Jirriżulta li regolamenti internazzjonali fl-avjazzjoni jobbligaw li għal raġunijiet ta' sigurta' runway għall-ajruplani fixed wing anke żgħar jirrikjedu tul ta' mill-inqas 1,200 metru? Jekk hu hekk, il-gvern beħsiebu jestendi r-runway għat-tul ta' 1,200 metru fejn hemm il-heliport f'Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li m'hemm l-ebda regolamenti internazzjonali fl-avjazzjoni li jitlobu li runway li tintuża minn ajruplan fixed-wing trid tkun ta' mill-anqas 1200 metru.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21472 u jgħid jekk fil-mod kif qed jiġi wżat l-ispazju fix-xatt ta' San Ġiljan, Spinola hux qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li jibqa' post biżżejjed fejn is-sajjieda liċenzjati jkollhom fejn itellgħu u jżommu d-dgħajjes tagħhom fuq l-art?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jifhem li l-ispazju fuq l-iskall u ż-żona ta' madwar mhuwiex kbir biżżejjed biex jakkomoda l-bċejjeċ tal-baħar kollha biex dawn ikunu ipparkjati għax-xitwa kollha u għalhekk jekk isir dan u jkun hemm bżonn li bastiment tas-sajd jinġibed għall-manutenzjoni ta' kull sena, il-winch attendant imqabbad fuq dan l-iskall normalment jorganizza s-sitwazzjoni biex jinqeda kulħadd.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21041, 21249 u 21525 u jgħid kemm qed toħroġ flus fi produzzjonijiet farmed out il-kumpannija PBS? X'persentaġġ huma dawn il-flus tan-nefqa tal-PBS fuq produzzjoni tal-programmi tagħha għall-iskeda kurrenti tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21473 u 21477 issa li għandu annessa s-site plan mitluba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 21473, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bini ta’ ħajt tal-madwar primarjament jaqa' taħt il-provedimenti ta' l-Avviż Legali 126 ta' 2001 dwar in-Notifikazzjoniiet Dwar Żvilupp. Dan it-tip ta’ żvilupp jista’ jkun permess mingħajr ħtieġa ta' notifikazzjoni però irid jissodisfa diversi kriterji elenkati fi Klassi 2 ta' din l-Ordni. Għaldaqstant huwa rakkomandat li wieħed għandu jikkonsulta mal-perit tiegħu fuq dan it-tip ta’ xogħol.
Jidher li fuq is-sit in kwestjoni kienu inħarġu żewġ
Enforcement Notices
, ECF 332/98 u ECF 111/94. Dan ta’ l-aħħar kien jirrigwarda
boundary wall
li nbena mingħajr permessi. Saret applikazzjoni biex ikun sanzjonat l-iżvilupp li ġiet miċħuda, il-ħajt tneħħa mis-sidien stess u l-każ ingħalaq. ECF 332/98 kienet inħarġet ukoll fuq
boundary wall
mingħajr permess. Din kienet ġiet appellata -PAB 426/98E- u l-bord ta’ l-appelli ordna li l-każ għandu jiġi rtirat min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21037 u 21247 u jgħid meta se tiġi żviluppata f'taraġ l-art żdingata mimlija ġrieden, wirdien u ħaxix ħażin li tinsab ħdejn ir-residenza 43 Triq Brydone, San Ġiljan? Għaliex qed titħalla żdingata u mimlija ħmieġ meta r-residenti ta' 43 Triq Brydone, San Ġiljan ilhom li ħallsu l-flus dovuti biex isir taraġ jew forma ta' triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi wara site inspection illi saret fuq il-post, it-triq imsemmija mhux iffurmata. Huwa obbligu ta’ min ikun qed jibni li jifforma t-triq. Meta din it-triq tiġi ffurmata l-ADT tkun tista’ tibni din it-triq.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21041 u 21249 u jgħid kemm qed toħroġ flus fi produzzjonijiet farmed out il-kumpannija PBS? X'persentaġġ huma dawn il-flus tan-nefqa tal-PBS fuq produzzjoni tal-programmi tagħha għall-iskeda kurrenti tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21252 u jgħid x'kienu r-raġunijiet partikolari skond Regolamenti 2.2(a) iii u (b) klawsola tal-maturita' li għalihom ma ntlaqgħetx l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex din is-sena akkademika jibda l-kors tal-mediċina fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikant ma ġiex meqjus li għandu l-isfond akkademiku neċessarju biex isegwi l-kors ta' studji kkonċernat bi profitt, kif meħtieġ mir-Regolament 5.2 (d) li jirregola d-dħul ta' l-applikanti li jitolbu li jidħlutaħt ir-Regolament 2.2(a) iii.
