Jista' l-Ministru jgħid mnejn hi ppjanata li tgħaddi t-triq fil-Limbordin, limiti ta' San Pawl il-Baħar, u x'impatt se tħalli fuq ir-raba' saqwi ta' l-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta tat-triq proposta bħala alternattiva għat-telgħa tax-Xemxija. Din il-proposta tikkonsisti fil-bini ta’ triq b’tul ta’ mina ta’ 500m u bini ta’ pont li ser jagħqdu il-By Pass ta’ San Pawl mat-Telgħa ta’ Selmun.
L-impatt ambjentali preliminari ta’ din il-proposta għadu mhux konkluż.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2006 kemm kien hemm każi ta' food poisoning f'ikel ippreparat fil-kċina ta' l-isptar San Luqa? Jista' jgħid jekk fl-istess żmien kienx hemm drabi fejn kien qed isir xogħol ta' żebgħa fil-kċina ta' l-isptar waqt il-preparazzjoni ta' l-ikel?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hawn outbreak wieħed ta' Noro Virus f'Novembru 2006 li bih ġew milquta 45 persuna li kienu fl-Isptar San Luqa.
Fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2006 saru diversi xogħlijiet ta' żebgħa fl-Isptar San Luqa. Wieħed minn dawn ix-xolgħlijiet kien fil-kċina ta' l-Isptar. Dan ix-xogħol ta' żebgħa kien isir kuljum wara l-erbgħa ta' wara nofsinhar u jibqa' sejjer sa tard filgħaxija, jiġifieri wara li x-xogħol ta' preparazzjoni u tqassim ta' l-ikel fit-trollies ikun intemm.
Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ilmenti mqajma mill-ġenituri dwar l-imġieba riġida u militareska li turi l-għalliema li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed twassal biex l-istudenti jmorru l-iskola beżgħana u kontra qalbhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-każ qed jiġi segwit mill-amministrazzjoni ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22696 u jara jekk jistgħux jittieħdu passi biex fit-triq li qed tippjana l-ADT Mellieħa Ridge Crossing Project IX.X li se ssir minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea (Contract No. Europeaid/114473/D/SV/MT) jittieħdu l-passi kollha biex ma titteħidx art agrikola u biex ma jintlaqtux ħażin il-bdiewa ta' l-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-proġett imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant huwa wieħed mit-tlettax il-proġett li ġew identifikati mill-kumpanija Franċiża BCEOM għat-titjib tat-triq arterjali miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġia. Din it-triq hija parti mit-‘Trans-European Network’ Ewropew.
Din il-kumpanija studjat l-attivita preżenti ta’ din it-triq, identifikat il-problemi u pproponiet diversi rimedji għat-titjib ta’ din it-triq. Sar ukoll analiżi ambjentali ta’ diversi alternativi proposti għal kull proġett.
Deċiżjoni finali fuq it-triq għadha ma ittiehditx.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2005 u l-2006 kemm kien hemm impjegati ma' l-isptar Zammit Clapp li kellhom impjieg full-time f'xi dipartiment u tawhom impjieg ieħor part-time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar?
F'dawn il-każi, x'parir ta l-management lill-impjegati dwar b'liema rati ta' taxxa jinqabdu għal full-time u part-time?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Żammit Clapp matul l-2005 u l-2006 kellu tlett impjegati ma' l-isptar kellhom impieg full time u impjieg ieħor part time f'dipartiment ieħor fl-istess sptar.
Ir-rata ta' taxxa li tiġi applikata mill-isptar hija proviżjonalment dik ir-rata li tiġi applikata fl-FS4, li tiġi ffirmata mill-impjegat stess u wara tiġi applikata r-rata li jiddetta d-dipartiment tat-taxxa wara li dan id-dipartiment jieħu f'konsiderazzjoni l-qliegħ totali tal-individwu għal kull sena taxxabli.
L-isptar qatt ma jagħti parir fuq taxxa w dejjem jesiġi li l-individwu jieħu opinjoni professjonali jekk dan huwa meħtieġ. Id-deċiżjoni finali ta' liema rata ta' taxxa hi applikabbli hija bejn l-individwu u d-dipartiment tat-taxxi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Air Malta ċ-chief officer, il-group head u l-heads ingħatawx performance bonus u għal kemm kien jammonta dan il-bonus u jekk dawn il-bonuses suppost kenux "frozen" bħal increments ta' l-impjegati skond il-perijodu mniżżel fil-memorandum of understanding li kien sar ma' l-unions?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-persuni li qedin fil-grad ta’ Chief Officer u ta’ General Manager għandhom kuntratt ta’ tlett snin, u għalhekk mhumiex qedin f’din il-kariga b’mod permanenti. Parti mid-dħul tagħhom huwa bbażat fuq performance bonus.
