Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22524 u jgħid: Bħalissa l-Air Malta kemm għandha ajruplani li qed tillisja għal titjir f'pajjiżi oħra? Xi ħsieb hemm matul is-sena li ġejja li l-Air Malta tillisja ajruplani oħra barra minn Malta? X'effett huma maħsuba li jħallu fuq seat capacity f'rotot differenti għal min irid jiġi f'pajjiżna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li għall-istess raġunijiet li tajt fir-risposta għall-mistoqsija Nru. 22599, ma jidhirlix li din l-informazzjoni għandha tiġi pubblikata.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22527 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern jiddeċiedi dwar servizz regolari bl-ajru bejn Malta u Għawdex peress li iżjed ma jintilef żmien iżjed se jkun diffiċli għall-operaturi Għawdxin li jirriklamaw vaganzi f'Għawdex fix-xitwa u s-sajf li ġej?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-gvern għadu mpenjat li jkun hemm servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, iżda tali servizz irrid jiġi provdut minn kumpaniji privati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istess faċilitajiet li ngħataw lir-Ryanair biex il-passiġġieri tagħha jaslu bil-mixi fit-terminal jew fuq l-ajruplan ingħatawx ukoll lil linji oħra ta' l-ajru biex jiffrankaw ukoll spejjeż ta' l-operazzjonijet tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien nfurmat li l-Malta International Airport bħala l-operatur ta' l-ajruport toffri l-istess faċilitajiet lil kull operatur ta' l-ajru.
Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġunijiet l-Air Malta qed topera titjira minn Tripli li qed tkun tard wisq għall-konnessjonijiet internazzjonali minn Malta, meta qabel il-ħin kien aħjar wara nofsinhar?
Response (GATT, AUSTIN)
Jeżistu raġunijiet kummerċjali u strateġiċi għall-iskeda l-ġdida, iżda ma jidhirlix li billi nippublika informazzjoni kummerċjali u sensittivi se nkun qed nagħmel ġid lill-Air Malta u konsegwentament jidhirli li minħabba natura tagħha, din l-informazzjoni m'għandiex tiġi publikata.
Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri jistgħu jieħdu nisa separati biex ma jaqgħux lura fil-livell ta' l-għajxien tagħhom meta l-manteniment ikun ġie ffissat snin ilu u qatt mibdul minkejja ż-żidiet fl-għoti tal-ħajja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Persuni fis-sitwazzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant li jissodisfaw il-kriterji relevanti stabbiliti fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jistgħu jibbenefikaw mill-Għajnuna Soċjali. L-ammont dovut jinħadem skond id-dħul tagħhom, inkluż l-ammont ta' manteniment.
Inżid ngħid li mara separata li jkollha dritt għall-manteniment mir-raġel tista' tagħmel rikors il-Qorti li permezz tiegħu titlob biex tvarja l-ammont ta' manteniment minħabba tibdil fiċ-ċirkostanzi.
Tista' l-Ministru tara li jiġi vverifikat jekk persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex qed tieħu l-benefiċċji soċjali kollha intitolata għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn is-snin liema kumpannija kellha l-kiri tal-karozzi ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu: 2003, 2004, 2005 u 2006?
Jista' jgħid f'kull każ kemm kien iż-żmien tal-kuntratt miftiehem? Jista' jgħid id-data li fiha ħarġu sejħiet għall-offerti għall-kiri tal-karozzi f'dawn is-snin?
X'se jiġri għall-kiri tal-karozzi fis-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tal-Westminster Car Hire ingħata f'Settembru 1999 għal ħames snin permezz ta' tender. Minn Settembru 2004 sa April 2006, dan kien imġedded.
F'Jannar 2006 ħareġ tender ġdid li kien ingħata lil En Route Malta Drive f'Mejju tas-sena 2006 għal ħames snin sas-sena 2011.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni responsabbli mill-marketing u mis-segments fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u jgħid x'budget se jkollhom allokat għalihom fis-sena 2007? Jista' jgħid x'inhuma r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom u x'riżorsi umani u finanzjarji se jkollhom biex jilħqu dawn il-miri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat wara l-proċess ta’ re-engineering li sar fil-qasam tal-marketing ta' l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu, il-programm ta’ marketing fl-MTA issa ġie maqsum f’numru aktar wiesgħa ta’ areas li huma:
Żvilupp ta’ Swieq u Segments
Marketing Services
Riċerka
Marketing Internazzjonali
Ospitalita' u Relazzjonijiet Pubbliċi
Il-fondi allokati għal dawn l-areas ta’ attivita jammontaw għal Lm3.83 miljuni. Ma dawn wieħed irid iżid Lm1.1 miljuni li huma allokati sabiex jitmexxa n-network ta’ uffiċini li l-MTA għandha barra minn Malta.
Il-fondi se jintefqu f’numru ta’swieq permezz ta’ reklamar li jinkludi wkoll reklamar mal-operaturi, parteċipazzjoni f’numru ta’ fieri kemm ta’ natura ġenerali kif ukoll ta’ natura speċjalizzata, attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi kif ukoll sponsorship ta’ attivitajiet internazzjonali li jiġġeneraw coverage pubbliċitarju għall-Gżejjer Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2005 kemm ipprovdiet passenger seats l-Air Malta fuq ir-rotot kollha li operat? Kemm huwa stmat li se tipprovdi passenger seats fuq ir-rotot kollha fis-sena 2006 u 2007?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid mill-budget ta' l-MTA 2006 u 2007:
1) x'persentaġġ qed imur fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex;
2) x'persentaġġ qed imur fuq għajnuna lil-low cost airlines;
3) x'persentaġġ qed imur fuq market support għat-tour operators?