Jista' il-Ministru issa jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21147 u 21355 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21032 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' peress li xhur ilu ġejt imwiegħed f'risposta għall-mistoqsija parlamentari li se ssir spezzjoni ta' garaxx tal-gvern li għandu mikri għandu persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba periklu ta' saqaf bil-ħsara, jista' il-Ministru jgħid meta se ssir l-ispezzjoni meħtieġa peress li baqgħet ma saritx?
Jsita' il-Ministru jgħid jekk fil-mod kif qed jiġi wżat l-ispazju fix-xatt ta' San Ġiljan, Spinola hux qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li jibqa' post biżżejjed fejn is-sajjieda liċenzjati jkollhom fejn itellgħu u jżommu d-dgħajjes tagħhom fuq l-art?
Jista' il-Ministru jgħid jekk familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex bżonn xi permessi mill-MEPA biex iddawwar b'ħajt art li tappartjeni lilha jew tista' ittella' dan il-ħajt biex ma tħallix terzi persuni jidħlu abbużivament f'din l-art?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika, permezz ta’ site plan, il-post eżatt li qed jirreferi għalih.
Jista' il-Ministru jgħid b'liema kondizzjonijiet se joħorġu l-permessi relattivi biex stabiliment kummerċjali jibda jopera f'fond f'San Ġiljan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li hu mdawwar b'residenti anzjani li fl-imgħoddi ġew disturbati meta l-istess post tħalla jopera bħala ħanut tax-xorb b'mużika tgħajjat il-lejl kollu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa llum dan l-indirizz ma jidhirx fuq il-Licence Management System (LMS). Jekk kien stabbiliment tal-Catering dan huwa liċenzjat mill-Awtorita' tat-Turiżmu. Jekk dan l-istabbiliment ser tinbidillu l-attivita kummerċjali minn dik tal-catering għal dik ta' Retail ikollu bżonn jew il-permess tal-MEPA jew dikjarazzjoni tal-perit li dan l-istabbiliment jaqa' taħt l-istess class use. F'dak il-każ ikun irid japplika fit-Trade Licensing Unit fid-Diviżjoni tal-Kummerċ. S'issa din l-applikazzjoni għadha ma ġietx reġistrata.
Jien infurmat ukoll li jekk l-użu preċedenti ser jinżamm, l-Awtorita' kompetenti hija l-MTA.
Rigward disturbi minn dak l-istabbiliment mhix kompetenza tat-TLU li tieħu passi, iżda tal-Pulizija.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jinħareġ is-sussidju dovut fuq id-diesel lis-sajjied li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien nfurmat li fid-databases tal-Fergħa tas-Sajd u l-Akwakultura m'hemm l-ebda traċċa la tan-numru, la tal-isem tal-bastiment u l-anqas tas-sid tal-bastiment li dwaru ntalbet l-informazzjoni. Dan ifisser li dan il-bastiment mhux irreġistrat ma' din il-Fergħa u għalhekk m'għandu l-ebda dritt ta' karburant mingħajr dazju.
Jista' il-Ministru jgħid meta l-MEPA beħsiebha tieħu passi u tesegwixxi enforcement notice li nħarġet xi għaxar snin ilu biex titneħħa rampa li nbniet illegalment f'Awissu 1994 li tagħti minn Triq l-Etna, Mellieħa għal fuq art li tappartjeni lill-familja li isimha qed jintbagħat separatament, li tabita fl-istess triq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 21473.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21147 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21032 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' peress li xhur ilu ġejt imwiegħed f'risposta għall-mistoqsija parlamentari li se ssir spezzjoni ta' garaxx tal-gvern li għandu mikri għandu persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba periklu ta' saqaf bil-ħsara, jista' il-Ministru jgħid meta se ssir l-ispezzjoni meħtieġa peress li baqgħet ma saritx?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-każ qed jiġi kkunsidrat minn diversi aspetti, fosthom dawk legali u kuntrattwali u għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ser tingħata f'xi seduta oħra hekk kif l-informazzjoni kollha relatata mal-każ tkun ġiet preżentata.
