-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Bejjiegħa tat-timeshare

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħroġ l-avviż legali dwar regolamenti ġodda għall-bejjiegħa tat-timeshare f'pajjiżna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 19112.