Tista' il-Ministru tgħid x'inhi s-sitwazzjoni għal dawk li jsibu jikru u jistgħu japplikaw għas-sussidju governattiv tal-kera iżda s-sid ma jkunx irid jikrilhom għax bis-sussidju u allura ismu jkun magħruf mal-gvern għall-iskop ta' taxxa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuna ma tistax tibbenefika minn sussidju fuq il-kera ta' fond mikri mill-privat jekk ma tipproduċix riċevuta tal-kera u/jew il-kuntratt tal-kera.
Tista' il-Ministru tgħid meta se tiġi kkonsidrata l-applikazzjoni ta' koppja anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li r-raġel hu marid serjament, li kellhom jitilqu mid-dar ikkundannata tagħhom fl-Isla u issa qed ikollhom jgħixu bi tbatija f'kera privata ta' Lm100 fix-xahar b'pensjoni ta' Lm250 fix-xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva, ninsab infurmata li din qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili.
Inżid ngħid li ninsab infurmata li f'Awissu 2003, il-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant kienet applikat taħt Skema 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar għal sussidju fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib fi djar privati mikrija lill-inkwilini. Din l-applikazzjoni kienet approvata u kienet determinata s-somma dovuta.
Jirriżulta lill-Awtorita' li dawn sabu diffikulta' biex isibu l-kuntratturi għax-xogħlijiet u f'Marzu 2004 infurmaw l-Awtorita' li kienu ddeċidew li se jmorru jgħixu f'post ieħor. Din il-koppja ma għamlet ebda kuntatt ieħor ma l-Awtorita'.
L-Onor. Interpellant jista' jagħti parir lil din il-koppja li tista' tapplika l-Awtorita' tad-Djar għas-sussidju tal-kera fuq ir-residenza li qed tgħix fiha preżentement.
Jistgħu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Għajn Żejtuna fil-Mellieħa ħdejn is-substation biex il-konkos li hemm jitneħħa ħalli l-ilma ma jibqax jinġabar u jinżel b'qawwa lejn ir-residenza 218, Triq Għajn Żejtuna b'theddida għal kull min jgħix fiha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li saret inspection fuq il-post li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant u ser jittieħdu miżuri mid-Direttorat biex dan il-konkos jitneħħa u l-kors ta’ l-ilma jiġi bħal ma kien qabel.
Tista' il-pulizija tieħu passi dwar l-inkonvenjenti kbar li l-garaxx ta' mechanic u sprayer fil-Gżira qed joħloq lill-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jistgħu l-passi jittieħdu skond l-avviż legali 1 ta' l-2006 li jirregola nuisances?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant qed ikun mistħarreġ.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kellna fil-gżejjer tagħna host families liċenzjati biex iżommu l-istudenti magħhom fis-sajf ta' l-2003, l-2004, l-2005 u l-2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' host families liċenzjati fil-gżejjer tagħna biex iżommu l-istudenti magħhom fis-snin 2003, 2004, 2005 u 2006 kienu kif ġej:
2003 1,258
2004 1,691
2005 2,013
2006 1,311 (sa llum)
Peress li l-liċenzja tkopri sena sħiħa, l-Awtorita' tat-Turiżmu m'għandiex informazzjoni ta' kemm hawn host families li ospitaw studenti fis-sajf biss.
Tista' il-Ministru tara li jiġi investigat l-istallar tal-lift fi Block B3 fil-Qasam ta' Pennellu, Mellieħa peress li mhux jaħdem tajjeb u jirriżulta minn spezzjoni teknika tiegħu, dettalji qed jintbagħtu separatament, li sar xogħol ħażin oriġinarjament meta twaħħal u issa qed jikkaġuna problemi għar-residenti minkejja li l-kuntrattur tħallas għax-xogħol tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-ewwel ilment dwar il-liftindikat mill-Onor. Interpellant fis-26 ta' Settembru 2006 minkejja li kien ilu jintuża mit-22 ta' Ġunju 2005.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' talbet lill-inġinier tagħha biex jispezzjona l-liftu jistħarreġ l-ilmenti tar-residenti. Dawn ta' l-aħħar jiġu nfurmati bir-riżultat hekk kif l-Awtorita' jkollha r-rapport ta' l-inġinier.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-portal il-ġdid biex jippromwovi u jbiegħ vaganzi fil-gżejjer tagħna, imwiegħed mill-gvern f'April li għadda u li suppost kellu jibda jaħdem mis-sajf li għadda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
F’April li għadda l-Gvern kien qal li l-portal, li joffri faċilitajiet ta’ booking għal Malta, kien ser jibda jopera sas-sajf. Dan konna se nagħmluh billi nużaw faċilitajiet li diġà jeżistu fis-suq u ninkorporawhom fis-sit elettroniku eżistenti ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA). Ingħatajna l-parir iżda li jkun aħjar jekk l-iskop tal-proġett jitwessa’ biex jinkludi fih riforma sħiħa tas-sit elettroniku ta’ l-MTA. Dan sabiex is-sit isir l-għodda ewlieni fl-e-Marketing Strategy ta’ l-MTA. Jien aċċettajt il-parir anke jekk dan ifisser li l-faċilitajiet ta’ on-line booking issa ser jidħlu fis-seħħ lejn il-bidu tas-sena d-dieħla u jibqgħu jiġu żviluppati fuq medda ta’ xhur.
L-
MTA
għażlet l-kumpanija li se tiżviluppa s-sit ġdid ta’ l-
MTA.