Il-bonus relatat mal ‘performance’ għall-grad ta’ Chief Officer u General Manager huwa kkalkulat kif spjegat hawn taħt:-
- Jekk ir-riżultati operattivi tal-Grupp mill Operat ewlieni jiġi milħuq, 66.67% tal-bonus relatat mal performance jiġi mħallas.
- Jekk l-għanijiet (KPIs) li ġew stabbiliti għad-Divisjonijiet rispettivi jiġu milħuqa, 33.33% tal-bonus relatat mal-performance jiġi mħallas.
Fis-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Marzu 2006, l-ebda Chief Officer jew General Manager ma ġie mħallas bonus relatat mal-‘performance’ fl-iskema marbuta mar-riżultati Operattivi tal-Grupp.
Is-somma totali ta’ Lm29,401 ġiet imħallsa lil 9 Chief Officers u 21 General Managers bħala bonus relatat mal-fatt li l-għanijiet tad-Diviżjonijiet u Dipartimenti (KPIs) ġew milħuqa.”
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ekwivalenza li għandha c-certificate of chartered institute of bankers vis-a-vis diploma jew degree universitarja, li għalih ikkwalifikaw studenti fil-Liceo Paolino Vassallo fis-snin li għaddew u kien jagħmilhom eliġibbli għal impjieg fil-qasam bankarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li fis-snin li għaddew kkwalifikaw mill-Liceo Paolino Vassallo għas-Certificate of Chartered Institute of Bankers kisbu kwalifika komparabbli biex setgħu japplikaw biex jidħlu l-Universita' għall-Baċellerat fil-Kummerċ sakemm flimkien ma' dan iċ-ċertifikat ikunu għaddew mill-Pure Maths f'livell intermedju.
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġunijiet tneħħiet it-tabella ta' l-unloading li kien hemm mal-ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hija bżonnjuża ħafna għall-ħanut u li għal snin sħaħ ma ħolqot problema għal ħadd fit-triq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ġiet mitluba mill-Kunsill Lokali tal-Gżira, b'ittra datata 15 ta' Ġunju 2006, sabiex tinvestiga każ ta' allegat abbuż mill-użu ta' un/loading bay li għaliha qed tirreferi din il-mistqosija parlamentari.
L-użu ta' tali un/loading bay ġie investigat minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u ġie kkonfermat li tali bay kienet qed tintuża bħala estenzjoni tal-ħanut billi bdew jiġu eżibiti oġġetti għall-bejgħ fuqha u f'ġranet oħrajn tali bay kienet qed tintuża għal-parkeġġ tal-karozzi privati.
Għaldaqstant, il-permess ta' tali un/loading bay ġie revokat fit-30 ta' Novembru, 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li bdiet il-pulizija kontra l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, dwar serqa ta' tliet snieter? (referenza liċenzja nru. 08824/2004 maħruġa mis-Sliema Weapons office fil-11 ta' Frar 2004 u x'se jiġri minn dawn is-snieter ta' persuna oħra li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi nhar it-23 ta' Mejju 2005, kienet ġiet irrapurtata serqa minn residenza f'Tas-Sliema, minn fejn fost l-oġġetti misruqa kien hemm tlett snieter. Infurmat ukoll illi waqt tfittxijiet li il-Pulizija kienet qed tagħmel fil-kors ta' investigazzjoni separata, fost l-oġġetti misjuba kien instab senter li rriżulta li kien wieħed minn dawk irrapurtati misruqa minn Tas-Sliema. Sussegwentement persuna kienet ġiet akkużata quddiem il-Qorti u s-senter imsemmi kien ġie eżebit quddiem il-Qorti f'dawn il-proċeduri, li għadhom pendenti quddiem il-Qorti. Fiċ-ċirkostanzi sid dan is-senter jista' jagħmel talba lill-Qorti sabiex tikkonsidra r-rilaxx tas-senter.
Jista' sid jirrifjuta li jikri post għax l-inkwilin ikun irid japplika lill-gvern għas-sussidju għall-kera?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar m'għandiex dritt timponi fuq deċiżjoni meħuda minn sid ta' proprjeta' fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' issa l-Ministru jgħid x'ġie aċċettat mill-grupp konsultattiv fil-pjan nazzjonali għat-turiżmu li ġie mxandar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern, fit-tfassil tal-pjan nazzjonali tat-turiżmu laqa' il-parti sostanzjali tal-proposti magħmula mill-grupp kosultattiv.
