Jista' il-Ministru jgħid meta se jitneħħew iz-zkuk tas-siġar ta' l-akaċja li s-sena l-oħra tqaċċtu mill-inħawi madwar l-iskola primarja ta' San Ġiljan peress li qed ikerrħu l-post u jagħtu dehra ta' telqa u żdingar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' jiġi mmaniġġat aħjar it-traffiku li jgħaddi minn taħt l-iskola primarja ta' San Ġiljan peress li l-ġenituri esprimew it-tħassib tagħhom li m'hemm xejn x'jgħin lit-tfal u lill-ġenituri biex jaqsmu t-triq ħalli jmorru l-iskola u xejn x'jikkalma t-traffiku u spiss karozzi jgħaddu b'ħeffa kbira waqt li t-tfal ikunu qed jaqsmu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jagħti l-isem tat-triq li għaliha qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu sabiex l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta tkun tista’ tevalwa din il-problema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid b'liema kriterji d-dipartiment ta' l-artijiet dan l-aħħar ikkwadrupla l-ħlasijiet li jkollhom jagħmlu sidien ta' ristoranti li joħorġu l-imwejjed barra? B'liema avviż legali ġiet awtorizzata din il-qabża qawwija fil-ħlasijiet? Saret kordinazzjoni mal-Ministeru tat-Turiżmu meta ġew iffissati dawn il-ħlasijiet? Saret evalwazzjoni ta' l-impatt fuq ir-ristoranti ta' dawn il-ħlasijiet?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'hu minnu xejn li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern b'xi mod għolliet il-ħlasijiet li jsiru sabiex sidien ta' ristoranti joħorġu l-imwejjed u siġġijiet barra. Il-ħlas li jintalab mit-Taqsima huwa kkalkulat fuq Lm10.00 għal kull metru kwadru ta' art li fuqu jingħata permess. Din ir-rata ilha hekk għal aktar minn għaxar snin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba tul l-aħħar tliet xhur waqfu jew intfew il-pompi tal-Pwales u kien hemm żbroff ta' drenaġġ fil-bajja tax-Xemxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li fl-aħħar tlett xhur il-pompi tad-drenaġġ tal-Pwales la waqfu u anqas intfew.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21122 u jgħid x'passi ħa wara l-e-mail li rċieva mill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bid-data tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar kif tkeċċiet mill-impjieg tagħha u n-nuqqas ta' strutturi pubbliċi li jiddefendu d-drittijiet tagħha li ġew imċaħħda lilha mill-mod abbużiv ta' kif tkeċċiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li semma’ l-Onorevoli Interpellant għamlet ilment lid-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali rigwar l-employer li kienet taħdem miegħu fis-settur privat dwar xi ħlasijiet dovut lilha minn dan l-employer.
Mill-informazzjoni li għandi jirriżulta li kif inhi prassi, d-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali għamel kuntatt maż-żewġ partijiet biex jinvestiga l-każ u sabiex tinsab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat. Dan sar sabiex ma jkunx hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri fil-Qorti. Dan it-tentattiv iżda falla u għalhekk kellhom jittieħdu passi legali fil-Qorti kontra l-
employer
li kienet taħdem miegħu l-persuna konċernata. Ninsab infurmat illi l-proċeduri fil-Qorti fil-fatt diġa nbdew.
Għar-rigward it-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant dwar in-nuqqas ta’ mekkaniżmu li jittratta tkeċċijiet inġusti, nixtieq niġbidlu l-attenzjoni illi dan il-mekkaniżmu fil-fatt diġa jeżisti. Artiklu 75 ta’ l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrjali jipprovdi illi persuna li tkun ħasset li tkun ġiet imkeċċija mill-impjieg tagħha b’mod inġust, tista’ tibgħat il-każ tagħha biex jiġi investigat mit-Tribunal Industrijali, liema Tribunal huwa entita’ ġuridika awtonoma.
Ninsab infurmat ukoll illi hija l-prassi tad-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali li jinforma lill-persuna li tkun ilmentat dwar tkeċċija inġusta bid-dritt tagħha li tirreferi l-każ lit-Tribunal Industrijali biex jiġi nvestigat. Dan il-parir fil-fatt ingħata lill-persuna li semma l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametnari 21858 u jgħid x'fondi pubbliċi ntużaw mill-Ministeru għall-iżvilupp tal-kultura nazzjonali tagħna matul is-sena 2005? Lil min ingħataw dawn il-fondi u għal liema inizjattivi ngħataw?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21041, 21249, 21525, 21746 u 21855 u jgħid kemm qed toħroġ flus fi produzzjonijiet farmed out il-kumpannija PBS? X'persentaġġ huma dawn il-flus tan-nefqa tal-PBS fuq produzzjoni tal-programmi tagħha għall-iskeda kurrenti tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari nri. 21040 u 21042.
