Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba — Reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jivverifika jekk fi Triq il-Gandoffli, Buġibba hemmx każi fejn qed jingħata parkeġġ riservat lill-persuna li tgħix fit-triq bejn Ġunju u Settembru, meta l-istess jedd huwa miċħud lil residenti li jgħixu fl-istess triq u fl-istess lokalita' is-sena kollha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima ghall-Immaniggjar tat-Traffiku irriżulta li hemm erba’ reserved parking għal persuni b’diżabilita’ fi Triq Gandoffli li ġew approvati bejn is-snin 1999 u l-2001, iżda d-dettalji ta’ dawn jinsabu għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Fis-sena 2004 ġew approvati żewġ reserved parking għal Persuni b’Diżabilita’ fi Triq Gandoffli u mir- records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li wieħed għandu l-karta ta’ l-identita fuq Triq Gandoffli u l-ieħor għandu d-dokumenti neċessarji maħruġa mill-Ingilterra u li huma applikabbli għal kull pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea. Tali dokumenti jissodisfaw il-kriterji li hemm bżonn sabiex l-applikanti jkunu eliġibbli għas-servizz tar- reserved parking is-sena kollha.

Gżira — Triq Reġjonali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19669 u jgħid: B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18043, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi u hemmx ippjanat xi xogħol biex tissolva l-problema ta' l-għargħar fl-inħawi msemmija fil-Gżira?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi skond informazzjoni li għandha l-Awtorita’, il-Ministeru għall-Infrastruttura u r-Riżorsi qed jagħmel studju sabiex tiġi ndirizzata din il-problema.

Junior Lyceum Sir Adrian Dingli

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19671 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ddeċidiet li tneħħi l-ispazji fil-bini tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli li kienu jintużaw b'mod tajjeb għal skopijiet edukattivi? Għaliex id-diviżjoni qed tinjora lit-tmexxija ta' l-iskola, il-kunsill ta' l-iskola u x-xewqa ta' l-istudenti u l-ġenituri f'deċiżjoni bħal din?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Marsa Power Station

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19542 u 19649 u jgħid xi pjani hemm biex sa l-1 ta' Jannar, 2008 l-emissjonijiet mill-power station tal-Marsa jinżel għal livelli stabiliti minn regolamenti ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-Korporazzjoni Enemalta għadha kemm ippublikat il-'Generation Plan' tagħha għas-snin 2006-2015. L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda f'dan il-pjan.

Enemalta — Serq ta' Dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kemm kien hemm persuni u stabilimenti f'Malta u f'Għawdex li l-Enemalta qabdet li kienu qed jisirqu d-dawl? Kemm hemm minn dawn li l-Enemalta se tieħu passi legali kontra tagħhom? Kemm hemm minnhom li saru interventi minn staff ta' ministeri biex ma jitteħdux passi kontra tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien nfurmat li matul is-sena 2006, 147 każi ġew irrapurtati qabel il-perjodu tar-regularizzazzjoni, waqt li 2417 ġew irrapurtati waqt ir-regularizzazzjoni. L-ebda każ misjub waqt ir-regularizzazzjoni ma hu ser jittressaq il-qorti. Il-każi l-oħra jittresqu biss jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-konsumatur. 95 minn dawn il-każi diġa sar ftehim dwarhom. Il-Korporazzjoni m'għanda l-ebda informazzjoni jekk kienx hemm xi każ ta' intervent minn staff ta' Ministeri.

Manikata — Tqegħid ta' katusi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu meqjus li se jitlesta x-xogħol ta' tqegħid ta' katusi ġodda fl-inħawi tal-Manikata u f'limiti tal-Mellieħa biex tiġġedded is-sistema tad-drenaġġ imqabbda mal-pompa ta' Għajn Żnuber?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi hu mistenni li jitlesta fi żmien sit ġimgħat oħra.