Issa li tqajjem l-ilment imsemmi f'mistoqsija parlamentari 22522, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew se jittieħdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Maltacom kienu irċievew iktar minn lment wieħed mill-inħawi ta' Ta' Giorni, konsegwenza ta' xi ħsarat fil-cable ta' l-inħawi. Kien il-Ħamis 30 ta' Novemru 2006 meta ġew mibdula żewġ cables ta' 400 metru il-wieħed, u ġiet minnufiħ solvuta l-problema. Din it-tiswija seħħet fiż-żmien stipulat mill-Consumer Charter tal-Maltacom. Dan juri li l-intervernt tal-Maltacom kien pront u l-ebda lment ma laħaq wasal għand l-MCA.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22590 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-Air Malta ddeċidiet li ma titfax l-offerta għall-ebda rotta maħruġa mill-gvern għal-low cost airlines bl-iskema ta' sussidju li ħareġ s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għall-riposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 22599. Bażikament ir-raġuni hi li r-rotot ġodda jridu jagħmlu sens kummerċjali.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom trakkijiet li jiġbru l-kontenituri ta' l-iskart separat iħalltu l-iskart kollu flimkien wara li ċ-ċittadini jkunu qagħdu jisseparaw l-iskart?
X'sens jagħmel dan jekk l-iskart jiġi separat fis-sors u mbagħad jerġa' jitħallat waqt il-ġbir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi il-kuntratturi responsabbli mill-ġbir ta’ l-iskart mid-diversi kontenituri għas-separazzjoni ta’ l-iskart għandhom ordni biex dan l-iskart jinġabar b’mod separat. Fil-fatt, it-tipi differenti ta’ skart jinġabru fi ġranet differenti. Il-kumpanija WasteServ Malta Ltd tagħmel spezzjonijiet regolari fuq it-trakkijiet li bihom jinġabar l-iskart isseparat kif ukoll fuq il-materjal li jitwassal mill-istess trakkijiet fl-impjant ta’ Sant Antnin. Dawn l-ispezzjonijiet ma żvelawx li l-iskart mill-kontenituri differenti qiegħed jitħallat. F’każ li l-Onorevoli Membru jaf b’xi każijiet nitolbu jgħaddili l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali ħalli ssir l-investigazzjoni neċessarja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlametnari 22528 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jxandar ir-rapporti li saru lill-gvern dwar għandhiex issir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern se jħabbar id-deċiżjoni tiegħu fuq dan is-suġġett u issues relatati meta jqis li jkun hekk opportun.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22593 u jgħid mill-budget ta' l-MTA 2006 u 2007:
1) x'persentaġġ qed imur fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex;
2) x'persentaġġ qed imur fuq għajnuna lil-low cost airlines;
3) x'persentaġġ qed imur fuq market support għat-tour operators?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' jiġi vverifikat jekk l-armla minn Pembroke li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex qed tieħu l-benefiċċji soċjali kollha li hi ntitolata għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jittieħdu passi biex fit-triq li qed tippjana l-ADT Mellieħa Ridge Crossing Project IX.X li se ssir minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea (Contract No. Europeaid/114473/D/SV/MT) jittieħdu l-passi kollha biex ma titteħidx art agrikola u biex ma jintlaqtux ħażin il-bdiewa ta' l-inħawi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22526 u jgħid: Issa li s-surcharge tniżżlet minħabba tnaqqis fil-prezz taż-żejt, jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li jbaxxi l-cappingtal-prezz tad-dawl fuq il-lukandi u li jdaħħal capping fuq il-kont tad-dawl tar-ristoranti li qed ibatu ħafna?
Response (GATT, AUSTIN)
Waqt li ninnota li l-Onor Interpellant qed jissuġerixxi li għandu jitnaqqas il-"capping" fuq is-"surcharge" li jibbenefikaw minnu l-lukandi, ninformah li l-Gvern jemmen li mhux iż-żmien li dan għandu jsir.
B'riferenza għall-aħħar parti tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22468, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar il-ħanut imsemmi f'Birżebbuġa peress li għadhom qed jasluli l-ilmenti dwar l-inkonvenjent kbir ta' storbju li jikkaġuna lill-ġirien li qed jgħixu f'sitwazzjoni intollerabbli?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kif diġa' spjegajt, kull meta irriżulta illi kien hemm xi ksur tar-regolamenti fil-ħanut imsemmi, il-Pulizija ħadet passi u nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.