Verdala International School — Warrant lill-għalliema
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21827 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet għala persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma ngħatatx warrant biex tgħallem fil-Verdala International School lit-tfal bid-dyslexia u l-Ingliż bħala ESL, xogħol li ilha tagħmlu mis-sena 2000 u li għalih tħarġet f'korsijiet internazzjonali bħal dak tat-THRASS?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mir-rekords tad-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni ma jirrizultax li l-persuna konċernata applikat għal warrant ta' għalliema. Lanqas ma jirrizulta li l-Verdala International School innotifikat lid-Divizjoni dwar l-ingaġġ ta' din il-persuna f'din l-iskola bħala għalliema jew li din il-persuna xi darba dehret bħala għalliema f'xi Staff List ipprezentata minn din l-iskola. Napprezza li l-Onor. Membru jikseb aktar dettalji dwar il-bżonnijiet tal-persuna konċernata u javviċinani biex inkun nista' nindaga aħjar.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21853, u jgħid kemm kumpanniji tal-vapuri għażlu l-port tagħna bħala l-home port tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Port tal-Belt Valletta kien il-home port għal SS Libra ta' Star Cruises fl-2006. Fil-passat kellna ukoll lil My Travel u Louis Cruises li użaw il-port tagħna bħala l-home port f'perjodi differenti.
Fl-2007 se jkollna turnaround operations minn linji ta' cruises differenti filwaqt qed isiru negozjati għal homeporting operations fl-2008.
Nixtieq nippreċiża illi Star Cruises telqu minn Malta minħabba li qegħdin ibiddlu l-istrateġija tal-grupp u kellhom bżonn il-bastiment SS Libra sabiex jidħlu fis-settur ta' gambling cruises fis-swieq Asjatiċi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21856 u jgħid matul is-sena 2006 kemm hu stmat li ngħataw flus operaturi ta' l-ivvjaġġar biex iġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Kemm kienu obbligati jġibu turisti biex jingħataw din l-għajnuna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jekk iżda l-Onor interpellant b'mod kunfidenzjali għandu bżonn xi informazzjoni partikolari inkun dispost ngħaddijielu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21785, jista' il-Ministru jgħid x'applikazzjonijiet pendenti hemm quddiem il-MEPA biex jiġu mgħarrqa biċċiet tal-baħar bħala attrazzjoni għall-għaddasa? F'liema stadju tal-proċess waslu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha tliet applikazzjonijiet quddiemha:
PA 6279/06 - Scuttling of vessel (patrol boat P29) off Cirkewwa. Din l-applikazzjoni giet ivvalidata fit-13 ta’ Novembru 2006.
PA 6280/06 - Scuttling of vessel (patrol boat P31) East Comino. L-applikazzjoni għadha invalida.
PA 2966/06 - Two enclosures [cages] supporting a small population of fish as a tourist diving attraction. Id-Direttorat f'dan il-kaz lesta r-rakkomandazzjoni tiegħu.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21773 u jgħid f'liema klassijiet se jintbagħtu studenti tal-B.Educ fl-iskola primarja tal-Mellieħa? X'se jsir dwar l-ilmenti li qed iqajmu l-ġenituri li t-teaching practice iħarbat l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom u jitfagħhom lura? Jistgħu jittieħdu passi biex it-teaching practice isir bla tħarbit għat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena intbagħtu zewġ studenti tal-B.Ed. tar-raba' sena fl-iskola Primarja Marija Bambina tal-Mellieħa biex jagħmlu t-teaching practice tagħhom. Studenta minnhom taħdem ma' klassi tat-tielet sena għax speċjalizzata fl-Early Years u l-oħra tqiegħdet ma' klassi tar-raba' sena billi speċjalizzat fil-Juniors.