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa mill-MEPA u l-awtoritajiet konċernati biex l-iżvilupp mitlub f'applikazzjoni PA06361/06 għal water park u caravan site ma jintlaqtux ħażin il-bdiewa u s-sajjieda ta' l-inħawi u l-iżvilupp isir skond kriterji moderni li t-turiżmu jrid ikun sostenibbli, ambjentalment u kulturalment, u kompatibbli ma' l-interessi tal-bdiewa u s-sajjieda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jiġi investigat rapport li biex l-adoloxxenti li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ittieħdet lejn l-isptar Monte Carmeli ġiet eskortata bil-pulizija u kienet immanettjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar il-21 ta' Novembru 2006, il-psikjatra kuranti tal-persuna imsemmija, kien talab l-assistenza tal-Pulizija ta' San Ġiljan sabiex il-pazjenta tiegħu tkun rekoverata fl-isptar Monte Carmeli stante li din kienet aggressiva ħafna. Il-Pulizija għalhekk marret fir-residenza fejn taw l-assistenza tagħhom lill-żewġ social workers, qraba tal-pazjenta u l-attendants tal-ambulanza. Ma jirriżultax illi f'xi ħin intużaw il-manetti mill-Pulizija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom armla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, weħlet multa dwar it-taxxa tad-dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni personali ma tistax tingħata minħabba d-dispożizzjoni ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametnari 22325 u jgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba s-sentini tal-pumping stations tad-drenaġġ ta' Malta u Għawdex ġew imnaddfa mill-materjal solidu li jinġabar fihom biex il-pompi jkunu jistgħu jaħdmu bil-potenzjal massimu tagħhom flok jibqa' jiġri kif qed jibqa' jiġri bi żbruffar ta' drenaġġ f'inħawi bħal tal-Gżira u Tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22369 b'riferenza għal Triq M.A. Borg?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn spezzjoni li saret minn ufficjali ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta irrizulta li gej:
· Hemm
zebra crossing
fi Triq M A Borg fejn tista’ taqsam tali triq bil-mixi minn bankina ghal ohra u li tali bankina twassal ghat-tarag li jghati lejn l-iskola.
· Minhabba l-
gradient
ta’ Triq M A Borg u l-ammont ta’ vetturi, li jinkudu vetturi tal-garr ta’ merkanzija, li juzaw tali triq, mhux rakkommandat li jsiru
traffic calming
.
Tista' l-Ministru tara li jiġi vverifikat jekk persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux qed jieħu l-benefiċċji soċjali kollha intitolati għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Peress li f'seminar riċenti l-istampa rrapportat lill-Ministru jgħid li n-nefqa ta' fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea fit-turiżmu se tkun ta' Lm4.4 miljun, jista' l-Ministru jgħid hux korrett l-ammont f'dan ir-rapport, meta fid-diskors tal-budget 2007 jissemma l-ammont ta' Lm5.8 miljun?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ir-referenza għal Lm 4.4 miljuni li saret fis-seminar irrapportat mill-Istampa kienet għal proġetti ta’ natura infrastrutturali f’Malta u f’Għawdex għat-turiżmu. Dan huwa ukoll rifless fl-Estimi tal-Budget 2007 taħt Product Development Malta u Product Development Gozo.
Jista' l-Ministru jgħid x'kordinazzjoni ssir bejn il-MEPA u l-awtoritajiet sanitarji taħt il-Ministeru tas-Saħħa peress li hemm każi fejn uffiċjali tas-sanita' ma jsibu ebda problema fi stabiliment iżda mbagħad is-sanitary engineering officer isib problemi, aktar dettalji dwar każ partikolari qed jintbagħtu separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha prassi li tikkonsulta mad-Dipartiment tas-Saħħa fuq applikazzjoniet għall-iżvilupp li jinkludu ikel u xorb. Fost kundizzjonijiet oħrajn li dan id-Dipartiment jinkludi fir-risposta tiegħu lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) hemm li l-iżvilupp mitlub josserva l-liġijiet u r-regolamenti dwar il-Bini u Sanità. Fil-fatt dan ikun mistħarreġ mis-sanitary engineering officer fi ħdan l-Awtorità.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tagħmel arranġamenti biex tiltaqa’ mal-
General Services Board
biex jiġu diskussi sitwazzjonijiet fejn l-Awtorità tixtieq li tintlaħaq pożizzjoni komuni bejnha u bejn il-
General Services Board
dwar interpretazzjoni tal-liġi tas-sanità. L-intenzjoni ta' dawn il-laqgħat hija ukoll biex tissuġġerixxi emendi li jindirizzaw problemi komuni li jeżistu f'ħafna bini ta ċertu żmien li hu impossibbli li jiġi regolarizzat jew irranġat mingħajr twaqqigħ, jekk ma tinstabx alternattiva adekwata billi jiġi aċċettat l-użu ta'
forced ventilation
.
Għat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant josserva l-prassi maqbula f’din il-kamra dwar applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-Air Malta ddeċidiet li ma titfax l-offerta għall-ebda rotta maħruġa mill-gvern għal-low cost airlines bl-iskema ta' sussidju li ħareġ s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.