Bdew ukoll taħditiet mal-
Malta Hotels and Restaurants Association (M.H.R.A.)
u l-
Federation of Associations of Travel and Tourism Agents (FATTA)
bil-ħsieb li titwaqqaf entità waħda flimkien, biex tamministra l-
on-line booking facilities.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi żviluppata f'taraġ l-art żdingata mimlija ġrieden, wirdien u ħaxix ħażin li tinsab ħdejn ir-residenza 43 Triq Brydone, San Ġiljan? Għaliex qed titħalla żdingata u mimlija ħmieġ meta r-residenti ta' 43 Triq Brydone, San Ġiljan ilhom li ħallsu l-flus dovuti biex isir taraġ jew forma ta' triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Peress li r-residenti ta' Triq Spinola, San Ġiljan suppost igawdu mis-sistema ta' ipparkjar residenzjali f'Paceville, għaliex ir-residenti xorta mhux qed isibu fejn jipparkjaw u persuni mhux residenti qed jokkupawlhom l-ispazji tagħhom ta' l-ipparkjar fit-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li nofs il-parkeġġ eżistenti fi Triq Spinola huwa bl-iskema tar-residents parking. Nikkjarifika li tali skema ma teskludix persuni li mhux residenti milli jipparkjaw iżda tillimithom li jipparkjaw biss għal mija u ħamsin minuta fil-ġranet u l-ħinijiet imniżżla fuq it-tabelli li hemm imwaħħlin fil-post. Tali skema ġiet implimentata bi ftehim mall-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan.
Jista' il-Ministru jgħid matul is-sena 2005 kemm ħallset il-PBS lill-kumpanniji privati għall-programmi li pproduċewlha?
Kemm-il kumpannija għamlet xogħol farmed out lill-PBS u f'kull każ kemm tħallset kull kumpannija mill-PBS tul is-sena 2005?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2005 il-PBS ħallset l-ammont ta' Lm492,806 lil 13 il-Kumpanija privata għall-produzzjonijiet tal-programmi.
Il-PBS ma tarax li għandha tati l-informazzjoni dwar kemm ħallset lil kull Kumpanija minħabba li tqis li din l-informazzjoni hija ta' natura kummerċjali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ma jiltaqa' l-istatementing moderating panel? Kemm għandu każi pendenti quddiemu? Meta se jikkunsidrahom? Jista' jgħid meta ta facilitators l-aħħar lit-tfal li għandhom bżonnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
F'nofs settembru ta' l-2006 sar Meeting tal-Bord Moderatur għall-iStatementing biex jevalwa r-rapporti (mediċi u psikoloġiċi) tat-tfal li kienu deħlin Kinder f'din is-sena skolastika.
In-numru ta' kazijiet pendenti quddiem il-Bord Moderatur għall-iStatementing u li għandhom iċ-ċertifikati mediċi u psikoloġiċi neċessarji hu ta' 397. Dawn huma ta' tfal studenti Maltin u Għawdxin u ġejjin mill-iskejjel kemm ta' l-Istat u kemm tal-Knisja.
Dawn il-kazijiet qed jiġu evalwati u ser ikomplu jiġu deċizi fil-ġejjieni qarib.
Id-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni għadha kif allokat numru ta' facilitators issa fil-bidu ta' Ottubru 2006.
Peress li xhur ilu tlabt li jiġi miżbugħ mill-ġdid il-line isfar quddiem ir-residenza ta' anzjana diżabbli li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u ġejt riferut lill-kunsill lokali u dan baqa' ma ħax passi, jista' jinżebagħ mill-ġdid il-line imsemmi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda talba għal sinjal isfar u l-anqas m'hemm ebda approvazzjoni għal tali sinjal li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.
Peress li xhur ilu ġejt imwiegħed f'risposta għall-mistoqsija parlamentari li se ssir spezzjoni ta' garaxx tal-gvern li għandu mikri għandu persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba periklu ta' saqaf bil-ħsara, tista' il-Ministru tgħid meta se ssir l-ispezzjoni meħtieġa peress li baqgħet ma saritx?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant trid issir mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fit-Taqsima tax-Xogħlijiet fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, peress li l-fond mhux wieħed residenzjali.
Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla l-ħajt u l-crash barrier li hemm fi Triq l-Etna, Mellieħa ħdejn Villa Sunset Beach, peress li l-fetħa fil-ħajt u l-crash barrier tagħti l-impressjoni li hemm public path fil-proprjeta' privata tar-residenti ta' Villa Sunset Beach b'detriment għalihom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma saritx il-konsultazzjoni pubblika bejn is-sena 2001 u s-sena 2006 dwar il-pjan lokali tal-majjistral, kif dovuta skond il-liġi, meta l-pjan lokali mressaq f'Lulju 2006 biddel il-proposta oriġinali ta' l-abbozz tas-sena 2001 u minn żona ta' transizzjoni bejn Tas-Sellum u Santa Marija Estate biddilha għal żona fejn jista' jinbena blokk ta' bini b'detriment għar-residenti ta' Santa Marija Estate?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-konsultazzjonijiet fuq il-Pjan tal-Majjistral ta' Malta saru skond il-provedimenti ta’ l-Artiklu 27 ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp.
Jista' il-Ministru jgħid meta uffiċjali ta' l-awtorita' tas-saħħa u ħarsien se jżuru l-istabiliment tal-mechanic/sprayer fi Triq Manoel de Vilhena, Gżira biex jaraw jekk hux attrezzat kif suppost biex ma jkomplix jifga u jagħmel ħsara lis-saħħa tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li l-uffiċjali ta' l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol jagħmlu spezzjoni fil-post imsemmi mill-aktar fis.
Tista' il-Ministru tara li jiġi investigat jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hix tieħu l-pensjoni u s-servizzi soċjali kollha li hi intitolata għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li jiġi investigat jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament hijiex tieħu l-pensjoni u s-servizzi soċjali kollha li hi intitolata għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.