Dawn l-għalliema studenti zaru l-iskola diversi drabi biex jiddiskutu ma' l-għalliem/a tal-klassi dwar il-materja li jkunu ser jgħallmu matul it-teaching practice. Għamlu ħin fil-klassi josservaw biex jidraw lit-tfal u t-tfal jidraw lilhom u biex kemm jista' jkun juzaw il-metodu tat-tagħlim ta' l-għalliem/a tal-klassi. L-għalliema tal-klassi ser jibqgħu fil-klassi kuljum wara l-break għal madwar nofs siegħa u jieħdu l-klassi nofs ta' nhar kull ġimgħa ħalli jkunu jaraw jekk il-materja magħzula saritx u jekk is-sillabu hux qed jiġi segwit. It-teaching practice issir taħt is-supervizjoni wkoll tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni.
Il-Kap u l-Assistenti Kapijiet se jkunu jissorveljaw l-għalliema studenti. L-Onor. Membru japprezza l-importanza tat-teaching practice u l-iskejjel dejjem jaraw li l-edukazzjoni tat-tfal tiġi mħarsa u t-tfal jibbenefikaw minn esperjenza importanti ta' għalliema studenti zgħazagħ u mimlija entuzjazmu.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21770, jista' il-Ministru jgħid min għamel il-preżentazzjoni msemmija u x'tip ta' ajruplan fixed wing ġie propost u kemm jista' iġorr persuni?
Xi bżonn inħass għall-preżentazzjoni bħal din meta s-servizz tal-helicopter kien għadu jaħdem bejn Malta u Għawdex? Mela kien previst diġa' li dan is-servizz ta' helicopter se jieqaf?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-preżentazzjoni saret minn kumpanija Ingliża fuq talba tagħha stess. Din ipproponiet l-użu ta' ajruplan b'żewġ magni li jġorr massimu ta' tmien passiġieri. Tajjeb wieħed igħid li fil-każ ta' servizz b'ajruplan, jekk l-airstrip tkun tippermetti, m'hemmx limitu ta' kemm ikunu l-operaturi li jipprovdu s-servizz.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji ta' għażla jużaw skejjel tas-6th formtal-Knisja biex idaħħlu l-istudenti tagħhom? Huma pubbliċi dawn il-kriterji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-6th Form ta' l-iskejjel tal-Knisja huma awtonomi fl-għazla ta' kriterji biex idaħħlu l-istudenti tagħhom. Informat ukoll li l-informazzjoni tingħata fil-prospett ta' l-iskejjel konċernati.
Jista' il-Ministru jgħid x'mekkaniżmi jeżistu li jiżguraw li l-proċeduri u metodi ta' għażla ta' studenti għas-6th form tal-Knisja jitħaddmu b'mod fier u ma jkunx hemm diskriminazzjoni u favoriżmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel 6th Form tal-Knisja jippublikaw il-kriterji ta' l-għazla fil-prospett ta' l-iskola, jippublikaw ir-rizultat ta' l-għazla fin-notice board, jispjegaw lill-applikanti individwali dwar il-mod kif tkun saret l-għazla jekk ikun hemm talba għal dan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm 6th forms ta' skejjel tal-Knisja finanzjati b'fondi pubbliċi? Kemm ħadu fondi f'dawn is-snin 2000-2006 sena b'sena? Kemm kellhom studenti u għalliema f'dawn is-snin?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lukandi f'Għawdex? Kemm hemm sodod fihom? Kemm hemm ristoranti f'Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li f'Għawdex u Kemmuna hemm 11-il lukanda b'total ta' 1147 sodda, 6 guesthouses b'total ta' 162 sodda u 2 hostels b'total ta' 30 sodda.
F'Għawdex hemm ukoll 129 ristoranti u snack bars.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex tiġi żviluppata l-metodoloġija tat-tourism satellite accounting (TSA) li kellu jsir mill-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi wara li kienet saret feasibility study (permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropeja) fl-2004 fejn ġew identifikati l-prioritajiet u l-apsetti li kien fadlilhom jiġu żvillupati sabiex Malta tibda tipproduċi Tourism Satellite Account, inbdew diskussjonijiet bejn l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Istatistika sabiex jitfassal pjan ta' azzjoni f'dan ir-rigward. Intalbet ukoll l-għajnuna teknika ta' l-Organizzazzjoni Mondjali tat-Turiżmu (UNTWO) li esprimiet ruħha li lesta tagħti t-taħriġ neċessarju lit-team mill-MTA/NSO f'dan il-qasam.
Fix-xhur li ġejjin jitlesta l-eserċizzju ta' assessment ta' sorsi ta' data li se jintużaw għal dan il-għan sabiex Malta tkun tista' tippreżenta l-ewwel Tourism Satellite Account tagħha.