Legislature:
Category:
Reset
Active:

Salini — Substation

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21857, jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li tkun lesta s-substation il-ġdida biex ittejjeb il-provvista tad-dawl għar-residenti fl-inħawi tas-Salina?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-substation imsemmija tinsab fi stadju ta' kostrużżjoni u mistennija tkun lesta fi żmien erba' xhur. Dan pero' jiddependi mill-iżviluppatur li huwa responsabbli mill-bini ta' din is-substation.

Mellieħa — Skola primarja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21774, jista' il-Ministru jgħid fejn wasal ix-xogħol biex it-tmint itfal fl-iskola primarja tal-Mellieħa jingħataw l-għajnuna meħtieġa?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kazijiet imsemmija huma soġġetti għall-proċess ta' evalwazzjoni u statementing. L-għajnuna tingħata skond u meta jiġi finalizzat dan il-proċess li jrid jittratta kazi oħra minn skejjel oħra.

San Ġiljan — Traffiku

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 22157, it-triq hija dik ta' taħt l-iskola primarja ta' San Ġiljan li tieħu mill-bajja ta' Spinola lejn il-mina ta' Triq Reġjonali.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jikkjarifika jekk it-triq li għaliha qed jirreferi fil-mistoqsija parlamentari tiegħu hix Triq M A Borg jew Triq il-Baltiku sabie l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta tkun tista' tevalwa din il-problema.

San Ġiljan — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22156 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jgħid meta se jitneħħew iz-zkuk tas-siġar ta' l-akaċja li s-sena l-oħra tqaċċtu mill-inħawi madwar l-iskola primarja ta' San Ġiljan peress li qed ikerrhu l-post u jagħtu dehra ta' telqa u żdingar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawn iz-zkuk sejrin jitwarrbu mill-aktar fis possibli.

Pumping stations tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Minsitru jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba s-sentini tal-pumping stations tad-drenaġġ ta' Malta u Għawdex ġew imnaddfa mill-materjal solidu li jinġabar fihom biex il-pompi jkunu jistgħu jaħdmu bil-potenzjal massimu tagħhom flok jibqa' jiġri kif qed jibqa' jiġri bi żbruffar ta' drenaġġ f'inħawi bħal tal-Gżira u Tas-Sliema?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

WSC — Ħaddiema tad-drenaġġ

Question

Matul din is-sena saru intervisti ta' l-impjegati tad-drenaġġ mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma biex ikun hemm titjib fil-gradi u biex isiru team leaders? Xi kriterji tħaddmu biex jingħataw il-marki l-ħaddiema? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' l-impjegati u l-marki li ġabu fl-intervisti u fuq liema bażi ngħataw dawn il-marki?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-kriterji li ntużaw biex jingħataw il-marki fl-intervisti ta’ min applika biex jinħatar Team Leader fis-sezzjoni Wastewater tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kienu, Suitability, Experience u Qualifications. Il-bażi li fuqhom ingħataw il-marki huma mqassmin fi 30% Suitability, 40% Experience u 30% Qualifications. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista sħiħa tal-ħaddiema li applikaw u l-marki li ngħataw kif ippublikata fuq in-'notice board' tal-KSI.

WSC — Taqsima tad-Drenaġġ

Question

Matul din is-sena, kemm-il darba fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma gie organizzat taħriġ ta' multi-skilling għall-ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ? Kemm ħadu sehem f'dan it-taħriġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporażżjoni għas-Serviżżi ta' l-Ilma tagħti taħriġ lill-ħaddiema kollha tat-taqsima tal-Wastewater (drenaġġ) dwar is-saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol kif ukoll taħriġ dwar customer care. Jingħata taħriġ ieħor ta’ diversi tipi permeżż ta’ korsijiet li jkunu miftuħa għal kull min ikun interessat u japplika. S’ssa għadu mhux qed jsir taħriġ speċifiku ta’ multi-skilling għal ħaddiema fis-seżżjoni tal- Wastewater .