Telgħa tax-Xemxija

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn hu maħsub li se tgħaddi t-triq il-ġdida ppjanata biex ittaffi t-traffiku mit-telgħa tax-Xemxija u li s'issa kienet se ssir fil-Manikata u b'mina parti minnha?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Kif rappurtat fl-istampa, wara konsultazzjoni mar-residenti u bdiewa tal-Manikata il-periti ta' l-ADT faslu proposta alternattiva għalhekk imsejħa by pass tax-Xemxija. Il-proposta l-ġdida li taqsam il-wied tal-Pwales fil-limiti ta' l-Imbordin minn fuq triq eżistenti, tkompli taħt il-Miżieb permezz ta' mina u taqbad mat-telgħa ta' Selmun fil-bidu tal-hairpin bends. Din il-proposta għadha qed tkun studjata mill-MEPA.

San Ġiljan — Reserved parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-residenti ta' Triq l-Arċisqof Romero f'San Ġiljan mhux qed ikollhom il-parking riservat għalihom fit-triq ta' quddiemhom li tagħlaq u qed ikollhom jipparkjaw 'il bogħod mid-dar għax l-ispazju jieħdu ħaddieħor?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Skond il-Car Parking Policyli qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, reserved parking tingħata biss f’każijiet li jikkonformaw mall-kriterji stabbiliti f’tali Policy. Għaldaqstant, sabiex ir-residenti ta’ Triq L-Arċisqof Romero jkollhom reserved parking għall-użu esklussiv tagħhom, hemm bżonn li jkunu jikkonfermaw ma’ dawn il-kriterji.

Ta' Ġiorni — Garage

Question

Tista' il-Ministru tara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa tal-ħsarat strutturali fil-garage tal-gvern f'Ta' Ġiorni li hu mikri għand il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tiswija ta' bini tal-Gvern li mhux residenzjali ma jaqgħax taħt ir-responsabbilta' ta' xi dipartiment jew entita' fid-dekasteru tiegħi. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Każ dwar Għalliem

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li l-kummissjoni għas-servizz pubbliku tesiġi li l-kandidat għar-reklutaġġ bħala għalliem regolari tal-Franċiż li dettalji d waru qed jintbagħtu separatament, ikollu bilfors diġa' l-O level tal-Malti (meta r-riżultat joħroġ wara Ġunju) iżda mhux bilfors ikollu r-riżultat tal-PGCE meta jagħmel l-interview fl-aħħar ta' Ġunju (meta r-riżultat ukoll joħroġ wara Ġunju)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Ninsab infurmat li l-proċedura normali fis-seħiet kollha tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal ingaġġ fis-Servizz Pubbliku hu li jiġu kkunsidrati biss il-kwalifiki li applikant ikollu sad-data tal-għeluq tas-sejha għall-applikazzjonijiet. 2. Wara talba min-naħa tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Kummissjoni kienet qablet li, għal raġunijiet partikulari marbuta mar-reklutaġġ u l- assenjazzjoni tal-Għalliema fi skejjel partikolari fil-bidu ta’ kull sena skolastika, din il-kundizzjoni titwessa biex fil-każ tas-sejha għall-applikazzjonijiet għall-Ghalliema, jitqiesu eliġibbli wkoll dawk l-applikanti li jgħaddu u li jkunu, jew ikkwalifikati sa l-aħħar ta’ Lulju, temmew b’suċċess il-kors tal-BEduc (Hons) jew PGCE sa l-aħħar ta’ Lulju. Din l-eċċezzjoni ilha għal ħafna snin tiġi nkluża fis-sejħiet għall- applikazzjonijiet għall-postijiet ta’ Għalliema.

Kiosks

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kiosks li jarmaw fil-bajjiet tagħna humiex obbligati bil-liġi li jinġiebu fil-post fil-għodu u jitneħħew fil-għaxija għax ma jeżistux fixed kiosks?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid lil kemm persuni ntbagħtu avviżi li l-post fejn jgħixu tneħħietlu r-rekwiżizzjoni li kien hemm fuqu? Kemm kien hemm persuni li oġġezzjonaw? X'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali dwar dawn l-oġġezzjonijiet? Bit-tneħħija ta' rekwiżizzjoni kif se jintlaqtu l-inkwilini dwar dritt li jibqgħu jabitaw fil-post u dwar rati ta' kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab l-informazzjoni. Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li ma tinżammx statistika kif mitluba u li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jikkunsidra kull oġġezzjoni fuq il-mertu partikolari tagħha. Fir-rigward ta' l-aħħar parti tal-Mistoqsija l-inkwilin konċernat xorta jibqa' protett bil-liġi tal-kera minkejja li tkun tneħħiet ir-rekwiżizzjoni.