Jista' il-Ministru jgħid liema kwalifiki jonqsu jikseb ma' dak li diġa' għandu biex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ikun jista' jibda l-kors tal-Mediċina fl-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikant jonqsu ċ-ċertifikat tal-Matrikola li juri li għadda f'livell Avvanzat bi grad B fil-kimika u l-bijolġija u f'livell Intermedju bi grad B f'suġġett ieħor mill-lista li tidher fir-Regolamenti. Jonqsu ukoll ċertifikati li għadda bi grad 5 jew aħjar fil-livell SEC fil-Malti, Ingliż u Matematika.
Jista' il-ġuvni li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiżviluppa l-life skills li se jkollu bżonn fis-snin li ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudent imsemmi li qiegħed fil-ħames sena, qed jieħu t-tagħlim kurrikulari li jinkludi fih lezzjonijiet tal-PSD. L-istudent għandu wkoll is-servizz ta' facilitator (shared). Il-facilitator qed tkompli tgħinu jizviluppa l-life skills li għandu bzonn. Ser ninteressa ruħi personalment biex nara x'għajnuna oħra jista' jingħata dan iż-żgħażugħ.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi hemm bżonn jittieħdu biex l-istudenti li temmew il-kors "Early Years Education" tad-Diploma Nazzjonali MCAST għas-snin 2003-2005, ikollhom il-kors rikonoxxut biex ikunu eliġibbli li jgħallmu fil-Kindergarten ta' l-istat? Meta se jittieħdu dawn il-passi? X'wassal biex dan il-kors ma jkunx rikonoxxut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-4 ta' Lulju 2006 saret laqgħa għal dawk l-istudenti kollha li temmew il-kors Early Years Education tal-BTEC Diploma Nazzjonali għas-sena 2003-2005. Waqt din il-laqgħa l-istudenti ngħataw tagħrif dwar l-arranġamenti li se jsiru biex ikollhom il-kors rikonoxxut ħalli jkunu eliġibbli li jgħallmu fil-Kindergarten ta' l-Istat.
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni talbet li l-istudenti jiksbu esperjenza speċifika addizzjonali. Il-Kulleġġ qabel ma' din t-talba.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi jittieħdu biex jiġi żgurat li stabilimenti i li joħorġu siġġijiet u mwejjed fuq il-bankina jħallu l-ispazju meħtieġ biex persuni jgħaddu minn fuq il-bankina bla ma jkollhom jinżlu fit-triq u jkunu jistgħu jidħlu fi djarhom meta jgħixu ħdejn dawn l-istabilimenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta toħroġ permess lil ħwienet liċenzati minnha sabiex ikunu jistgħu jżommu siġġijiet u mwejjed fuq il-bankina wara li l-MEPA u d-Dipartiment ta’ l-Artijiet ikunu approvaw dan l-iżvilupp waqt li jimponu kundizzjonijiet li l-applikant għandu josserva, fosthom il-kejl preċiż ta’ fejn u kemm art għandu jokkupa.
Hu obbligu tal-Pulizija li jassiguraw li bankini u passaġġi pubbliċi ma jiġux ingumbrati bl-ebda mod, inkluż bit-tqegħid ta’ għamara. Fejn l-ispetturi ta’ l-Awtorità jinnotaw dan il-ksur tal-liġi, huma jgħaddu l-informazzjoni lill-Pulizija sabiex jittieħdu l-passi neċessarji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-istabbilimenti fix-xatt tal-Gżira/Tas-Sliema li isimhom qed jintbagħat separatament, għandhomx il-permessi kollha meħtieġa biex joperaw disco bejn l-10.00 p.m. u s-6.00 a.m. peress li ġirien tagħhom qed jilmentaw miegħi li mużika ħierġa minnhom fil-ħinijiet imsemmija qed jiddisturbawhom? Jista' jgħid sarux ilmenti dwar dan lill-pulizija u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni nispjega, il-liċenzji tan-negozju msemmi, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, dwar l-ewwel parti, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi, matul din is-sena kien hemm żewġ okkażżjonijiet fejn il-Pulizija, fuq ilmenti li rċeviet, ħadet passi quddiem il-Qorti fil-konfront tal-persuni responsabbli minn wieħed mill-istabilimenti msemmija mill-Onor. Interpellant. Każ minnhom ġie deċiż, fejn ingħatat multa ta' Lm20, filwaqt li l-każ l-ieħor għadu pendenti quddiem il-Qorti.