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Jista' jiġi verifikat jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, huwiex jieħu l-pensjoni u l-benefiċċji soċjali ntitolat għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Leg 10 PQ #22227 Sitting 470 2006-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Żvilupp tal-Kultura Nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21858 u 22072 u jgħid x'fondi pubbliċi ntużaw mill-Ministeru għall-iżvilupp tal-kultura nazzjonali tagħna matul is-sena 2005? Lil min ingħataw dawn il-fondi u għal liema inizjattivi ngħataw?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Parti sostanzjali mill-fondi tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jmorru għall-iżvilupp tal-kultura ta’ pajjiżna. Dawn il-fondi jingħataw lil entitajiet governattivi jew semi governattivi bħall-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Heritage Malta, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, t-Teatru Manoel u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru għall-Kreattività. Dawn l-entitajiet jużaw parti mill-fondi tagħhom sabiex jgħinu entitajiet privati jew individwi sabiex itellgħu attivitajiet kulturali. Jekk l-Onor Interpellant jixtieq informazzjoni aktar dettaljata, nitolbu ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Studji għaż-żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern fl-aħħar sena biex ikun jista' isir ix-xogħol meħtieġ għal iżjed studji siżmiċi għaż-żejt fl-inħawi tal-baħar Malti li jmiss ma' dak Libjan u Tuneżin u fejn fil-baħar tagħna għandna postijiet Limoncello u Chianti li ġew deskritti li fihom prospetti dinji ta' żejt?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta’ valur kummerċjali u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba m’għandiex tkun ippubblikata.

Bajja tax-Xemxija — Żbroff ta' drenaġġ

Question

Jirriżulta li fl-aħħar tlett xhur kien hemm żbruffar ta' drenaġġ fil-bajja tax-Xemxija peress li qed ikun hemm intiena qawwija ta' drenaġġ fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li meta tagħmel xita qawwija s-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi ma tlaħħaqx għalhekk ikun hemm żbruffar. Il-Korporażżjoni għas-Serviżżi ta’ l-Ilma għaddejja bi programm ta’ bdil tal-infrastruttura (mains u pompi) tad-Drenaġġ mill-Pwales sa`-Ċumnija, fil-Mellieħa biex din il-problema tkun solvuta darba għal dejjem. Dan ix-xogħol mistenni li jkun lest sa nofs is-sena d-dieħla.
Leg 10 PQ #22302 Sitting 470 2006-11-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti turistiċi

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22155, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jintnefqu l-Lm5.83 miljun ta' fondi strutturali ta' l-UE fis-sena 2007? Se jilħqu jintnefqu kollha dawn il-fondi fis-sena 2007?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed isir x-xogħol preparatorju fuq il-proġetti li qed ikunu kkunsidrati għal finanzjament mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ix-xogħol jinkludi l-iżvilupp ta’ kunċetti, disinji u tlestija ta’ tender documents. Kull ħmistax isiru laqgħat fil-Ministeru fejn il- project leaders ta’ dawn il-proġetti jagħtu progress reports lis-Segretarju Permanenti.

Sidien ta' ristoranti — Ħlas għal imwejjed barra

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22158, kif jispjega l-Viċi Prim Ministru li ristorant fix-Xemxija li ismu qed jintbagħat separatament, qabel kien jirċievi kont ta' Lm40 għal erba' imwejjed u issa rċieva kont ta' Lm160 għall-istess erba' imwejjed mid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa wieħed fejn kien hemm permess li kien inħareġ fl-1977 sabiex jitpoġġew erba' mwejjed u siġġijiet bl-Lm40.00 fis-sena. Dawn it-tip ta' permessi kienu joħolqu diffikultajiet għaliex kien hemm min jabbuża u jokkupa art ikbar billi juża imwejjed akbar. Kien għalhekk li 'il fuq minn għaxar snin ilu kienet tbiddlet is-sistema u ġie deċiż li l-ħlas ikun ibbażat skond l-art okkupata u dana bir-rata ta' Lm10.00 fis-sena għal kull metru kwadru. Barra minn hekk fl-2001 l-Awtorita' ta' Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet ħarġet 'Development Notification Order' li, fost affarijiet oħra jirregola l-imwejjed u siġġijiet li jitpoġġew fuq il-bankina minn stabbilimenti ta' l-ikel u bars. Minn spezzjoni li saret fl-2005 mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irriżulta li kienu saru xi xogħlijiet fuq il-bankina u li l-permess li kien inħareġ fl-1977 ma kienx konformi mal-kriterji tad-Development Notification Order li semmejt qabel. F'każijiet bħal dawn it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma jkolliex triq oħra ħlief li tittermina l-permess eżistenti u toħroġ ieħor ġdid skond il-kriterji u miżati applikabbli illum. L-individwu in kwistjoni instab, li biex ikun konformi mal-liġi, jista' jingħata permess jokkupa 16-il metru kwadru ta' art, li bir-rata ta' Lm10.00 il-metru kif stabbilita snin ilu, jissarfu f'miżata annwali ta' Lm160.00

Lukandi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21870 u jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time u part-time fil-lukandi u fir-ristoranti f'Malta u Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta’ ħaddiema full-time u part-time li kienu jaħdmu fil-lukandi u ristoranti f’ Malta u f’Għawdex fl-aħħar ta’ Ġunju 2006 kienu kif ġejjin: Lukandi u Ristoranti Malta Ghawdex Total Full Timers 8,406 701 9,107 Part Timers bħala xogħol ewlieni tagħhom 5,030 466 5,496 Part Timers li għandhom xogħol Full Time ukoll 3,208 207 3,415 Informat ukoll li l-aħħar statistika ippublikata hi dik ta Ġunju 2006.