ADT — Line isfar

Question

Jista' il-Ministru jara li jinżebaħ mill-ġdid il-line isfar quddiem anzjana diżabbli li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li għandha bżonn ta' spazju riservat quddiemha u li spiss qed jittieħed minn karozzi li jipparkja ħaddieħor?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li ma hemm ebda approvazzjoni ta’ Reserved Parking Bay quddiem ir-residenza li għaliha qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari. Infurmat li quddiem ir-residenza hemm 1.5m KEEP CLEAR bay approvata u mplimentata mill-Awtorita’ dwar it-Trasport. It-tiġdid ta' road markings f’toroq tal-Kunsill Lokali jaqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Kunsill ikkonċernat.

Air Malta

Question

Jista' il-Ministru jispjega kif persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn pajjiżna minn bliet differenti, per eżempju Pariġi, qed isibuha diffiċli jsibu seat fuq l-Air Malta, anke meta jirriżulta li l-ajruplan itir lejn Malta b'ħafna seats vojta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Sussidju

Question

Tista' il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li jbati minn senile dementia u mhux ta' waħdu jingħata sussidju biex ikun jista' joqgħod Villa Messina fejn irid iħallas Lm18 kuljum imma ma jaffordjax għax għandu pensjoni ta' lm200 fix-xahar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament għandha applikazzjoni pendenti għar-Residenza ta' San Vinċenz li ġiet approvata fit-8 ta' Ġunju li għadda.

Salina — Sukkursu

Question

B'riferenza għal dak li wieġeb il-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 19425, jista' jgħid x'tip ta' soluzzjoni fasslet id-diviżjoni tax-xogħlijiet biex is-sukkursu fis-Salina jerġa' jibda jaħdem kif kien jaħdem oriġinarjament? Jista' iqiegħed pjanta tax-xogħol propost fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi biex isir dan ix-xogħol sejrin jiġu nstallati elementi ta’ precast concrete taħt il-livell tal-baħar. Dan maħsub li jerġa’ jistabilixxi ċ-ċirkolazzjoni bejn il-fergħa tas-Sukkursu ma’ dik tan-naħa tal-Qawra. Dawn il- precast elements jippermettu li ninzlu l-isfel mit-triq u mill-pedimenti tas-Salini mingħajr ma ssir ħsara lil dawn l-istrutturi. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ pjanti tax-xogħol kif inhu propost.

MCAST — Part-time lecturer

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar ta' applikazzjoni li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament mal-MCAST bħala part-time lecturer fil-qasam ta' 3D Design Product Industrial?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-MCAST ma ħareġ l-ebda sejħa għal applikazzjonijiet għal part-time lecturer fi 3D Design Product Industrial, iżda qed jipproċessa tliet applikazzjonijiet ta' pożizzjonijiet full-time fl-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn.

Bajjiet — Żbroff ta' Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba kellna żbroff ta' drenaġġ fix-xtut u l-bajjiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Pembroke, San Ġiljan, Sliema u l-Gżira mill-bidu ta' Jannar 2006 sal-lum? F'kull każ x'kienet ir-raġuni u x'passi ttieħdu bħala rimedju?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li mill-bidu ta' Jannar 2006 sal-lum kien hemm żbroff ta' drenaġġ f'dawn il-bajjiet: Għadira -1 Gżira - 2 Sliema (Fond Għadir) -1 Ir-raġunijiet u l-passi li ttieħdu kienu dawn: 1. Għadira - Sfronda l-main li nbnew fuqu l-boathouses fil-passat. Ittieħdet azzjoni mmedjata biex issir devjazzjoni ta' dan il-main, liema xogħol ġa tlesta. 2. Sliema (Fond Għadir) - Ħsara fil-pompa tad-drenaġġ li ssewwiet ftit ħin wara. 3. Gżira - L-iżbroff kien minħabba xita qawwija li għamlet u l-main ġie mnaddaf immedjatament.

Marsa Power Station

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19542 u jgħid xi pjani hemm biex sa l-1 ta' Jannar, 2008 l-emissjonijiet mill-power station tal-Marsa jinżel għal livelli stabiliti minn regolamenti ambjentali ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.