Skola sekondarja Sir Luigi Preziosi — Għajnuna lil studenti

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tattendi Form I Sir Luigi Preziosi secondary school tingħata l-għajnuna kollha meħtieġa għax mhix f'pożizzjoni ssegwi edukazzjoni sekondarja għax hija nieqsa mill-aktar ħiliet bażiċi fl-edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-istudenta tiġi statemented. Sakemm tiġi statemented l-iSchool Counsellor qed issegwi regolarment lill-istudenta.

WSC — Ħsara fuq bankina

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-Korporazzjoni għas-Sevizzi ta' l-Ilma se ssewwi l-ħsara li saret lill-bankina ta' quddiem ir-residenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet saret minn resident bil-membrane biex ma jinfidx l-ilma tax-xita fil-bini tiegħu u issa dan il-membrane ġie minfud bix-xogħol tal-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Rapport tal-MEPA

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 21148, jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fid-dawl tar-rapport tal-MEPA tad-9 ta' Novembru, 2006 li ma ġewx segwiti fl-ispirtu u l-kelma l-provvedimenti tal-Liġi li ssir konsultazzjoni sħiħa u serja f'kull stadju tal-proċess tal-pjan lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-konsultazzjonijiet fuq il-Pjan tal-Majjistral ta' Malta saru skond il-provvedimenti ta’ l-Artiklu 27 ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Dan l-artiklu jikkontempla perjodu b'minimu ta' sitt gimgħat wara li l-abbozz tal-pjan lokali joħrog fid-dominju pubbliku. L-istess att ma jikkontemplax konsultazzjonijiet addizzjonali. Sadanittant il-Gvern ma jeskludix li jikkonsidra bidliet fil-Liġi ta’ l-Ippjanar biex ikun hemm proċess aktar wiesa’ ta’ konsultazzjoni.
Leg 10 PQ #22154 Sitting 465 2006-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Awtorita' Maltija tat-Turiżmu

Question

Matul is-sena 2004 kemm nefqet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fuq reklamar f'pajjiżi oħra? Kemm nefqet fis-sena 2005? Kemm se tonfoq fis-sena 2006 u kemm qed tistma li se tonfoq fis-sena 2007?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-nefqa ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'reklamar f'pajjiżi oħra fis-snin 2004, 2005 u 2006 kienet kif ġej: 2004 Lm 1,882,315 2005 Lm 2,098,849 2006 Lm 2,159,602 L-ispiża għas-sena 2007 hi maħsuba li tkun viċin dik ta' l-2006.
Leg 10 PQ #22155 Sitting 465 2006-11-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għat-Turiżmu u Kultura

Proġetti turistiċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu t-total ta' fondi mill-Unjoni Ewropea li se jintnefqu fi proġetti turistiċi fis-sena 2007? X'tip ta' proġetti se jsiru, fejn u kemm se tkun in-nefqa fuq kull proġett? Meta se jibda x-xogħol fuq kull proġett u meta se jintemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-sena d-dieħla mill-fondi strutturali 2004-2006 ser jintefqu Lm 697,000 fuq il-proġett ta' Haġar Qim u l-Imnajdra u fuq taħriġ għall-industrija tat-turiżmu. Kif imħabbar fil-budget, għas-sena 2007 hemm maħsub li jintefqu Lm 5.83 miljuni għall-proġetti turistiċi u kulturali mill-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropeja 2007-2013. F'dan l-istadju għadu kmieni biex jingħataw dettalji fuq il-proġetti speċifiċi, minħabba kif jaħdem l-istess proċess tal-mekkaniżmu tal-fondi strutturali. Hemm numru ta' proġetti oħrajn li huma maħsuba li jsiru permezz ta' fondi oħrajn mill-Unjoni Ewropeja, partikolarment minn programmi ta' fondi diretti. Dettalji fuq dawn il-proġetti jkunu jistgħu jingħataw aktar il-quddiem.